Sindikajr

Il-qaddisin ixxabtu mal-kantunieri. Kif jgħidu, kulħadd sindikajr. Il-kelb nebaħ u smajna l-eku jgħarrax ‘il Gardjola. Kristu msallab f’niċċa roża ’l bogħod minn ommu xtaq ċikkulata mgeżwra fid-deheb hekk kif lemaħni ngerrem l-aħħar xifer tal-lewża. Passjoni. Toroq familjari. Ħafna passi f’żarbun ġdid, iżda l-ebda selħa ma’ saqajja u s-seħer ħadem ġmielu bħal f’teatru meta jitbaxxa id-dawl. L-oranġjo u l-iswed ħbieb kbar, mhux daqstant bi nhar, iżda llejla, bejn kelma u oħra, żifnu quddiemi.

Mudelli tal-injam lebsin ħwejjeġ kemmxejn grotteski laqgħuna quddiem in-niċeċ moderni tal-bejgħ. Il-kesħa ma nħassitx u ma’ aktar passi qalb trejqiet ġodda, ħassejt ferħ jimlini. Ferħ li jagħti nifs ġdid u frisk. Minn turġien dojoq moħbija, għal fuq bejt minxur taħt l-iswed tal-lejl, quddiem l-Għażiża mneżża f’mument; silenzjuż, kważi intimu.

Ritratti fuq l-ipad ta’ dgħajjes jistrieħu u rakkonti twal ta’ ħolm bla waqfien, żewqu l-ħin u tħalltu ma’ memorji ta’ tfulija li għaddiet u l-marki li ħalliet. Tifkiriet ta’ missirijiet, zijiet u nanniet li sawru fi żmien ieħor dawn it-trejqiet. Dan kollu trembel f’sigarett ifewwaħ sakemm il-kesħa wkoll ġiet tissindika.

U issa min-naħa l-oħra, sirt jien is-sindikajr, nixxabbat, bħal dawk il-qaddisin, mill-gallarija; sabiex il-memorja ma tmutx. Sabiex niftakar f’preżent li jlissen tbissima f’ċajta sempliċi jew f’isem partikolari ta’ qaddis Imperatur.