Tag: letteratura

Tisbita tal-beati paoli

Reġa’ wasal il-25 ta’ Jannar. Miegħu ħafna ħsibijiet u sensazzjonjiet kontrastanti. Qabel l-ewwel ħjiel tal-għodwa, innutajt lil sħabi jippostjaw ritratti marbuta mal-konverżjoni ta’ Pawlu fuq Facebook. Illum għal ħafna Pawlini jiftaħ is-siparju fuq il-festi sbieħ li jġeddulna memorja mgħoddija lilna mingħand missierna, in-nannu u l-bużnannu. Memorja li huma, f’xifer tal-arblu familjari, talbuna nkomplu ngħaddu, kif twassal lilhom.

Filwaqt li nista’ ngħid li Jeremy il-Juventin rebaħ l-isfida għall-isbaħ ritratt, (u hawn se jifraħ li l-Juve jirbħu kollox) ħsibt li jien ta’ Milanist umli, stajt nesprimi ħsibijiet billi nerġa’ inħażżeż erba’ kelmiet minflok.

Fl-2013 u fl-2015 ktibt dwar il-konverżjoni. Kunċett li jaffaxxinani wisq għal raġunijiet li lanqas jien għadni qatt ma għoddejt. Mhux ser nirrepeti dak li kont diġà ktibt.

Ritratt ta’ Jeremy Agius

L-immaġini romantika jew romantiċiżżata ta’ Sawlu jinstabat minn fuq żiemel għalija tfisser li l-konverżjoni mhi xejn ħlief tisbita tal-beati paoli, dlam u nċertezza b’mistoqsijiet bħal “min int?” u “fejn se mmur?”.

Il-konverżjoni tfakkarni fil-bżonn imminenti ta’ umiltà. Il-bżonn li nieqfu nirkbu żwiemel jew nitilgħu fuq pedestalli biex mingħalina naħsbu li sirna xi ħadd importanti u ta’ poter. Kif fakkarni sieħbi Mario lbieraħ, “kulħadd six feet under sejjer”. Illum jew għada.” Konverżjoni hija l-bżonn li nifgaw ix-xewqa spiss ħelwa ta’ dak li fil-verità nafu li huwa tossiku.

Il-konverżjoni tibqa’ tfakkarni, anki meta ma jkollix aptit niftakar, fil-bżonn tat-tjubija – dik li kontinwament teħodni fejn inweġġa’ u ssabbatni bħal dawl jgħammex. Li mhux jien niddeċiedi iżda li b’umiltà nimxi lejn sejħa. Dik li kull bniedem jista’ jsib biss fil-ġewwieni tiegħu u mkien aktar.

J’Alla ma nkunx trux.

It-teatru

Il-mużika msaħħra ġo qalb ir-raħal għebet. Siket l-applaws. Minjaf forsi Teodor laħaq ħarbex kelmtejn kummentarju u Buhagiar fil-gallarija kien għadu qed jonsob aġġettivi f’lokhom. Minjaf?

L-inbid beda jsejjaħ lill-folla… kważi kważi nstema’ leħnu qalb żaqżieq is-siġġijiet. Żaqżieq iva, simili wisq għall-ħoss tal-bieb ikaxkar sat-tisbita li sakkritu. Waqgħet hemda bħal dik li kultant jinnamra magħha Pawlu. Hemda li sserraħ jew li toffri spazju għal aktar ħsieb; mistoqsijiet. Hemda li tfawwar bħalma tfawwar qalbu bix-xewqa li tingħata. Bħalma tuffieħa mhux ikkunsmata tfawwar b’dud rgħib u moffa.

Raqad it-teatru. Iżda mhux is-seħer li twaħħad miegħu tul iż-żminijiet. Is-seħer tal-poeżija, tal-mużika, kant u dwal. Tal-kostumi, żeffiena, kantawturi u atturi. Ta’ kull ruħ li żaritu.

Mal-ħoss tal-bieb jissakkar, is-seħer stenbaħ u bla ħadd induna, niżel, ikkulurit, bħal f’kull lejl, ikebbes lit-teatru. U aħna hemm konna mgeżwrin f’karta bajda, bis-serqa ngawdu l-maġija. Is-seħer kebbisna, libbisna sal-għabex. U issa li qed inlibbsu lilek, is-seħer nilmħuħ jiżfen ma’ ruħek hekk kif taqa’ l-hemda.

Hemda.