Lanċa ġejja u oħra sejra

It-tisbieħ li sar u qed isir fiż-żona ta’ Liesse ġewwa l-Belt Valletta minħabba l-laneċ ħfief għal Għawdex, għalkemm sentejn tard, huwa bla dubju proġett estetikament sabiħ, ma hemmx xi tgħid u sakemm ma jfarrkux il-Grigal nemmen li ser jagħti nifs sabiħ liż-żona. Biss l-estetika mhux kollox meta tkejjel il-valur ta’ proġett ta’ €2.5 miljun.

Jinkwetani ‘l fatt li għal darb’oħra insterqet żona li fiha l-Beltin li jgħixu fiż-żoni tax-xatt kienu jinżlu għar-rikreazzjoni tagħhom. Dan l-ispazju rikreattiv fil-Belt Valletta qiegħed kulma jmur jinsteraq għal proġetti tal-Gvern u mhux – kif qed naraw iseħħ anki f’Marsamxett. Jonqos issa l-iżvilupp ta’ San Iermu u l-kosta madwar il-forti. Nemmen li kieku l-komunità kienet fiċ-ċentru tat-tfassil urban, dan l-iżvilupp seta’ faċilment irriġenera il-binja l-antika tas-SEA MALTA – żona diġà armata għall-ivjaġġar, bi lqugħ tajjeb u li toffri spazji tajbin għal parkeġġ fil-qrib mingħajr ma toħloq wisq inkonvenjent lil residenti.

Minn dak li tkixxift u skoprejt, jidher li l-pjan kien li titħaffer mina taħt jew fil-mina ta’ Lascaris sabiex in-nies li jaqbdu l-ferry għal Għawdex jagħmlu dan billi jinżlu mill-lift tal-Barrakka ta’ Fuq u jimxu sal-moll. Biss jidher li minħabba l-valur storiku tas-swar, kif xieraq, din ma tħallitx issir. Issa min ser juża dan s-servizz tal-baħar ser ikollu jaqsam minn fuq zebra li tlestiet quddiem il-mina ta’ Lascaris. Konvint li dan ser ikun ta’ inkonvenjent għat-traffiku li diġa huwa sostanzjali fiż-żona – speċjalment kif jerġgħu jitfaċċaw il-hop on hop off ladarba jirritornaw il-cruise liners.

Ġejt mgħarraf ukoll li Social Impact Assesment rigward dan l-iżvilupp ma sarx u kif diġà jidher, ftit ingħata każ tar-residenti li jgħixu qrib. Sar minflok Business Asessment li rriżulta tajjeb ħafna. Personalment ma nkejjilx l-impatt soċjali biż-żieda jew nuqqas ta’ parkeġġi – mhux għax dan mhux importanti – iżda billi ninnota kif il-kwalità tal-ħajja tagħna l-Beltin ser tiggwadanja jew taqla’ daqqa ta’ ħarta.

Wisq nibża li filwaqt li ż-żona żviluppata ħadet ir-ruħ meta mqabbla mat-telqa li kien hawn sa ftit ġimgħat ilu, l-impatt soċjali ser ikompli jikkawża ġentrifikazzjoni tal-komunità. Qed nitħasseb dwar konċentrazzjoni akbar ta’ traffiku iżda ukoll dwar il-possibiltà dejjem tikber li aktar Beltin jgħażlu ibiegħu l-propjetà tagħhom biex jaqilgħu lira tajba permezz tal-kirjiet kummerċjali jew aktar u aktar sabiex ifittxu ftit paċi minn dan il-ġenn. Nemmen li dan ser ikompli jfarrak il-komunità Beltija fix-xatt; il-ftit li fadal minnha. U issa żgur li l-festa tal-Madonna ta’ Liesse tista’ tgħid li qtilniha darba għal dejjem! Addio il-vjaġġ fuq il-lanċa f’ġieħ ir-ritwali kulturali!

Sfortunatament ser inżid dan il-proġett mal-ħafna fejn il-komunità ma kienet qatt ikkonsultata. Hemm lista twila minnhom fejn il-komunità Beltija m’hi qatt ikkunsidrata. Il-mod kif dan il-proġett inżamm fuq xkaffa għal sentejn u twettaq f’ħakka t’għajn hekk kif waslu l-laneċ tal-kuntrattur jurini biċ-ċar li t-tisbieħ ma sarx għal wiċċ il-komunità iżda biex jaġevola lill-imprenditur. Il-mod kif is-swar tal-kapitali li jidhru fir-ritratti ġew restawrati tul is-snin iżda dawk li qegħdin għal wiċċ ir-residenti tħallew fit-telqa hija metafora qawwija ta’ kif meta tieħu bla ma trodd, anki l-komunità tħott.