Tag: Prim Ministru

Inawgurazzjoni b’differenza

Illejla saret l-inawgurazzjoni ta’ terz tal-proġett ta’ rinovazzjoni tal-Public Broadcasting Services (PBS). Illum, propju l-aħħar Ġimgħa ‘libera’, qabel dik diġà mpenjata bid-dibattitu bejn Simon Busuttil u Louis Grech. Sabiħ tara l-PBS jieħu din l-ispinta ‘l quddiem imma ċertu “kumbinazzjonijiet” xorta jibqgħu iħassbuni bla ma nixtieq. Ħa nirreferi għal tlieta biss:

  1. Fi żmien sitt xhur il-PBS filli kien “qed jaqa'”, filli ġie “qisu CNN”. Dan fi kliem xi persunaġġi li ġew intervistati. Interessanti din l-għaġla.
  2. Il-kumbinazzjoni tal-inawgurazzjoni illum, il-Ġimgħa – kumbinazzjoni minuti qabel jibda Xarabank tal-WE. B’hekk Xarabank jibqa’ jissemma bħala “l-ewwel programm taħt is-sistema l-ġdida”
    Minflok PBS xandar programm speċjali dwar l-inawgurazzjoni, intuża programm privat bħala pjattaforma. Kif ser jitqasam d-dħul tar-reklamar illejla bejn l-istruttura tal-privat u dik pubblika?
  3. Ir-referenzi sottili lejn il-proġetti mwettqa taħt Gvernijiet Nazzjonalisti kkumparat mas-satira waqt “TV Hemm” dwar il-Partit Laburista hija kurjuża u fl-istess ħin tfakkarni fil-partiġġjaniżmu nvadenti u agressiv.

Il-propaganda partiġġjana tinħass iktar qawwija fi kliem il-Prim Ministru meta qal:

“… the Government’s vision in broadcasting has always been and still will be that to be proactive and innovative.
The change in Maltese broadcasting dates back to the early 90′s” reiterated Dr Gonzi, when PBS was established to replace Xandir Malta.
We brought a revolution in broadcasting when at that time we only had two radio stations and now we have thirteen who broadcast on the FM with several other broadcasting on the digital platform that add up to the several community radios”

(minn: http://tvm.com.mt/news/pbs-creativity-hub-inaugurated/)

Nistaqsi… xi tfisser eżatt dik il-“we” u kif tintuża fit-tielet paragrafu? Aħjar nidħak! Jekk ir-referenza lejn il-PN hija minnha, allura vera qed immissu l-qiegħ meta f’okkażjoni, suppost prestiġġjuża ngħamlu propaganda partiġġjana.

Fl-aħħarnett, din il-moda li nawguraw fażijiet ta’ proġetti u mhux il-proġett komplut, hija tassew mera tas-sitwazzjoni redikola ta’ kif qed jitmexxu l-proġetti issa li l-elezzjoni qorbot. Fażijiet mill-proġett ta’ Piano, fażijiet mill PBS, fażijiet, fażijiet.

Filwaqt li nifraħ quddiem dan it-tip ta’ żvilupp fl-oqsma tal-midja, nittama li l-ewwel u qabel kollox tiġi rrinovata l-attitudni li tħallat il-politika partiġġjana anki ma’ dawn it-tip ta’ investimenti u ma’ dawn l-istrutturi.

Prim Ministru għal ġurnata

Id-diskors illum waqa’ kollu fuq din l-kompetizzjoni meraviljuża li l-Prim Ministru ta’ Malta għoġbu jitfa mill-istruttura ta’ partit politiku partikolari.

Issa li l-President ta’ Malta libes il-maskla ta’ voluntarju fuq il-ġlekk u l-ingravata sabiex imur jifdi lill-Peruvjani, ma nara xejn ħażin li l-Prim jilbes maskla simili u taħt l-isem ta’ partit partiġġan, jitfa kompetizzjoni li tista’ trebbaħ lil xi ħadd b’xortih, iPad u ġurnata labranzetta miegħu.

Qed nistenna bi ħġari ir-risposta qawwija ta’ Joseph Muscat. Forsi jmur jilgħab centre forward minflok Michael Mifsud f’xi logħoba ta’ ħbiberija tat-tim Nazzjonali Malti f’Ta’ Qali. U Michael Briguglio – jista’ jitħajjar imexxi flash mob oħra biż-żifna ta’ Kurt Calleja, b’risq it-terremotati fl-Italja.

Malta għalhekk sabiħa… kif tieħu nifs qawwi ‘l barra għax tħoss li missejt il-qiegħ, jinfetaħ abiss ieħor taħtek u tinduna li l-waqa’ fid-dlamijiet ser ittul aktar.

U jien nistaqsi… min sponsorja dak l-iPad u dak is-sit elettroniku? Il-partitarji Nazzjonalisti fil-kampanja ġbir ta’ fondi? Issa jekk ir-rebbieħ ikun Laburist, kif ser tfehmom?

Jien nitħajjar nipparteċipa fil-kompetizzjoni… imma delli tqil – wisq nibża li jekk nirbaħ, ninzerta xi jum rari fejn ikun hemm xi diskussjoni ta’ strateġija nterna fil-Partit, filwaqt li jien nixtieq ninzerta xi jum speċjali li fih il-Prim jixgħel Triq ir-Repubblika għall-Milied, jew dak il-jum meta f’Kastilja jilqa lil xi kantant li jirrappreżenta lil Malta għall-Eurovision, jew dak il-jum meta jintefa’ d-dar jgħamel online conferencing maż-żgħażagħ Maltin. Issa naraw!

Wara kollox, minn dak li smajt quddiem il-Qorti, fejn il-benna tal-aħbar titwieled, jidher li Austin Gatt, Joseph Muscat u Norman Lowell diġà xeħtu l-applikazzjoni tagħhom. Iġifieri nista nkompli għaddej bil-ħajja sempliċi tiegħi u nibqa nittama li xi darba, għal kuntrarju ta’ Matthew Bellamy f’dan il-video, din il-profondità sewda, tintemm.