L-istess bħal sittin sena wara Kristu, hekk kif ilbieraħ il-Maltin raw il-vidjo kemmxejn suġġettiv ta’ Times of Malta dwar il-proġett propost għall-Knisja ta’ Raħal Ġdid, biddlu l-ħsieb u f’tebqa t’għajn Dun Marc Andre Camilleri ma baqax miġnun iżda “bdew jgħidu li kien xi alla.”
L-idea li spazji mhux użati fi strutturi sagri, jiġu żviluppati f’inizjattivi li jippromwovu l-istorja, il-kultura u l-arti, hija sublimi, speċjalment meta dan jista’ iqarreb lin-nies, jiġġenera dħul li permezz tiegħu l-istess struttura tiġi miżmuma fi stat tajjeb u joffri esperjenza ħajja tal-ispazju mibni. Madanakollu tajjeb ukoll li dan l-iżvilupp isir dejjem fi ħsieb għaqli tal-kuntest soċjo-kulturali li qed ngħixu fih.
Huwa fatt magħruf kif pajjiżna llum rawwem kultura qawwija fejn kollox huwa permess. L-ippjanar, il-ħsieb u l-bilanċ tilfu kull preċedenza. Illum kulħadd għandu d-dritt sagrosant jagħmel li jrid f’ġieħ il-libertà li tinvesti, twettaq l-ideat u tiġġenera l-flus. L-alla ta’ żminijietna sar il-mudell ekonomiku maħsub fuq idea fqira tal-libertà li fl-aħħar mill-aħħar qed iħallilna sens qawwi ta’ kakofanija u telf ta’ sbuħija. Dan ir-riżultat tal-biki huwa rifless fl-arkitettura kontemporanja, fil-qirda tal-ambjent, fin-nuqqas ta’ordni ċiviku kif ukoll fl-interpretazzjoni fażulla tal-valuri.
Huwa evidenti wkoll kif fis-soċjetà intilfu is-sens ta’ introspezzjoni u s-sens ta’ viżjoni. Kollox qed ikun maħsub għall-gwadann immedjat, mingħajr wisq ħsieb lejn riperkussjonijiet għall-futur. Bħal donnu issa li kollox huwa mitmum, inutli taħseb għal ta’ warajk. “U iva! Umbagħad isolvu l-problemi huma!
Għaldaqstant huwa sempliċi r-raġunament li jwassalni nibqa’ inħoss li l-bżonn ta’ kafetterija f’dan il-proġett f’Raħal Ġdid ma nsiblux valur. Hemm bżonn nitgħallmu minn żbalji tal-passat. Rajniha pereżempju fil-proġett MUŻA fil-kapitali, fejn mas-snin il-priorità tal-mużew inqalbet rasha l-isfel u saret dik li jinbiegħ il-prodott kulinarju biex forsi l-klijenti jitħajjru “jduqu” l-prodott artistiku. Slogans bħal “More than just a Museum” juruk fejn hija l-prijorità. Bl-istess mentalità iċ-ċans huwa li fi ftit snin il-Mużew tal-Knisja ta’ Raħal Ġdid, li għadna ma nafux ismu, jibda jiġi rreklamat bħala kafetterija/ristorant, lil hinn mill-prodott intrinsiku. Nittama li l-istess Arċipriet u t-tim tiegħu, jaraw valur f’mużew li jirrakkonta lil Ġużè Damato, d-disinn tal-Knisja u forsi lill-komunità Pawlista stess wara kollox! Jekk le, diġà ninsabu fuq sieq ħażina!
Nemmen li l-proġett tal-Knisja jista’ jilħaq miri usa kemm-il darba dan jinvolvi l-każini tal-komunità Pawlista li jinsabu ftit metri bogħod. L-involviment tal-komunità jorbot u jibni fuq is-sens ta’ appartenenza tal-poplu u jkompli jagħti identità u ħeġġa ħajja lill-Mużew.
Soluzzjoni alternattiva tista’ tkun dik li l-kafetterija tiġi żviluppata f’binja qrib iżda lil hinn mill-binja sagra. B’hekk tassigura li anki fil-ġejjieni, kull żvilupp tal-kunċett jibqa’ distint mill-ispazju sagru iżda jibqa’ iservi ta’ influss tajjeb ta’ viżitaturi tal-Mużew.
Dan il-ftit ħsieb b’risq l-ordni mhux biss jissalvagwardja l-post sagru minn żviluppi mhux mistennija fil-futur, iżda jnaqqas iċ-ċans ta’ preċedent ikrah fejn bħalma jiġri spiss fil-pajjiż, naraw li kunċett umli jiġi ripetut b’modi mill-iktar goffi jew medjokri fi ftit snin, fi spazji oħra.
Mhux li kien tigdima lifgħa!