“Għax din kwistjoni t’opinjoni” jgħid ir-ritornell tal-Brikkuni fil-kanzunetta Kollox Suġġettiv. Tassew, kulħadd impestat bit-talenti, kulħadd jaħseb li jista’ jiddeċifra l-ifjen kombinazzjoni matematika permezz tal-opinjoni jew tal-gosti.
Wara li kkritikajt id-disinn fqir immens tal-famuż riklam għad-Dinner Dance Buffet ta’ Dr Stefan Buontempo bil-kelma “orribli”, kont qed nistenna, kważi bi ħġari, li xi ‘opinjonista’ ieħor jitfaċċa. Fl-aħħar, daqs sagħtejn ilu, il-ġenju tal-lampa qatgħali xewqti:
“m’għandekx dritt tmaqdar il-mod kif għamilt għax forsi lil Dr Buontempo hekk jogħġbu. Naħseb kien ikun ferm aħjar li kieku ktibt e-mail lil Dr Buontempo biex jekk għandek xi suggerimenti ressaqhomlu!! Jekk taf lil Dr Buontempo, iddedika ħajtu għall-politika u jekk trid tkun voluntier ma naħsibx li mhux se jilqgħek b’idejh miftuħa.” – K.Caruana
Każ tipiku fejn il-Malti jippreferi jirrikorri għall-element ta’ gosti/opinjoni u mhux għal valur tekniku ta’ prodott. Valur tekniku li, iva, fid-disinn jeżisti wkoll, u mhux opinjoni.
Affaxxinanti l-kunċett ta’ “voluntier” li spiss jitqajjem f’kuntesti fejn tmiss l-espressjoni artistika. Tal-madum, il-perit, tabib, nutar, għalliem, ġurnalist, parrukkier, dentist… dawk professjonisti u allura tifhem li jġibu prezz magħhom. Mhux disinjatur imma. Dak voluntier, daqs il-President fil-Perù!
F’dan il-każ, il-parlamentari jgawdi saħansitra minn konnotazzjonijiet Bibbliċi: “iddedika ħajtu għall-politika” – kawża ta’ ġieħ; filwaqt li jien, biċċa disinjatur (ironikament bħal king Franco, dak il-“biċċa deputat”), jien mitlub inkun voluntier għax ma ddedikajtx ħajti għal xi skop qaddis.
F’pajjiż fejn tirrenja, apatija jew aħjar, baħħ kulturali post-modern u kontemporanju, il-poplu qatt ma ġie mgħallem ifarrak dak l-ikel li dejjem kiel mill-imgħarfa tal-fsied familjari u jikkrea riċetti ġodda. Il-Malti, fil-maġġoranza tiegħu għadu jbeżlaq lejn statwa figurattiva f’nofs pjazza u pittura ta’ għasfur tal-bejt. Jiġuni f’moħħi varji episodji: gażżetta lokali talbet lil disinjatur ħabib tiegħi sabiex “iħassar” ġummiema (għadni kif skoprejt li hija l-kelma Maltija għal nipple) minn fuq reklam ta’ ditta barranija li kienet turi tfajla fl-ilbies intimu. U kemm tqalleb Eugène Delacroix meta disinjatur kollega tiegħi ġie mitlub jgħatti sider il-Libertà fil-pittura La liberté guidant le peuple minħabba li kienet ser tidher fi ktejjeb edukattiv għat-tfal!
Il-Malti f’kull aspett, jibża’ mill-iskumdità li mistoqsija taf iġġib magħha u appuntu għalhekk, ħuwha; l-għerf, rari jersaq sa xtutna. Filwaqt li jberraq u jiskanta quddiem il-għerf kreattiv tal-barrani, il-Malti jmeċlaq bħal mogħża, fl-opinjoni u l-gosti!
“Ara tgħid li inti tajjeb, għax naħbtu għalik bil-ktajjen, ja pulċinell!”