Ġuljetta

Hemm hi! Ġuljetta bil-barmil imfawwar ilma.

Ir-romantiċiżmu għandu għomru magħdud. Qed jittiekel mid-dud. Gazzè faga fis-sarkażmu tiegħu stess. Instab mejjet fil-kaless tal-prinċep ċelest. Ma swewx il-bews taż-żrinġijiet – kollox ħmerijiet. Teresa ġiet taqa’ u tqum. Mara razzjonali – tgħanniq bla emozzjoni. “L-imħabba ġġib gwaj,” instema’ jgħid huwa u jiknes is-salott! F’ Sorrento l-baħar m’għadux ilellex, ix-xemx ilha ma żżur u d-demm fil-vini nixef f’ġieh San Ġennaro.

Kafé; kafé biex noqtlu l-ħin; il-ħsieb; minflok il-ħajja!

It-tgħanniq illum nixtrih friżat minn supermarkit u nikkunsmah fuq l-għatba ta’ Leli tal-Hollywood fejn dari tkebbset il-qalb tat-tfal bi tbissima u ġugarell. Illum il-mewt tkaxkar sidirha fuq profil ta’ Facebook.

Dalla deher quddiem Alla; forsi ftakar f’min ħadlu b’idu f’Mergellina. Semgħuh jilgħab il-karti, jgħanni mħabbtu; rawh jixrob l-inbid. Illum jekk titkellem lingwa, kanzunetta biex tipprova tħobb, xorta tibqa’ biż-żobb. Saffar Lucio, saffar. Hawn fil-pjazza ħsibt għal gverta għalik ukoll.

Ommi għalqet sebgħa u sittin u tgħannaqni nesiet. L-oħra bħall-qamar minn ġos-sħab imma min jaf x’riedet? Forsi Ġuljetta tilħaq tlesti l-ħasil sakemm tintemm dil-kantaliena. Sakemm xi qaddis iħallasli xirja għand is-supermarkit tan-niżla.

Hemm hi! Imfawwar il-barmil… jien hawn ngħid bejni u bejn ruħi: “Romeo, dabbar rasek, mur orqod… saffar ninna-nanna”.