Reġa’ wasal il-25 ta’ Jannar. Miegħu ħafna ħsibijiet u sensazzjonjiet kontrastanti. Qabel l-ewwel ħjiel tal-għodwa, innutajt lil sħabi jippostjaw ritratti marbuta mal-konverżjoni ta’ Pawlu fuq Facebook. Illum għal ħafna Pawlini jiftaħ is-siparju fuq il-festi sbieħ li jġeddulna memorja mgħoddija lilna mingħand missierna, in-nannu u l-bużnannu. Memorja li huma, f’xifer tal-arblu familjari, talbuna nkomplu ngħaddu, kif twassal lilhom.
Filwaqt li nista’ ngħid li Jeremy il-Juventin rebaħ l-isfida għall-isbaħ ritratt, (u hawn se jifraħ li l-Juve jirbħu kollox) ħsibt li jien ta’ Milanist umli, stajt nesprimi ħsibijiet billi nerġa’ inħażżeż erba’ kelmiet minflok.
Fl-2013 u fl-2015 ktibt dwar il-konverżjoni. Kunċett li jaffaxxinani wisq għal raġunijiet li lanqas jien għadni qatt ma għoddejt. Mhux ser nirrepeti dak li kont diġà ktibt.
L-immaġini romantika jew romantiċiżżata ta’ Sawlu jinstabat minn fuq żiemel għalija tfisser li l-konverżjoni mhi xejn ħlief tisbita tal-beati paoli, dlam u nċertezza b’mistoqsijiet bħal “min int?” u “fejn se mmur?”.
Il-konverżjoni tfakkarni fil-bżonn imminenti ta’ umiltà. Il-bżonn li nieqfu nirkbu żwiemel jew nitilgħu fuq pedestalli biex mingħalina naħsbu li sirna xi ħadd importanti u ta’ poter. Kif fakkarni sieħbi Mario lbieraħ, “kulħadd six feet under sejjer”. Illum jew għada.” Konverżjoni hija l-bżonn li nifgaw ix-xewqa spiss ħelwa ta’ dak li fil-verità nafu li huwa tossiku.
Il-konverżjoni tibqa’ tfakkarni, anki meta ma jkollix aptit niftakar, fil-bżonn tat-tjubija – dik li kontinwament teħodni fejn inweġġa’ u ssabbatni bħal dawl jgħammex. Li mhux jien niddeċiedi iżda li b’umiltà nimxi lejn sejħa. Dik li kull bniedem jista’ jsib biss fil-ġewwieni tiegħu u mkien aktar.
J’Alla ma nkunx trux.