Ilbieraħ ġie inawgurat monument f’isem il-kelba Star li sfortunatament mietet mewta kiefra sforz l-injoranza u l-qalb ineżistenti ta’ sidha iktar kmieni dis-sena.
Ma naqbel xejn ma’ l-ebda tip ta’ vjolenza jew abbuż lejn l-ebda ħlejqa ħajja, biss f’din is-sitwazzjoni, għandi riżervi dwar monument li jfakkar din il-ġrajja kerha. Nifhem l-argument ta’ sieħbi Etienne li jemmen li dan huwa simbolu tar-rispett li għandna jkollna kemm lejn ħutna umani u kemm lejn l-annimal. Nifhem ukoll lil Ivan li jħoss li dan l-episodju tant laqat nies mad-dinja kollha li għandu jiġi mfakkar biex ma jiġix repetut.
Biss jien nistaqsi jekk bħal f’ħafna okkażżjonijiet oħra, il-kuncett ta’ monument f’Malta sar ikkummercjaliżżat għal kull okkażżjoni, saħansitra biex jitfakkar incident tat-traffiku! Inħoss li f’każijiet simili, il-monument jispicca jirredikola l-ġrajja u mhux jgħolliha. Jaljena lill-poplu u mhux ifakkru.
Nirrikonoxxi, kif qal sieħbi Renzo li l-kuntest fejn ġie inawgurat il-monument, fl-Animal Welfare Centre jgħamel differenza għax huwa kuntest relatat mat-tema.
Il-biżà tiegħi hi li l-monument jieħu post il-ħidma sabiex inrawwmu għarfien fost il-poplu (specjalment il-mexxejja tiegħu) dwar l-imħabba lejn l-annimali u l-ambjent kollu. Jieħu post l-għajnuna li tingħata lil min ma jaffordjax jgħati kura jew iraqqad lil xi annimal marid, fi ftit kliem jieħu post dak li għandu effett fuq skala mhux sensazzjonali imma sensittiva.
Il-biżà tiegħi hi li l-kaccatur jibqa jispara lejn l-għasafar imma tagħhom ma’ ngħamlux monumenti.
Il-biżà tiegħi hi li ma ngħamlux monument għal tant siġar, flora u fawna li nqerdu, b’tant moħqrija, sabiex tinbena xi villa jew xi appartamenti bil-veduti, specjalement f’postijiet protetti, bħall-widien.
Il-biżà tiegħi hi li s-sistema edukattiva Maltija li teccella u tiftaħar għall-livell għoli f’suġġetti mill-iktar innovattivi bħall-IT, hija nieqsa minn tgħalim bażiku ta’ rispett lejn l-ambjent inġenerali, anki meta jidħlu nteressi personali. Dan huwa aktar gravi meta tikkunsidra li certu eżempju ħażin jingħata minn persuni ta’ kalibru u ta’ pożizzjoni għolja li jgħamlu li jridu meta jiġu biex jinvestu f’xi proġett ta’ kostruzzjoni. Xempju car ta’ dan hija l-kanzunetta Lil Malta tal-awtur bravu Walter Micallef.
Allura jien ma naccettax li nkun aljenat minn awgurazzjoni ta’ monument waqt li xi għaref li vvutajtlu qed jgħamel agħar, f’ismi u f’ismek! Nistaqsi l-valuri Maltin illum fejn jinsabu minflok u jekk il-monumenti li aħna miżgħudin bihom ifakkurniex jew jaljenawniex.