Tag: new year

Merħba Jannar

Merħba Jannar. Ix-xahar tant maħbub. Ix-xahar li fih tfaċċajt f’din id-dinja u li kull sena jfakkarni li qed nikber. Ix-xahar li kull darba jżewwaqli eċitament kbir bi stennija lejn il-Festa tant għażiża tan-Nawfraġju tal-Appostlu San Pawl f’Malta. Jannar, ix-xahar li fih, għall-aħħar snin, titfaċċa s-sogħba u t-tifkira ta’ żewġ irġiel li għalkemm ftit kont naf, ħallewli impatt ħlejju u n-nuqqas tagħhom għaddieni minn żminijiet xejn sbieħ.

Hekk kif ilbieraħ għal ħabta ta’ 23:50 intfajt taħt il-friex sabiex nipprova niċċelebra raqda komda flimkien ma’ din l-infezzjoni li ġiet tgħix miegħi f’għeluq is-sena, ħsibijieti ttajru lejn dawk l-anzjani Beltin li jgħixu waħedhom. Dak li bil-krozza u b’wiċċ ta’ uġiegħ imur jgħamel ix-xirja kuljum u dik li ilbieraħ stess ilmaħtha tiġbed carrier tul it-turġien ta’ Triq San Pawl, sabiex tmur lejn il-kwiet u s-solitudni tad-dar.

Dlonk daqqew it-tokki mponenti tal-qanpiena tal-Monument tal-Gwerra u ftit mumenti wara d-daqq, mhux aktar sottili tal-ħornijiet tal-vapuri li kiser is-silenzju fil-Port il-Kbir. Meta l-Belt kienet meqjusa ‘mejta’, dawn il-mumenti fil-familja kienu speċjali għax kont tilmah iċ-ċelebrazzjonijiet mill-bogħod, fuq xi każin fil-Kottonera jew it-tokki tal-qniepen tul il-kwantità ta’ knejjes li jidhru minn hawn. Illum l-għajjat tan-nies kemmxejn xurbana fuq xi sur, il-ħornijiet goffi tal-cruiseliners u l-ħoss tal-murtali kummerċjali, ifakkruni, bħal Jannar, li ż-żmien għadda u n-nostalġija jaf tkun kattiva – imsomma dik ma tafx mod ieħor.

Minjaf ma min fetħu x-xampanja dawk l-anzjani! Minjaf xtaqux jixtru kartuna ħalib dalgħodu imma ma ftakrux li llum kulħadd jibqa’ rieqed wara serata mal-ħbieb? U tgħid l-uġiegħ naqsilhom? Tgħid dik l-anzjana għollietha rasha biex tara wiċċ xi qarib li mar iżurha? Jew inħakmet minn aktar solitudni meta fit-toroq ta’ madwarha semgħet nies jiċċelebraw dan il-lejl differenti u lilha nesewha bħal dejjem?

L-ewwel jum ta’ Jannar. Jum ieħor li jgħaddi u jintesa mal-bqija – jekk mhux aktar – għax lanqas kalendarju għad m’għandi! Merħba Jannar. Din id-darba nlesti t-tlieta u tletin xemgħa u hekk kif neħles minn dan l-uġiegħ, ser inħares ‘l quddiem sabiex nerġgħu nkomplu fejn ħallejna bil-ħidma u bl-ideat kreattivi li jiġġeneraw il-ħajja.