Tag: airmalta

Inlibbsu lill-AirMalta

L-AirMalta, għal darb’oħra fi fit xhur, wettqet eżerċizzju ta’ re-branding. Wara li f’Marzu li għadda, rajna l-Airbus A320 jiġi re-branded bħala promozzjoni għal Valletta Belt Kapitali tal-Kultura 2018, ilbieraħ is-CEO Peter Davies, nieda re-branding ġdid għall-flotta sħieħa – nimmaġina li anki għall-istess Airbus A320! Libsa ġdida għall-ajruplani tal-AirMalta – min jgħid sabiħa u min jgħid kerha, min tajba, u min, ħażina.

Ma naħsibx li hawn huwa l-ispazju fejn jaqbel niddiskuti l-eżerċizzju viżiv – (dak li ħafna jaħsbu li huwa re-branding) – imma xtaqt nikkummenta fuq l-idea ta’ re-branding inġenerali u ngħaddi kummenti dwar il-filmat promozzjonali li twettaq.

Kif spjegat tajjeb fuq Wikipedia, re-branding mhux biss il-libsa viżiva ġdida li tlibbes lill-prodott tiegħek iżda ħafna elementi oħra li flimkien, isaħħu jew jgħatu direzzjoni ġdida lill-istess prodott.

Niġġudika l-kwalità tal-eżerċizzju li għamlu l-kumpanija Ingliża FutureBrand, meta nidħol fuq is-sît tagħhom u ninduna li lanqas hemm referenza lejh. Nidħol ukoll fis-sît uffiċċjali tal-AirMalta u nsib li dan għadu mhux aġġornat. Dik diġà indikazzjoni nkwetanti.

Aspett ieħor li xtaqt nirrimarka huma xi suġġetti li ġew magħżula, minjaf b’kemm diskussjoni, sabiex jidhru fil-filmat uffiċċjali. U hawn ser ngħamel lista ta’ aspetti li skond jien, huma kemmxejn qarrieqa:

  • “an idyllic archipelago” u dehra ta’ Kemmuna u Għawdex – video fejn Malta hija penġuta bħala ġenna tal-art, kważi kważi art verġni.
  • “with a warmth that is unique” u nżid magħha “unless you are a black or North-African refugee”
  • “diverse” u dehra ta’ gallariji tradizzjonali. Ritratt li mill-ewwel qajjimli susspett… sakemm ikkonfermajt li hu ritratt diġa ppubblikat fuq flickr! Tgħid William Attard McCarthy jaf li ritratt tiegħu ntuża f’eżerċizzju ta’ rebranding li sewa €1.9 miljun?! Ċans kbir li iva, għax fil-profil tiegħu, McCarthy jiddeskrivi lilu nnifsu hekk:

“Has been a stock photographer for the past 4 years and submits images to main agencies. Member of the SWPP and the MIPP.”

Nippretendi li f’eżerċizzju tant kbir, jintuża ritratt li ma kienx ippubblikat! F’ġieħ il-kwalità. Tal-mistħija! Hawn nista nieqaf nikkummenta… imma ser inkompli!

  • U jerġa jitfaċċa l-luzzu f’xi ħaġa li tiddeskrivi lil Malta. Sadanittant il-portijiet tagħna miżgħuda bid-dgħajjes lussużi msejjħa jottijiet. Lil dawn ninċentivawhom sabiex ifaqqsu u nħallu l-luzzu għal xi filmat li jrid jemozzjona lil min jarah! Rispett lejn l-installazzjoni “Sulluzzu” tal-artist, ħabib u kollega tiegħi, Julian Mallia li f’mumenti hekk terġa tinstema’ tgħajjat mill-bitħa tal-Università l-antika tal-Belt fejn kienet ġiet esibita.
  • “authentic” u dehra ta’ knisja! Minjaf x’iridu jfissru? Li l-Knisja f’Malta hi ftit partikolari kulħadd jaf imma kont nuża l-kelma “dodgy” allura.
  • Ninfexx f’applaws mifqugħ b’ironija u sarkażmu hekk kif jitfaċċa r-ritratt tat-tberfil li jaqra “Welcome Aboard” fuq xarabank antik, flimkien mal-kelma “friendly”. X’inhu eżattament “friendly”? Ix-xufier l-antik li kulħadd kien imaqdar? Il-mod kif Austin Gatt ittratta lil dawn ix-xufiera? Il-mod kif b’din il-mossa qtilna 90% tal-arti tat-tberfil f’pajjiżna? Il-mod kif l-Arriva adattaw għas-sistema Maltija?
  • Apparti dan, fejn ser jaraw dik il-“Welcome Aboard” it-turisti li jiġu jżuruna issa li ħassarniha? Ma nafx. Hemm min qed jgħid li ġiet introdotta fuq l-istess ajruplani. Veru? Fhemuni forsi nifhem!

  • Il-Knisja, anzi l-koppla tal-Mosta… “inspiring” u  Wied iż-Żurrieq u Filfla jakkumpanjaw il-kelma “beautiful” – hawn ma nistax niċħad il-verità.


“Malta… our promise… a new way of seeing things”
– hekk hu speċjalment jekk 50% ta’ dak li urewk fil-filmat mhux se ssibu eżatt kif urewhulek!

X’inhu re-branding?