Id-daħk ifaqqa’ jinstema ċar lil hinn mit-teknoloġija li deffist f’widnejja. Il-mużika tixtieq twassalni fi ħsieb dwarek, bħal qabel, bħal kull lejl, iżda llum qed tfalli. Iċ-ċattra tmewweġ fuq infinità ta’ dlam, f’direzzjoni kompjuterizzata, bla kulur. Il-kulur lebbet l’hemm, ittajjar, f’forom ta’ bżieżaq, u miegħu kaxkar dari mill-irbit tagħha,‘l bogħod mill-belt. Direzzjoni; imkien.
Fuq dan l-iswed nasal nifhem lil Chardin. Hawn il-passat u l-futur ma jeżistux. Jeżisti biss issa. Imma “issa x’inhu?” jistaqsi Daverio, minn għajn ta’ Indjan. Huwa issa l-omega jew l-alfa? Huwa dan il-bidu jew it-tmiem tal-ħsieb? Tiegħi. Tiegħek.
Imdendel ma’ ħabel, infittex art għal saqajja u niġbed il-bżieżaq lejn ħolma imma ninduna li ninsab ngħum f’ilma fond; niġġieled ma’ biżgħati qalb rima dehebiena. U bħaċ-ċkejkna Paulette nipprotesta u nfakkar li “hawn mhux tagħkom!”.
Ix-xewqa tibqa’. Ix-xewqa għall-blu; mhux tal-boroż fejn nirremetti imma tas-sema kristallina. Sema li mhix biss stampa diġitali riflessa fuq il-ħġieġa li tifridni mill-immensità tal-ilma. Ix-xewqa tibqa’; li dawn il-ħsibijiet jagħmlu spazju, jirtiraw u jħalluni nimxi lejn il-ħolma li teħodni fuq xifer l-irdum, f’ġieh l-imħabba.