Ilbieraħ kelli bżonn immur sa The Point u pparkjajt għal madwar 20 minuta. Hekk kif wasalt biex noħroġ, tfajt il-karozza f’ġenb u nżilt sabiex insarraf il-biljett mill-kamra li hemm intenzjonata.
Kont diġà lmaħt lil Parlamentari Sinjura Helena Dalli qegħda tistenna u issa spiccajt eżatt warajha. Ħaġa tal-għaġeb kif f’ħin minnhom il-persuna li kien qed jaqta’ il-biljetti saqsiha: “Is-Sinjura Helena Dalli?” u hi wieġbet “iva”. Għalhekk dan is-sinjur irrifjuta l-flus li kienet poġġiet quddiemu u sarrfilha l-biljett b’xejn fost ħafna tbissim.
Issa kien imiss lili. Serraħt mal-ħġieġa u għidtlu “Pawlu Mizzi jiena”…
Seħibna ħares lejja kemmxejn mifxul meta għidtlu “qed nieħu cans jien!”
Dlonk, irrealiżża x’ridt infisser. Fetaħ għajnejh u nfexx f’daħka simpatika u fi kliem ta’ tifħir bħall : “tajba wisq din! prosit!”.
Ħallast it-80centezmu li talabni u tlaqt. L-anqas €50 ma rnexxieli nsarraf mingħandu!
Kif jgħidu l-Brikkuni: “Onfħu b’kemm għandkom ġot-trumbetti; waslu l-eletti!!! L-eletti!!”