L-Erbgħa li għadda, sieħbi James Vella Clark bgħatli messaġġ sabiex jindikali li kien hemm inervent ta’ Franco Battiato fuq RAITRE. Ma lħaqtx rajtu sfortunatament.
Il-Kobba, il-proġett artistiku ntemm nhar il-Ġimgħa. Imma mhux il-kobba fiha nfisha. Mid-dar tal-ħabib ġdid Antoine Farrugia ħriġt b’bagalja bi ħdax-il biċċa arti. Iżda ħriġt ukoll b’bagalja emozzjonijiet bħal wara vjaġġ twil u emozzjonalment intensiv. Naħseb ħriġt b’aktar linji ta’ spag aħmar jiġru minn qalbi lejn elementi li sawwru dan il-vjaġġ.
Il-Kobba kienet esperjenza ta’ tlett snin ħsieb, kreattività, esperiment, deċiżjonijiet u ħidma. Grazzi kbira lil sieħbi Simon Sultana Harkins li għat-tieni darba kien kuratur ta’ proġett minn tiegħi. Forsi mhux dejjem naqblu fil-metodi u ritmi tagħna iżda fuq kollox hemm sintonija ħelwa li tlaqqagħna f’punt komdu. Ma’ Xmun inħossni komdu ma naqbilx u nisma’ ħsibijiet minn perspettivi opposti.
Il-Kobba ħaditli ħafna ħin u enerġija. Tatni mħabbiet u serqitomli. Tellgħatni s-sema u sabbtitni fl-infern. Rawwmitni u tnejjket bija. Serqitli nifsi – drabi fi ljieli ta’ mħabba u drabi oħra fi ljieli twal ta’ biki. Kobba għallmitni nċedi aktar u nħalli kollox jitlaq mingħajr ma ngħannaq iżżejjed. Kobba fakkritni li hemm persuni li kapaċi jgħixu f’gidba konsistenti sabiex jissodisfaw is-suppervja filwaqt li oħrajn, kapaċi jibgħatu sms u jiskużaw ruħhom għall-feriti li jkunu ċarrtu f’sider ħaddieħor. Kobba xxennaqni nemmen li tassew teżisti relazzjoni li tista’ tibqa’. Għal dejjem. Imma mhux bil-kliem. Għal dejjem, bla biżgħat u mingħajr ma l-fil aħmar jifga ‘l ħajja mis-suġġetti.
Illum qalb il-ħedla ta’ wara nofsinhar intfajt nara l-programm li kien issuġġerieli James. Lessico Amoroso jismu. Sa mn’alla rajtu llum. Ma tantx hemm kliem biex tiddeskrivi l-ġmiel ta’ dawk l-45 minuta. Tpaxxejt f’sakra ħelwa nisma l-kliem li nemmen fih b’tant saħħa. Kliem profond u xejn fieragħ. Kliem dwar elementi li kontinwament nipprova ngħix kuljum u li Kobba saqsiet dwarhom. L-istil ta’ diskursati li nħobb nisma.
Massimo Recalcati jitkellem dwar l-akbar żewġ gidbiet li qed ngħixu. L-ewwel dik li l-ħajja adulta hija ħajja kapaċi li tkun awtonoma u indipendenti. Li ż-żmien jeżalta l-“jiena”. Meta fi kliem Recalcati, mingħajr “l-ieħor”, il-“jiena” ma jeżistix. Li l-“ieħor” jgħix fil-“jiena”. U l-“jiena” ma hux padrun ta’ daru.
It-tieni gidba kbira hija li s-salvazzjoni tagħna tinsab fil-poter tal-oġġett u li dan l-oġġett joffri l- possibiltà tal-ġdid. Oġġetti li jwegħduna ferħ u salvazzjoni. Xewqa umana li timbuttana lejn l-akkwist kontinwu. F’dan il-ġenn nitilfu l-element ta’ kura lejn l-“ieħor”. Sfortunatament għext nies mgħarrqa f’din il-ġirja bla nifs lejn infinit giddieb li jnessi l-kobor jew ibeżża’ mill-kobor tal-għotja kompleta tal-imħabba.
Xi ġmiel l-argumenti li l-imħabba tiġġedded fiż-żmien. Kontra kull kuntrarju. L-imħabba bħal fjamma, tiġġedded, tissaħħaħ u tgħix fit-tul. Dejjem ġdida! “Meglio bruciare o durare?” Mhux ser ngħid xejn dwar l-intervent ta’ Roberto Benigni. Nittama biss li ssibu ħin tisimgħuh.
L-għada li Kobba ntemmet, jitfaċċa dan kollu, bħal karru mimli ħjut ħomor, kobob… sabiex naqbeż fihom u bihom ngħix aktar u mmur x’imkien ġdid fejn niskopri relazzjonijiet b’imħabba li taqbad u li ttul. Mħabba vulkan li taħraq kollox u ġġenninni imma wkoll twassalni ngħix il-kwotidjanità f’paċi. Grazzi ta’ dan kollu lil James, li fettillu jaħseb fija b’messaġġ. Illum infetħu toroq ġodda lil hinn mill-Kobba.
Aktar grazzi. Grazzi lil kull min għoġbu jakkwista xi xogħol mill-Kobba u jgħix ftit minn dan kollu miegħi. Grazzi lil min qasam ħsieb jew ftit sekondi miegħi tul is-seba’ waqfiet. Grazzi lil min ma ġiex b’għażla. Grazzi lil min ma fhemx b’għażla. Grazzi lilek Claudia li minħabba fik twieled il-kunċett tal-Kobba. Grazzi Roberta. Grazzi Clint Scerri Harkins li tul dan iż-żmien sibt ħabib intens fik. Grazzi Carl Farrugia. Grazzi lil John Mallia, Edward Bonello, Victor Jacono, Martina Said u Stephanie Fsadni li xerrdu l-Kobba f’distanzi oħra. Grazzi lilkom li ftaħtu l-bieb ta’ djarkom għall-Kobba. Grazzi lill-familja Agius li laqgħu lili għandhom. Grazzi lilek Louise li nsiġt linja ħamra miegħi u dewwaqtni sens tanġibbli u profond għal dawn il-ħsibijiet kollha.
PS. Għal min xtaq ikun jaf minn fejn twieldu t-titli tax-xogħolijiet f’Kobba, hawn huma l-kanzunetti li kkawżawhom