Forsi ftit għajjien jew forsi qed noħlom diġà. Aktar kmieni lbieraħ rajt lil xi nies jitħaddtu madwar l-artiklu “The Eternal Flame will die daily” li ppublika sieħbi Mark Anthony Sammut, għall-ħabta tal-16:30. Ma stajtx nifhem eżatt dwar xiex kien l-argument għax il-kliem eternal flame instemgħu ġodda fil-kuntest kontemporanju tad-dibattiti politiċi… tħawwadt aktar meta fuq Facebook tfaċċa kontribut ironiku ta’ Der Heckler li fakkarna fil-kanzunetta li ġġib l-istess isem.
Għadda l-ħin u filwaqt li suppost qed nikteb xi waħda mill-kitbiet li għandi nlesti fil-kors Universitarju, għażilt li naqra l-artiklu ta’ Mark u nipprova nifhem. Fhimt… iżda ma fhimtx. Ħalli nispjega ruħi.
Iva s-simbolu tal-fjamma li ssellem lil dawk li waqgħu fil-gwerra huwa simbolu qawwi. Napprezza s-sentimenti li esprima Mark imma nfakkru li kif indika Charles Muscat stess, f’dokument li għalih hu stess irrefera, din hija biss fjamma ornamentali. Nemmen li s-simboloġija ta’ monument erett fil-pubbliku hija sovrana u mittiefsa rrispettivament minn kull żieda dekorattiva u/jew ċerimonjali. Jidher, minn kliem Muscat stess li “minn risposta tal-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi għal mistoqsija parlamentari li għamel id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, il-Gvern iddeċieda li din il-fjamma tibda tinxtegħel biss bejn is-6pm u s-6am f’dik li jidher li hi miżura oħra ta’ cost-cutting mill-Gvern Laburista”.
L-għaġeb tiegħi għal dan il-kummentarju ta’ Mark ma hux wisq dwar dan il-punt li qajjem iżda dwar il-konsistenza tal-Partit tiegħu f’dawn it-tip ta’ argumenti. Filwaqt li llum tfaċċat karba għal rispett lejn il-prassi li jfakkru lil dawk fost missirijietna li taw ħajjithom għalina, sa ftit tax-xhur u snin ilu rrenja nonchalance liema bħalu. Lura fl-2009 il-Ministru tar-Riżorsi, George Pullicino kien, neħħa l-monument tas-Sette Giugno minn quddiem il-Parlament, possibilment kontra l-permessi mifthema mal-MEPA, bl-iskuża li dan kien ser jerġa jiġi nkluż fid-disinji tal-proġett ta’ Piano. Għal erba’ snin dan il-monument, u l-filosofija ta’ ribelljoni li jirrappreżenta, spiċċaw imwarrba minn quddiem għajnejn il-massa, u sat-8 ta’ Marzu 2013, l-ebda Ministru mill-Partit Nazzjonalista ma refa’ ir-responsabbiltà sabiex dan il-Monument jibqà fiċ-ċentru tal-memorja ta’ dan il-Pajjiż. Ovvjament ma nimmaġina l-ebda fidil tal-Partit, ironikament Nazzjonalista, li ser jipprova jfakkar mument fejn il-poplu qam sovran u sfida lill-awtorità!
Imma forsi l-vittmi tas-Sette Giugno ma ħaqqhomx rispett ukoll. Minjaf. Forsi l-bżonn li niftakru li għandna l-poter inqumu kontra l-abbuż ma ħaqqux ġieh. Fl-ittra tagħna ta’ Ottubru 2009, jiena u sieħbi Derek Fenech konna staqsejna iżda bqajna mingħajr risposti! F’pajjiżi ċivilizzati l-qawma tal-poplu hija l-pedamenti tad-demokrazija. F’Malta xi nies taw kontribut sabiex jaljenaw l-memorja tagħna iżda llum qed igergru għax fjamma quddiem monument predominanti fl-intrata tal-Kapitali, ser tinżamm mixgħula tul is-siegħat mudlama biss. Iva nibqa’ nitħawwad u ma nifhimx!
F’dan il-pajjiż, Partit li għadu kif ġie mgħoti l-forka mill-poplu sforz l-apatija li kellu, jażżarda jkun kritiku ta’ atti li tagħhom, huwa stess kien protagonista sa ftit xhur ilu! Jiena, ningħaqad mal-bojja u ntenni tislima sħiħa lil Manwel Attard, Wenzu Dyer, Karmnu Abela, Guzeppi Bajada u vittmi oħra li ħabbew lill-Maltin, bit-tama li l-fjamma li tħeġġeġ fl-arti li ħallielna Anton Agius u artisti oħra, tibqa’ tixgħel fil-qlub u tħeġġeġ rivoluzzjoni eżistenzjali.