Category: Artistic

Santa Marija

Bum, bum, bum, bum… bum

Bum, bum, bum, bum… bum

Bħar-re maġi, segwiet l-istilla murtal. Tlieta lejn il-grotta, hi lejn l-irwejjaħ ta’ gallinar. B’ħarsitha ‘l fuq, waqfet quddiem ċorma għażżiena ta’ kurjużi Maltin, b’siġġijiet u banketti, b’tal-festa t-trumbetti!

Bum, bum, bum, bum… bum. Il-qalb fis-smewwiet! Xi sbuħija! Bum, bum, bum, bum… Libsa sewda u bajda. Spallejn mikxufin.

Kuluri. Ħafna kuluri jsebbħu s-smewwiet sewdiena, forsi għax imnikkta. Kuluri… kuluri bħal ta’ lanġas, għeneb u tuffieħ. Kuluri li jdawlu l-irħula, iżda jgħibu mal-iċken nefħa riħ. Kuluri li… bum, bum, bum, bum, bum…

F’għajnejha r-rifless tan-nar ifewwaħ. Fil-mowbajl ir-rikordju ta’ murtali, issa mejta, li weġġgħu ‘l widnejha. Għal wieħed, mitejn. Tpaxxew l-għajnejn. Marija! Fil-bieb tal-knisja l-folla eleganti. Marija ‘l bogħod, qalb żiffa miżgħuda bżieżaq tas-sapun. Tittajjar magħhom sa ma’… bum, bum, bum, bum, bum…

Illami l-qalb! Magħluqa, imbeżża’. Min jaf għaliex? Forsi s-smewwiet suwed jew forsi t-tifkira tad-drabi li l-qalb instabtet f’nofs għalqa niexfa; tkaxkret bħal ħanqa ta’ ħmar. Bum, bum, bum.

Siktet Marija, mietu l-kuluri. Silenzju… Rakkont ta’ qalb solitarja f’landa tal-ħawħ. Qalb priżervata, mhux daqstant friska, iżda żgur aktar protetta. Riċetta. Qalb imgeżwra f’ħajt fejn koppja anzjana tinnamra f’dawl il-kuluri. Ħajt tas-sejjieħ.

Min jaf?… Bum, bum, bum. Forsi bebbuxu jirnexxilu jneħħieh?

Penġi

Penġi Pawl,
forsi tinsa, jew taljena.
Minjaf?
Forsi tara l’Alla.
Jew forsi tibilgħek balena.

Vuoto 28

Il tuono del primo lampo
oggi ha riempito il mio cuore.
Un’eco fredda mi accarezza,
mi attraversa,
finché non ci sento più
e senza accorgermi
esco sotto pioggia intensa
per pulire i miei pensieri sporchi

Vjaġġ

Lil Malta ninsiha.

Sqallija.
Minn xifer sa xifer, niġriha.
Ċeramika, granita,
muntanji u qaddisin

Issa lura sejrin.

Sqallija.
Inħalliha.
Minn Max u l-maħbubin
għall-ħanxra tal-Maltin

Żiffa

Iż-żiffa kixfet
l-istilel mistħija,
u sikktet lil-lejl,
l-imħabba ‘mgħoddija.

Tajritni sar-raħal;
ir-raħal ta’ Frar.
Malajr qabel jisbaħ,
jsir kollox duħħan.

Nisparixxi

Nisparixxi.
Strixxi.
Nitradixxi
jew nisparixxi.
Ma’ ġismi, strixxi.
Qoton.
Għaraq.
Nesibixxi
xewqa li nisparixxi.

Siekta

Kwieta,
bħal berqa siekta,
int xegħelt il-kamra
hekk kif waqa’ id-dlam.

Minn wara l-ħġieġ rajtek
u komplejt ngħix.

