F’intervista li saritli f’Marzu 2024 għall-gazzetta ILLUM, il-ġurnalista Elaine Camilleri saqsietni numru ta’ mistoqsijiet li għalihom irrispondejt permezz ta’ dokument diġitali. Sfortunatament l-artiklu ppublikat ma kienx mera ta’ dak kollu li xtaqt inwassal, għaldaqstant qed nirriproduċi l-intervista kompluta hawnhekk.
- Kif taħseb li nbidlet il-Belt?
Jekk inqabbilha ma’ tfuliti, il-Belt Valletta sbieħet estetikament b’diversi interventi miż-żewġ gvernijiet iżda tilfet wisq fejn tidħol ir-ruħ; in-nies li jgħixu fiha u li dejjem tawha karattru spettakolari. Sfortunatament fl-aħħar snin il-mod kif ġie interpretat il-qawmien ġdid għall-Belt Valletta kien l-isfruttar tal-ispazji vakanti sabiex jiġi żviluppat suq fl-industrija tad-divertiment, ikel u xorb. Xejn aktar. Fejn dari kont issib il-karattru tal-Beltin f’kull kantuniera, illum trid titħabat biex issib elementi li jesponu l-karattru tal-komunità residenzjali Beltija għax dawn ġew ġentrifikati – sfurzati jitilqu bil-pulit u bil-premessa tal-flus fil-but – realtà li kielet wisq mill-identità intrinsika tal-Beltin. Spazji bħal Sant’Iermu, is-Suq tal-Belt, il-Pixkerija u l-Pitch ġew meħuda lill-komunità u mgħoddija lill-privat bla wisq skrupli, anki meta l-esperti taw pariri differenti.
- Iktar kemm imur maż-żmien, in-nies iktar qed jaraw il-Belt Valletta bħala belt ta’ divertiment. Kif jaffetwak dan bħala resident?
Filwaqt li n-nies; Maltin u turisti, qed jaraw din ir-realtà ġdida, il-maġġoranza m’humiex infurmati dwar x’inhi l-vera essenza tal-Belt Kapitali: belt b’identità unika, benniena ta’ kultura wiesa. L-istat jirreklama lill-Belt Valletta bħala belt mużew bl-ebda referenza lejn il-kulturi ta’ ġo fiha. Il-maġġoranza tal-viżitaturi illum iqisu l-Belt Valletta bħal kull lokalità oħra – li mhux il-każ. Għaldaqstant wisq nibża li frott din l-attitudni fejn il-Belt hija biss post fejn jaqbillek tikri kamra sabiex tgawdi l-istorja tagħha, fi ftit snin oħra ser ikollna biss residenzi transitorji, mużewijiet u monumenti iżda l-ebda element tal-ħajja kontemporanja Maltija bil-valuri kulturali tal-identità tagħha.
- Taħseb li l-Kunsill Lokali tal-Belt kien reattiv fuq sitwazzjonijiet, bħas-siġġijiet u l-imwejjed fit-toroq, il-ħmieġ, l-istorbju?
Naħseb li l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, bħal ħafna oħrajn huwa maħkum mill-virus tal-politika partiġġjana. Sintomi ta’ dan il-virus, il-kunsilliera spiss jispiċċaw jagħtu priorità lill-aġenda tal-Partit iktar milli dik tal-komunità residenzjali. Meta l-Kunsill ikollu maġġoranza li tirrappreżenta lill-Partit fil-Gvern, dan is-sintomu isir iktar evidenti għax isir diffiċli għal kunsillier jew Sindku li jaqdi lil niesu li ma jmurx idennes il-lealtà tiegħu/tagħha għall-Partit. Filkaż tagħna, filwaqt li Beltna ġiet sfruttata minn infinità ta’ entitajiet għal spettakli, avvenimenti u produzzjonijiet, il-Kunsill Lokali tul is-snin kien spiss medhi f’intriċċi partiġġjani li ftit jinteressaw lill-komunità residenzjali. Tul is-snin, kienu rari d-drabi fejn rajna Sindki jew Kunsilliera li qabżu għar-resident u t-talbiet tagħhom b’mod voċiferu. Minjaf meta l-Partiti ser jirrealiżżaw li huwa san li jkollok rappreżentanti kritiċi tiegħek stess!
- Mal-ILLUM Beltin qalu li s-sigurtà fil-Belt m’għadhiex li kienet. Taqbel? Kif taħseb li nbiddlet is-sigurtà fil-Belt?
Ladarba l-Belt Valletta qed tiġi promossa bħala Belt għad-divertiment, huwa ovvju li rridu nbatu l-konsegwenzi. Huwa fatt li tista’ tarah b’għajnejk li fil-Kapitali żdied il-konsum tal-ikel xorb u anki drogi. Għaldaqstant hija konsegwenza ovvja li ser jiżdied il-periklu. Fejn qabel il-biżà kienet minn spazji kemmxejn diżabitati, illum il-biżà hi li frott preżenza ta’ nies bla skrupli u l-ambjent li jrawwmu, ħafna jistgħu jispiċċaw vittmi.
- Evans Building qed jisemma li se jsir lukanda. Bħala resident, kuntent b’din id-deċiżjoni, jew xtaqt li tara l-Evans Building jieħu sura oħra?
Deċiżjoni għad ma hemmx minħabba li kien hemm xi ntoppi. Irrid inkun bla qalb lejn il-Belt Valletta u l-Beltin sabiex nifraħ b’din il-proposta speċjalment meta tqis li f’din il-Belt Kapitali li suppost iġġib l-għira tal-Ewropa, ma hawnx Dar tal-Anzjani fost servizzi oħra. Meta niftakru kif fl-aħħar għoxrin sena sparixxew iċ-ċentri għaż-żgħażagħ, ikun xieraq li dan l-ispazju jiġi żviluppat f’ċentru fantastiku fejn żgħażagħ u anzjani jistgħu jsibu l-milja tagħhom, fil-kuntesti partikolari ta’ ħajjithom. Dan anki b’rispett lejn il-binjiet komunitarji tal-viċinanzi bħall-Iskola Primarja u l-Camarata. Ma nifhimx kif min hu responsabbli tal-iskola u min jgħix fil-Camarata ma jirrealiżżax il-preċedent li lukanda fl-Evans ser toħloq! Ngħalaq billi nirrifletti l-ħasra kbira li mijiet ta’ anzjani Beltin kellhom jgħixu l-aħħar xhur u snin ta’ ħajjithom lil hinn mill-Belt għażiża li għaliha tant ikkontribwew.