Niftakar f’Sarah Scazzi – dik it-tfajla ckejkna minn Avetrana fl-Italja, li fl-aħħar xhur ta’ l-2010, spiċċat fuq kull rokna tal-midja taljana wara l-qtil traġiku tagħha. Kien każ ikexkex u sforz dan kulħadd ried jitkellem, kulħadd ried isir jaf aktar, kulħadd xtaq ġustizzja. Il-familjari, komplici jew le, illum saru persunaġġi… fejn saħansitra saru kostumi tal-Karnival jirrappreżentaw liz-ziju tal-istess tfajla, Michele Misseri li kien l-ewwel suspettat. Imsomma, il-midja għamlet sensazzjoni mmensa minn dan il-każ u għaddew numru ta’ ġimgħat mhux ħażin qabel ma’ xi ħadd beda jistaqsi dan kienx sew; qabel ma xi ħadd induna li ħafna gawdew minn fuq din it-traġedja.
Tgħid qed nitħajjru nirrepetu l-istess eċċellenza ta’ etika hawn Malta? Jidher li l’hemm mexjin. Fi ġranet fejn hemm ftit x’tirrakkonta, fejn saħansitra lbieraħ rajna servizz tal-aħbarijiet dwar logħoba futbol bejn l-iljunfanti, nafu, anki aħna, naqgħu f’apatija mpekkabbli. Seħħ delitt u qed naqaw fir-redikolu li nirrakkuntaw kull pass u kull dettall li suppost huwa kompetenza esklussiva tal-Pulizija.
Issa ngħid jien, x’jidħolli u joħroġli mid-dettalji dwar delitt makabru li seħħ f’xenarju privat? X’inhu l-irwol tal-midja f’sitwazzjonijiet hekk? Xi prinċipji ġew mgħallma lill-ġurnalisti preżenti? X’inhu l-iskop ta’ ċertu bloggers li ppreferew jikkwotaw l-istess inutilità nformattiva? Tgħid jattiraw ftit traffiku lejn kitbiethom?
Nawguralkom is-sena t-tajba ħbieb!