Hekk fetaħ is-servizz ta’ One News dwar il-kunċert ‘Isle of MTV’, nhar l-Erbgħa, 27 ta’ Ġunju. Ftuħ denju tal-aqwa riċerka ġurnalistika possibbli:
“… ismijiet kbar fix xena tal-mużika nternazzjonali. Id-diski tagħhom jindaqqu b’mod kontinwu fil-clubs u l-istazzjonijiet tar-radju Maltin.”
U hekk hu, għal darb’ oħra, ġurnalist ‘mainstream’ malti, ikompli jitma raġunamenti u kalkoli ‘mainstream’ lill-merħla fidila. Ir-raġunament skadut li “jekk jindaqq mir-radjijiet u clubs ‘mainstream’ Maltin, allura huwa tajjeb”. Nesa jgħid li stazzjonijiet, bħal Bay Radio, ma jdoqqux kanzunetti tajbin bil-lingwa Maltija! Nesa jerġa jtenni l-punt li artisti Maltin, lanqas dawk ‘mainstream’ ma għandhomx ċans jipparteċipaw fl-istess kunċert.
Il-ġurnalist tal-istazzjon tal-PL stqarr ukoll li Nelly Furtado “vera daħlet fl-atmosfera ta’ pajjiżna”, bir-raġunijiet ikunu dawn:
– damet hawn fit-tul,
– ħadet photoshoot professjonali,
– żaret postijiet ta’ nteress,
– tkellmet dwar il-mużika folkloristika Maltija; l-għana.
Ġurnaliżmu li jitratta lill-udjenza ta’ injoranti. Jidher ċar li l-ġurnalist kulma għamel huwa li rrefera lejn l-intervista ta’ Fiona Galea Debono minn timesofmalta.com. Galea Debono, bi stil li jiddistingwiha, tkellmet ma’ Furtado dwar numru ta’ aspetti, fosthom il-mużika folkloristika Maltija. Fl-ebda mument iżda, Furtado ma għamlet xi eloġji dwar din il-mużika fuq inizzjattiva tagħha personali anzi, kif irrapurtat it-Times stess, ma ħadet l-ebda nteress!
Xi uħud qaluli sabiex ma nibqax ingerger fuq il-facebook u dan il-blog. Inkompli ninduna kemm hawn żagħżagħ validissimi li jippreferu s-skiet minflok il-protesta. Jippreferu jsegwu l-folla milli jisfidaw l-aljenazzjoni. Il-Malti ‘mainstream’ jiġġudika lil min joħroġ mir-rutina tal-favoritiżmu bħala negattiv jew traditur. Il-Malti ‘mainstream’ jgħoxa jiekol il-pastizz mimli żejt, u jistgħaġeb meta jisma b’dik it-tfajla, tant brava, li ħasbet kif tgħamel pastizzi b’togħmiet ġodda u ma jħaxxnux.
Dan il-poplu minn dejjem imantni ruħu fuq l-injoranza tal-istituzzjonijiet; il-partiti, il-Gvern u l-Knisja. Iva il-Knisja li tant stinkat kontra d-dritt tad-divorzju. Iva l-Knisja li ta’ kull sena tipparteċipa fil-manifestazzjoni tal-Isle of MTV billi tixgħel il-faċċata tat-tempju ddedikat lil Publiju – forsi biex tieħu 33 biċċa tal-fidda mingħand xi dipartiment tat-turiżmu.
Dan il-poplu spiss jippreferi jisma l-istess kanzunetti fl-istess clubs u fl-istess radju, hekk kif jindottrinah l-ġurnalist ‘mainstream’ u jaljena f’xarbiet alkoħoliċi kontinwi. Mur għidilha lil Furtado – li għall-Malti ‘mainstream’, ‘Spirtu Pront’ ma huwa xejn ħlief xarba u sakra tajba s-Sibt filgħaxija u xejn simili għal famuż Fado.