Iva? Le? Forsi? Imma xi jfisser?

Jidher li aktar ma jgħaddi, aktar qed noqorbu għal mitiku referendum.

“Referendum”, kelma li tqabbadni t-tkexkix wara l-fares li saru lura fl-istorja ricenti ta’ pajjiżna. Kelma li anki wara dawk il-fares kollha, ħadd minn dawk responsabbli ma ndenja ruħu jesplora fid-dettall – u wisq nibża li pajjiżna jinsab bil-preparamenti għal karru trijonfali ieħor.

Nammetti li nibża ħafna mill-mod suġġettiv kif il-politici jgħażlu li jinterpretaw il-process ta’ referendum skond il-bżonn. Diġà nkwetanti l-mod kif tiġi fformulata l-mistoqsija, aħseb u ara l-interpretazzjoni tar-riżultat!

Dejjem qabbilt referendum mas-sitwazzjoni ta’ missier li jidħol mat-tlett uliedu f’ħanut tal-ħelu, jaħtaf kejk tac-cikkulata u jdur fuqhom sabiex “jikkonsulta” jriduhx jew le. Qatt ma rnexxieli nsib sitwazzjoni li setgħet tgħini nara riżultat b’mod aktar oġġettiv: ngħid għalija jekk wieħed mit-tfal jaccetta dak il-kejk, ieħor jgħid le, u l-ieħor jinjora, il-kejk ma għandux jinxtara għax nemmen li min jinjora għandu sensazzjonijiet aktar negattivi milli pożittivi lejn l-oġġett; jekk le, jaccetta.

Ejja nimmaġinaw popolazzjoni ta’ 100 membru li trid tiddeciedi dwar id-divorzju: Mela ejja ngħidu aħna li minn 100 ruħ eliġibbli, 91 jieħdu l-kedda li jqumu u jmorru jivvutaw u d-9 l-oħra jiġu kemmxejn alabiebhom. Minn dawk il-91, 48 jgħidu li jridu d-divorzju u 42 jgħidu li ma jridux. Wieħed jibqa’ ndeciż u minflok iħarbex “good luck Glenn!!”.

Inħoss li tkun sitwazzjoni tassew redikola li b’marġinu daqstant zġħir ta’ distakk, tinqatà linja f’deciżjoni hekk importanti. Dan bħalma ġara fir-referendum precedenti. Huma mumenti hekk fejn inħoss li d-demokrazija ssir bażwija, redikola u dittatorjali. Huma mumenti hekk fejn ma nifhimx għalfejn ir-raġuni u s-sens komun ma jirbħux fuq l-ostinazzjoni għar-“rebħa” tal-argument.

Naraha għażla iktar matura jekk d-deciżjoni tittieħed jekk ikun hemm marġini ta’ 30% u allura jkun hemm certu sens ta’ qbil li qed issir l-aħjar għażla mingħajr riskju li nofs il-membri jispiccaw dimotivati.

Issa li qed jingħad li l-Prim Ministru ssuġġerixxa li ssir mistoqsija, skond hu, diretta, (“people should be asked a straightforward question of whether or not they agreed on the introduction of divorce.”) jien għandi iktar flieles f’rasi:

  1. Jekk poplu jgħid li jaqbel li jidħol id-divorzju, dak ifisser li tak id-dritt taqbad u ddaħlu jew għandu jibda process ġdid biex issir l-aħjar introduzzjoni?
     
  2. Il-persentaġġi tal-marġini għandhom jiġu identifikati minn qabel? Jew jekk ikun hemm 1% fuq naħa jew oħra, dan ikun deciżiv f’ġiegħ id-demokrazija?

U allura ngħid jien għax ma ssirx mistoqsija bħall-“Inti trid li l-Gvern Malti jibda process minnufih sabiex tigi ntrodotta l-ligi favur id-divorzju fil-liġi ta’ Malta?”