Psewdo-artisti Maltin

“Li tgħamel huwa att kreattiv. Id-differenza li tiddistingwi lill-artist hija il-livell ta’ użu tal-manwalità, idejh u kemm iħallihom liberi li jaġixxu – kemm fuq livell artistiku kif ukoll dak produttiv. Lili l-produzzjoni manwali tgħoġobni jekk toħloq, imma huwa inti li trid tfassal lingwaġġ personali u l-biċċa xogħol innifisha! Hekk kif jiġri fil-poeżija, li tlaħħam dinjiet varji permezz ta’ kliem u hi kapaċi tagħti forma viżibbli lir-ruħ ta’ kull oġġett, l-użu u s-sbuħija tagħhom.”1

Fil-ktieb tiegħu ta’ konverżazzjonjiet ta’ bil-lejl, l-awtur Marco Castoldi ntervistat minn Mauro Garofalo, jiddeskrivi l-maġija li kull artist huwa mitlub iwassal. Il-maġija li tibdel il-fakultà espressiva, f’oġġett. Il-maġija li tlaħħam ħsieb f’forma letterarja jew viżiva. Bi ftit immaġinazzjoni nifhmu wkoll li hemm referenza lejn dik il-maġija li tibdel ħsieb f’azzjoni. Fejn dak li huwa fil-kapaċità intelletwali tal-bniedem, jieħu forma, jiġi kkomunikat u allura jmiss lil ħaddieħor.

Fejn huma l-artisti Maltin? Min huma l-artisti? Anzi ħa nsaqsi lilek li, bħali, tgħid li int artist jew tgħix minn fuq l-arti: X’inhi l-arti tiegħek u lil min qed isservi? X’qed tgħid l-arti tiegħek u x’inhu l-iskop tal-eżistenza tagħha? Lil min qed tolqot?

L-artist. Min hu artist? X’jiddistingwi artist minn ħaddieħor li mhux? X’funzjoni għandu l-artist fis-soċjetà? Dawn il-mistoqsijiet ġew f’rasi hekk kif wara l-ħatra ta’ Jason Micallef bħala Chairman tal-Kumitat tal-Valletta 2018 Belt Kapitali Ewropea għall-Kultura, il-gazzetta Times of Malta rrappurtat kummenti dwar din il-ħatra minn artisti li ppreferew jibqgħu anonimi. U hawn fejn nistaqsi l-ġenwinità ta’ dawn il-psewdo-artisti. X’inhi l-biżà li tesponi dak li tassew temmen? Xi ħsara tista’ issirlek li żżommok lura milli tgħid il-verità b’wiċċek minn quddiem? Forsi huwa minnu dak li kien qal Baudelaire “ftit huma dawk li għandhom id-don li jaraw; iżda inqas dawk li għandhom il-ħila ta’ l-espressjoni”.2

U din il-ħila ta’ espressjoni mhix biss il-kapaċità li terfa pinzell, iċċappsu biż-żebgħa u tħabbtu ma’ tila. Mhix biss il-kapaċità li twelled rima u ritmu. Li tlissen melodija mill-ifjen b’intonatura kristallina. Hija l-espressjoni li toħroġ libera mill-qalb, il-ħsieb li spiss jaħsad. L-espressjoni li taf tistona jew tweġġa’ lill-għajn għażżiena iżda li taf iċċaqlaq qalb, triegħed pedament u tofroq f’żonqra maltija.

L-artist huwa dak li b’wiċċu minn quddiem, jesprimi l-anarkija fi ħsibijietu f’forom sensorjali sabiex jinstiga libertà u jċanfar jew jikkritika dak kollu li jmur kontra l-libertà tal-ħajja – mhux biss dik umana. L-artist huwa dak li jantiċipa l-ħsieb komuni, jħoss il-polz tal-poplu u jesprimih jew jindika ħsieb forsi mistur għall-massa. L-artist jitkellem meta l-massa tkun imbikkma, aljenata, imhedda jew imwerwra. U jgħamel dan biex ixerred emozzjoni li ċċaqlaq. Fi kliem Marco Castoldi, l-artist jinħall mill-irbit ta’ kull konvinzjoni, poża jew pożizzjoni. L-artist huwa politiku tal-poplu. Il-psewdo-artisti Maltin li jitkellmu biss minn wara l-ħasira li ma jmurx jintgħarfu u ma jkunux mistednin għall-ftuħ tal-esibizzjoni faqgħa li jmiss, jqabbduni rritazzjoni.

Intemm dan il-ħsieb billi għal darb’oħra nikkwota lil Baudelaire li dan l-aħħar, b’xorti tajba, kelli opportunità u ċans li naqra u nixtarr siltiet mill-kitba tiegħu fil-ktieb The Painter of Modern Life and Other Essays.

“Apparti dawk il- ftit eċċezzjonijiet, waħda jew tnejn, li m’għandix għalfejn insemmi, irridu nammettu li l-maġġoranza tal-artisti ma huma xejn ħlief annimali ta’ ċertu sengħa, artiġjani puri, intelletwali tal-villaġġ u mħuħ sempliċi. Il-konverżazzjonijiet tagħhom, li huma neċessarjament limitati fi ċrieki dojoq, isiru, f’kemm ili ngħidlek, insopportabbli għar-raġel tad-dinja, iċ-ċittadin spiritwali tal-univers.”3 

Nittama li aħna l-artisti Maltin inkunu għaqlin biżżejjed li naħarbu din id-deskrizzjoni b’kull ħila li għandna u b’irġulija!


1 Marco Castoldi & Mauro Garofalo (2008), In pArte Morgan, Elèuthera editrice. p.23
2 Charles Baudelaire (2010), Painter of Modern Life and Other Essays, Phaidon Press Limited. p.11
3 Charles Baudelaire (2010), Painter of Modern Life and Other Essays, Phaidon Press Limited. p.7