Nixtieq naħrab, nivvjaġġa bħal żrara maqbuda maqrusa mal-lasktu ta’ rota ta’ karozza. Imqar tkaxkira fuq l-asfalt, imma naħrab…
Naħrab minn mistoqsijiet li jwelldu risposti li jweġġgħu. Naħrab minn silenzji banali, u kliem vojt li jirbumbjaw iktar minn żaqq balena fuq dieta stretta. Naħrab minn qalbi… naqlagħha, inħalliha warajja, forsi jgħaddi tifel, jaħsibha ballun u jixxuttjaha għal għonq it-triq, sakemm forsi buffura riħ tkaxkarha sal-port u tgħarraqha f’baħar, qalb il-fdalijiet ta’ vapuri u bombi tal-gwerra. Jew qalb flixken tal-plastik li tbewwsu ma’ tant xufftejn għall-kuntrarju tagħha.
Naħrab minn ġismi u dil-forma, difettuża, xejn interessanti. Naħrab f’art mingħajr toroq u hemm naħbi moħħi u ħsibijietu – u nħallieh jhewden u jhewden sa ma jitfaċċa serp kiefer u jibilgħu bla wisq posati, fradal jew manjieri tal-mejda.
Naħrab mill-kliem sabiħ li nħela minn persuni li kienu f’ħajti fil-passat u li llum sparixxew bla wisq ħabblu sufhom… għax hekk kien hemm bżonn forsi. Naħrab mill-ħsibijiet dwarhom. Naħrab mill-ħabs ta’ ħolm din id-dinja u nfittex art taħt stilla bħal f’ta’ Betlem – fejn ruħi ssib fejn tkanta “glorja” jew forsi tirgħa ma’ erba’ mogħożiet umli.
Nixtieq… naħrab mill-leblieba li nħobb, sa ma nsib spazju fejn l-imħabba titfaċċa quddiemi u mhux tibqa’ tikolni minn ġewwa. U f’dak il-mument insellmilha, u naħrab b’kemm għandi saħħa fejn qatt aktar ma naraha jew nisma dwarha. Idealment f’post fejn bħall-mibgħeda, l-imħabba mhix kunċett. Naħrab minn imħabba marida, li trid tħobb biss lilha nfisha. Naħrab minn imħabba li tilgħabha ta’ ġest ta’ karità… Naħrab minn l’Univers li jobdi lill-imħabba kif jirrakkontaw Battiato u Consoli.
Naħrab, nixtieq naħrab, anki minnek li qed taqra u qed tinterpreta dak li qed taqra skont x’tarrfitlek ħajtek. Għax ħajti qaltli mod ieħor. Għax jien mhux bħall-irġiel l-oħra.
“Mare mare mare voglio annegare
Portami lontano a naufragare
Via via via da queste sponde
Portami lontano sulle onde”