Smajt dwarek dal-lejl

Id-daħk ifaqqa’ jinstema ċar lil hinn mit-teknoloġija li deffist f’widnejja. Il-mużika tixtieq twassalni fi ħsieb dwarek, bħal qabel, bħal kull lejl, iżda llum qed tfalli. Iċ-ċattra tmewweġ fuq infinità ta’ dlam, f’direzzjoni kompjuterizzata, bla kulur. Il-kulur lebbet l’hemm, ittajjar, f’forom ta’ bżieżaq, u miegħu kaxkar dari mill-irbit tagħha,‘l bogħod mill-belt. Direzzjoni; imkien.

Fuq dan l-iswed nasal nifhem lil Chardin. Hawn il-passat u l-futur ma jeżistux. Jeżisti biss issa. Imma “issa x’inhu?” jistaqsi Daverio, minn għajn ta’ Indjan. Huwa issa l-omega jew l-alfa? Huwa dan il-bidu jew it-tmiem tal-ħsieb? Tiegħi. Tiegħek.

Imdendel ma’ ħabel, infittex art għal saqajja u niġbed il-bżieżaq lejn ħolma imma ninduna li ninsab ngħum f’ilma fond; niġġieled ma’ biżgħati qalb rima dehebiena. U bħaċ-ċkejkna Paulette nipprotesta u nfakkar li “hawn mhux tagħkom!”.

Ix-xewqa tibqa’. Ix-xewqa għall-blu; mhux tal-boroż fejn nirremetti imma tas-sema kristallina. Sema li mhix biss stampa diġitali riflessa fuq il-ħġieġa li tifridni mill-immensità tal-ilma. Ix-xewqa tibqa’; li dawn il-ħsibijiet jagħmlu spazju, jirtiraw u jħalluni nimxi lejn il-ħolma li teħodni fuq xifer l-irdum, f’ġieh l-imħabba.

Sisifu

Sisifu jiddieħak,
jitnejjek bija.
Pruvajt inpenġik
fi kliem poeżija.

Ġugarell Samsara

Once there was a girl who lived in a workshop. She felt as if…

Darba waħda kien hemm tfajla tgħix f’maħżen. Kienet tħossha bħal Santa Klaws. Santa Klaws għal tfal li llum adulti. Ix-xewqa tagħha kienet li l-ħolm f’dawk l-ittri ddawwarhom f’realtajiet li jsebbħu… iżda mhux b’maġija imma fatti: xi daħka, invenzjoni, jew xi stejjer f’ritratti.

Samsara isimha, kemmxejn baxx leħinha. Tħażżeż, tpitter jew tħit ma’ noti mużikali, tumblr u tazzi tal-inbid. Fil-ġnien tal-weraq mill-ħomor hi tfassal il-ħsieb li jfewwaħ b’riħet il-ħobż misjur. U l-ixkejjer jinġemgħu, uħud minnhom tassew tqal. U l-ħidma tibqa’ għaddejja, anki wara nofsinhar. U l-ittri ma jiqfux… skont hi dik mhix maġija.

Samsara tfajla mistħija. Fil-maħżen taħdem ġugarelli li jikxfu lilha nfisha. Quddiem mera s-sbuħija u mitt mistoqsija: fejn huma d-dmugħ, fejn hi Elena, x’realtà jmissni jiena?

Iltqajt ma’ Samsara, imma l-maħżen ma rajtux. Rajt tfajla titbandal, smajtha tidħak, imma ’l Santa Klaws ma smajtux. Rajt tfal jifirħu b’rigali li waslu miċ-ċumnija. Rajt ittri jinkitbu mija mija. Missitni xkora għax rabbejt il-għaqal. Kurjuż xrift fiha, sibt realtà ġdida; insterqitli taħbitha. Ġugarell Samsara: il-ħolma minn idha.

Fil-maħżen l-ittri ma jiqfux. Hi tibqa’ tgħid li mhix maġija.

Jien naf x’inhi l-maġija. Tirċievi xkora, f’xemx taqbad filgħaxija.

The end