Il-Maltin isawwtu lill-Maltin

Illum facebook inħakem minn għadd sostanzjali ta’ partitarji fidili lejn iż-żewġ partiti l-“kbar” (jistħoqqilhom dak l-aġġettiv?) li b’demmhom ibaqbaq, ippostjaw videos u ritratti ta’ meta, lura fis-snin, uħud minn missirijietna (naħseb minn kien moħħu f’postu kien id-dar ma’ uliedu) kien għoġobhom jgħamlu sessjonijiet free for all fit-toroq tal-għażiż pajjiżna. Titli bħall “Dak li ħaddieħor irid inessi” jixraqilhom rispett li kieku qegħdin fuq faccata ta’ xi rumanz letterarju. Sadattant iva, nitbissem.

Għadni kif qrajt u smajt li l-Prim għadu kif inawgura kampanja li tfakkar il-25 anniversarju minn mindu x-xjaten ħomor, allegatament jew mhux, kienu vjolenti mal-arkanġli nnocenti l-blu.

Eżemplari l-Prim! Bir-raġun din il-ħeġġa fuq facebook, din ir-ragħwa mal-ħalq. Jippostja xi ħaġa Cikku u f’kemm ili ngħidlek ikollu xi 50 ‘like’, 20 ‘share’ u xi 200 ‘oh no, not again’.

Tiskanta kif il-Maltin għadhom jiccelebraw mumenti meta l-injoranza, sforz il-partiġġjaniżmu, spikkat fl-aqwa tagħha. Tiskanta kif persuni, li nqishom mal-kategorija ntelliġenti, kważi kważi jgħatuk impressjoni li jixtiequ “tpattija” sforz il-memorja.

Għall-grazzja tal-ħanin Alla, xi ħadd ippostja l-videoblog ta’ Saviour Balzan, li kważi kważi kien ser ineħħili x-xewqa li nikteb din il-bloggata għax tassew ġabar ħafna punti krucjali b’mod essenzjalment intelliġenti u galbat. Grazzi Sur Balzan.

Wara l-ewwel xahrejn tiegħi l-Università, dik l-istituzzjoni li tant niftaħru biha meta niġu għal statistici u press releases, nidħak iktar meta niftakar li dawn iż-żewġ partiti ‘żgħar’, u l-mibgħeda li jkomplu jinsġu fil-partitarji tagħhom, huma l-ewwel ostaklu għall-istess intelliġenza tal-poplu Malti.

Fl-aħħar nistaqsi u ninnota… Ma ngħamlux mod li min jixxerja dawn il-videos jiġi mogħti stilla fuq il-pitazz tal-Partit rispettiv hux? Jew forsi diġà ddobba xi stilla? Forsi xogħolu jiddependi mill-kumpanija politika li tant jissapportja u allura ma jridx li din titlef il-poter akkost ta’ kollox? Minjaf? Kos! Tgħid min jippostja dawn il-videos jifhem li anki hu qed isawwat… l-intelliġenza ta’ ħaddieħor?