Tag: poetry

Taħt Santa Luċija

Ġejt bla mistenni
fis-serqa ta’ filgħaxija,
imneżża’ mir-rieda
taħt Santa Luċija.

Bis-swaba tmelles xagħri,
itterraq tikmix idejja.
Riħatek balzmu.
Anġlu t’inkejja.

Isqini nbid minn sidrek,
bħall-ħalib li sqietni ommi.
Għerriqni fi ġmiel ħarstek,
xufftejk serraħ fuq fommi.

Wellidni bħal f’bikja,
ċesarja telf id-demm.
Waħħadni ma’ ruħek,
sakkarni hemm.

Iblah

Iblah Ikaru, iblah.
Tbellaħ, iblah.
Stupidu trid tkun,
stupidu kuljum.
Ittajjar, issabbat
fuq kliemha,
fuq ħarset għajnejha.
Tqarreb lejn ix-xemx;
Inħaraq.

———————————

Ispirata minn ‘Icaro’ ta’ Serena Gatti
“L’ultimo schianto, il più crudele, è vivere senza tentare
a quello non mi voglio rassegnare”.”

Ġlekk u qmis

Il-ġlekk u l-qmis għalxejn:
ninżahom, niftahom gozz fuq soddti.
Kemm nixtieqha hawn fid-dlam.
Kemm nixtieqha hawn fil-mużika.
Kemm nixtieqha hawn f’silenzju.
Biex nisma nifisha jfewwaħ.
Biex naqta’ ġuħ ta’ mġewwaħ
u nsaqsi mitt mistoqsija
għal risposta waħda.
Bħalma mija huma l-kwiekeb,
iżda waħda l-eżistenza.
Kemm nixtieqha.

Isma l-mużika hawn

20 sena ta’ Mellon Collie and the Infinite Sadness

24 t’Ottubru 1995 – 24 t’Ottubru 2015

Niftakar lil Istivan ġej fil-klassi b’dak l-imbierek safety shoes u bil-famuż album doppju tagħhom; l-iSmashing Pumpkins. Jien li kont ninnamra mal-mużika tal-Ace of Base, kont xettiku, u li kieku mhux għall-ħbiberija ġenwina li kienet tirrenja fil-klassi, kont neħel hemm…

Mellon Collie & the Infinate Sadness… titlu stramb, qoxra “cool”. Bħal meta tixħet barmil ilma tul taraġ, din il-ġabra okkupat kull kantuniera ta’ żgħożiti; innijiet tat-tfulija li nfiltraw f’kull toqba, kull kantuniera. Kienet mużika li għallmitni naħseb u żratli x-xewqa li nesprimi kull emozzjoni tiegħi f’poeżija, bikja, twerżiqa, melodija.
Illum inħares lura u nirrealiżża li f’dawk il-ġranet qatt ma fhimt eżattament x’kien il-kontenut li kont qed nisma imma dak il-ħoss, dik il-melodija u l-maġija li tinħass tul kull sekonda, serquli qalbi! Naħseb anki lil missieri għax niftakru jsaqsini “x’qed tisma?” b’ton ta’ xi ħadd interessat”.

Ġabra, jew aħjar, innovazzjoni mużikali li misset lil ħafna. Il-ġenju ta’ Corgan, D’Arcy, Iha u Chamberlin, anki jekk illum m’għadux jidwi, ikkontribwixxa għal moviment ta’ żgħażagħ li fasslu ħsibijiethom tul versi ta’ poeżiji. Mużika u nterpretazzjoni li għalkemm tipikament skjetta fil-ġenwinità tagħhom, huma elaborati għall-punt ta’ eleganza klassika u spiritwalità mill-aktar fonda.

Fejn tibda? Fejn tispiċċa? By Starlight, Zero, Bullet with butterfly wings, Beautiful, Thirty-Three, 1979, Love, Muzzle, XYU , In the arms of sleep… ibda u ma tieqafx. Trid issemmihom kollha kemm huma. Ngħid għalija, kollha kantajthom b’ħeġġa, waħdi fil-kamra, xi drabi bilwieqfa fuq is-sodda nimmaġinani qed nakkumpanja lil D’Arcy :)
Hemm wisq x’tiċċelebra llum li dan il-kapulavur artistiku jgħalaq l-għoxrin sena mill-varar tiegħu. Ibda minn dik il-qoxra spettakolari, sad-disinn tas-cds u bil-wisq aktar, kull nifs li tikkonsma sabiex tisma’ il-kollezzjoni.
Għaddew għoxrin. Lil Istivan rari sirt narah, biss dejjem ħsibt fih meta s-sensi tiegħi tpaxxew b’dan l-album. Rigal, bieb miftuħ, forsi mhux intenzjonat, li kien, għadu u probabilment ser jibqa’ jakkumpanja din il-ħajja u l-bżonn ta’ ħolma, ta’ bikja, ferħa, ħsieb, tgħanniqa, għajta, tisfira, tifsira, mistoqsija, mixja, konversazzjoni, qawmien jew siesta.

“Too late to turn to turn back now, I’m running out of sound
And I’m changing, changing
And if we died right now, this fool you loved somehow
Is here with you
I won’t deny the pain
I won’t deny the change
And should I fall from grace here with you
Would you leave me too?”