“B’daqqa ta’ pinna SportMalta għaddiet maħżen f’Xatt il-Barriera fil-Belt f’idejn il-Klabb Regatta Birżebbuġa. Għalhekk issa l-unika klabb barra l-Port il-Kbir għandu fi ħdanu binja li fiha jista’ jħarreġ numru ta’ qaddiefa b’mod professjonali f’tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod minn fejn isiru t-tlielaq tar-regatta.”
Hekk beda llejla s-servizz tal-ONE dwar din il-propjetà, li tqum eluf kbar ta’ ewro, irregalata mill-Gvern lil Klabb sportiv li mhux parti mill-komunità Beltija. Ninsab tassew diżappuntat ġaladarba entitajiet varji Beltin ilhom xhur twal jitkarrbu sabiex il-Gvern jgħin is-sitwazzjoni prekarja tagħhom fejn tidħol propjetà.
L-argument miġjub fis-sitwazzjoni, dak li “issa l-unika klabb barra l-Port il-Kbir għandu fi ħdanu binja li fiha jista’ jħarreġ numru ta’ qaddiefa b’mod professjonali f’tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod minn fejn isiru t-tlielaq tar-regatta.” insibu tassew bla sinsla, dan għaliex jidhirli li f’Birżebbuġa hemm l-istess baħar li jinstab fil-Port il-Kbir. Bl-istess argument, kull klabb tal-futbol fil-Kampjonat Premier imissu jitlob propjetà tefgħa ta’ ġebla bogħod mill-iStadium Nazzjonali f’Ta’ Qali sabiex ikun jista’ iħarreġ lill-plejers tiegħu b’mod professjonali!
Għandi kurżità kbira nkun naf x’inhi l-pożizzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta f’dan ir-rigward. Jidher li ħadd mill-Kunsill Lokali ma kien preżenti għal din il-konferenza stampa. Għaliex? Lil hinn minn hekk, ilhom iqumu ilmenti fost il-komunità Beltija li ż-żona quddiem l-istess maħżen, li ilu jintuża mill-Klabb imsemmi għall-aħħar snin u mhux mill-llum, ġiet ikkapparrata mill-istess entità sportiva b’barriers fejn anki residenti Beltin ma tħallewx jersqu lejn l-inħawi biex jagħmlu xi bbq fl-istaġun tas-Sajf. Saħansitra saret zebra crossing f’punt tassew perikoluż taħt niżla mill-aktar wieqfa fil-Belt Valletta sabiex taqdi lil dan il-Klabb.
Nistenna reazzjoni mingħand is-Sindku tal-Belt Valletta kif ukoll il-Kunsillier responsabbli mill-iSports. Naħseb illum il-Gvern u SportMalta naqsu bil-kbir lill-komunità Beltija speċjalment lil dawk bħali li joffru ħinhom b’xejn b’risq il-komunità u l-kultura tagħna.
Jekk kien hemm bżonn sinjal ċar li l-komunità u l-kultura Beltija qed tiġi meqruda b’mod strateġiku, dan huwa kapitlu ieħor, fost ħafna oħrajn, miktub b’daqqa ta’ pinna.
Qumu minn hemm Beltin!