(Minħabba kliem espliċitu din l-istorja għandha tinqara biss minn adulti. Is-silta kienet sottomessa għall-pubblikazzjoni Leħen il-Malti 38)
Il-mużika ta’ Tersø tinħass tajba. Kemxejn melankolija imħallta ma’ ħoss elettroniku kontemporanju fakkruh f’Dntel u Meg, li issa kien ilu snin ma jisma’. Il-lingwa Taljana, mużika fiha nfisha. Dejjem saħħritu. Fiha kien isib wens u familjarità. L-istess fid-dawl oranġjo tal-globu li kienet irregalatlu Anna aktar minn għaxar snin qabel.
–
“Aħħ… ħudni qalbi, ħudli kull rokna ta’ ġismi, imma mhux biss. Ippenetrali ruħi u moħħi. Kemm irrid li ntik kollox… ġismi mxennaq għal tiegħek. Maa… ħa nieqaf ara…”
Kienu l-iktar żewġ linji li qara dakinhar mill-pataflun – miktuba fuq kartolini jew fuq messenger – li kienu raddew tama lil qalbu meta kesħet. Taħt kwilt jew tnejn, saqajh ma kienu jisħnu b’xejn – tistħajlu mejjet. Kien entużjast għall-kitba, il-ħsieb u l-poeżija. Spiss kien iwaħħadhom. Kienu jmorru flimkien. Wara l-keded ma’ Roberta, u l-firda li talbitu qabel marret tiddeverti ma’ sħabha, ħafna, inkluż minn dawn tal-aħħar, ferħulu li kien fetaħ moħħu – xi ħaġa li ma seta’ qatt jifhem sew. Qalulu li kienet tifla żgħira, ma tafx xi trid u li ma kellux xi jridha. Minn kollox intqal miegħu dwarha. Bħal imsiemer imsadda, sallbu mħabbtu f’agunija li ħadet ħafna iktar minn tliet sigħat.
Lil Sara kulħadd ferħilha li fl-aħħar intefgħet ma’ xi ħadd subgħajh dritt li tassew ried iħobbha. Hi ddeskrivietu bħala l-bniedem ideali li tkun miegħu: karattru intelliġenti, maħbub min-nies u li jagħti rispett lil kulħadd. Ġuvni gustuż, b’ġisem mislut li kienet issib intriganti. Kienet tħobb tirċievi xi stessu tiegħu fuq soddtu u mhux l-ewwel darba li bis-serqa ħaditlu ritratt ta’ sormu meta kien jintasab għarwien fis-sodda tagħha. Qaltlu li tħobbu u ħeġġitu ma jibżax jerġa’ jibda jħobb huwa wkoll. Wara l-ewwel bewsa tfixklet ftit, iżda l-Erbgħa, quddiem il-kappella ħdejn il-baħar, ħalfet li jkollha x’taqsam miegħu ladarba juriha x-xewqa. U hekk kien. Saħansitra wara ftit ġimgħat sabet il-ħin tħarbixlu lista ta’ karatteristiċi li għalihom kienet bdiet issarraf l-emozzjonijiet bil-kelma “mħabba”.
Dejjem ħolom li jkun ma’ mara żbukkata u senswali, li toħlom f’ħajja kulurita, mimlija avventura u xewqat. Mara li b’wiċċha minn quddiem titolbu jtaqqalha bl-idea li trawwem familja miegħu. In-nisa dejjem esprimew u qasmu miegħu din ix-xewqa iżda Sara, bl-istejjer li ġarrbet u l-modi skjetti tagħha, kienet perfetta. Il-misluta ma’ għoxxha għall-bidu nħasset stramba. Dik il-kemxejn sensazzjoni ta’ metall qisha xekklet il-benna tal-bqija. Imma draha. Qatt ma kien iħoll ilsienu daqs meta kienet tintefa’ għal tulha fuq darha, tfarrad riġlejha u twebblu jikolha.
Kienet qaltlu li kien ġuvni tajjeb. Mhux twajjeb, mhux iblah, mhux baħnan, iżda tassew tajjeb. Din it-tjubija kienet tgerrixha kultant. Kuntrast mal-attrazzjoni li kellha lejn il-misteru miġbur f’għajnejn Robert. Tħassritu b’għajnejh iżebbġu fid-dmugħ u riedet togħdos sakemm dak il-misteru jissolva. F’daqqa ħasset li lanqas kieku niżel Alla ma kienet tiċħad din ix-xewqa li tkompli fejn ħalliet qabel. Il-kejl li għażlet tul ħajjitha sar metru għat-tajjeb tal-lum. Ma kinetx komda b’min stedinha tgħarbel il-verità. Missierha kien qalbu maqtugħa minnha u bil-mod il-mod beda jagħżel li jidfen lilu nnifsu f’dipressjoni; distanti, fid-dell ta’ ħafna dettall nieqes. L-omertà tan-nies li jgħixu madwarha kienet issikket ir-ruħ.
–
Taħt il-gverta saqajh baqgħu kesħin. L-aħħar xogħol ta’ Dntel għoġbu – ħoss ideali mal-oblivju fid-dipressjoni ta’ missieru u l-memorja mitlufa ta’ nanntu.
Il-mistoqsijiet kienu jżeffnu f’moħħu, qishom f’żifna tal-Pampalun. Kienet wisq iebsa jara lil dik li kien beda jħobb, titrembel lura f’abbiss li mingħaliha kien ġenna. Kultant kien jiftakar f’meta ħakimha l-vojt, għajnejha tbiegħdu u stednitu ma jaħsibx daqshekk għax hi kienet għala għoxxha minn kulħadd, inkluż minnu. Imma hu ma kienx jaf hekk. Il-forom eżistenzjali li jilbsu ta’ mħabba, ma kienu xejn ħlief ilpup tal-biża’, kliem fieragħ u egoiżmu. Din is-sensazzjoni kienet tkiddu wisq. Ma kienx iħossu kapaċi jaċċetta li bniedem jista’ jiffalsifika lilu nnifsu fl-imħabba. Xtaq kieku jifhem. Xtaq risposti u soluzzjonijiet. Xtaq jemmen li hemm barra jeżisti min jemmen fl-istess imħabba – għal dejjem. Lil nanntu kien jiggustaha minn daqshekk. L-ebda problema ma baqgħet inkwiet għaliha u ngħatat iċ-ċans tgħix il-mument, bla ebda flieles fil-moħħ. Kien jammira l-ubbidjenza tagħha għax anki fl-istat li kienet, tilgħab bil-flixkun li jimita ħoss il-baħar, kellha kapaċità tilqa’, dak li min jieħu ħsiebha kien jagħmlilha, mingħajr ebda protesta jew diżgwid. Meta jżurha beda jaċċetta li jogħdos fil-mistur u jitla’ kuljum, jew kull meta hemm bżonn, għal bikja u nifs minflok jitbaxxa għal żewġ linji.