Jogħġobni facebook. Nhar l-Erbgħa iltqajt ma’ sett ritratti ta’ Peter Andre fuq il-paġna facebook tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta. Kien jidher li rebaħ xi titlu iżda ma stajtx nifhem xiex. Għażilt li nikkummenta b’xi mistoqsija jew tnejn għax xtaqt niskopri aktar iżda sal-Ġimgħa, 8 ta’ Frar, kont għadni mhux nifhem. Fittixt fuq l-Internet u kulma sibt, kien artiklu fuq Reveal.co.uk li ta ndikazzjoni li Andre kien ġie mogħti t-titlu “Ambaxxatur Kulturali tal-Belt Valletta” mill-Kunsill Lokali tal-Belt tiegħi.
Ħadt il-ħin tiegħi sabiex nirkupra mix-xokk u fil-17:00 ħsibt li naqsam ritratt tal-istess paġna fuq facebook filwaqt li staqsejt dwar il-kriterji ta’ din l-għażla. Iva, jogħġobni facebook. F’temp ta’ ftit siegħat, dan l-imbierek ritratt kien qed jiġri fuq il-profili ta’ ħafna u jikkrea d-dibattitu, dejjem mistħoqq, dwar x’inhi kultura u kif u ma xiex għandu jiġi assoċċjat l-isem tal-Belt tant għażiża għalina l-Beltin u Maltin.
Nammetti li kont sorpriż bir-reazzjoni tal-poplu nġenerali għal din l-aħbar. Apprezzajt li mhux biss il-Beltin iżda kull min huwa viċin tal-Kultura, għaraf japprezza l-osservazzjoni tiegħi. Sieħbi Teodor Reljic, ġurnalist ma’ MaltaToday, għaraf jindirizza l-mistoqsija billi ġabar informazzjoni diretta mingħand is-Sindku f’artiklu nteressanti. Aktar kmieni lbieraħ l-istess Reljic ħarbex silta t’opinjoni personali dwar l-istess punt. Ramona Depares, mara kkulturata daqs mija, ukoll kitbet dwar dan kollu fuq il-blog tagħha ta’ Times of Malta. Sieħbi l-‘Boat’ ħa wkoll l-inizzjattiva li jiġbor petizzjoni sabiex dan it-titlu jiġi rtirat.
Imma għalfejn il-poplu ħadha tant bi kbira? Varji l-interpretazzjonijiet li ħarġu. Min jgħid li aħna laqa tal-barrani u min jgħid li jekk dawn huma l-assoċċjazzjonijiet li nafu ngħamlu mal-Kultura, allura missejna l-qiegħ. L-inkwiet tieghi huma iktar profondi.
Wisq nibża li sforz in-nuqqas ta’ investiment f’kultura għolja, dan il-pajjiż jinsab maħkum f’orgażmu dwar dak kollu li huwa kummerċjali. Sirna nsarrfu kollox f’numri u niġġustifikaw kollox b’numri. Kwotat minn MaltaToday, is-Sindku qal li permezz ta’ dan it-titlu lill-Andre, “Valletta will feature prominently in his show on iTV which has an average viewership of 1.7 million viewers and a peak viewership of 1.9 million viewers. An additional 300,000 viewers watch reruns of his show.”
B’ħafna sarkażmu ikkummentajt li meta tikkunsidra l-istudji tal-2001 fejn il-flus ġġenerati mill-pornografija kienu jammuntaw għal madwar $2.6 u $3.9 biljun. (Ackman, Dan (2001-05-25). “How Big Is Porn?”. Forbes.com.) wasalna fi stat li nikkunsidraw anki xi stilla f’dan il-qasam bħala ambaxxatur tagħna.
Illejla, sħabi, is-sindku Alexiei Dingli u ‘il-Boat’ kienu mistednin sabiex jiddiskutu dan il-punt fuq TVHemm. B’xi mod il-ħin intilef u lanqas kellhom ċans jitkellmu u d-diskussjoni sfat posposta biss qabel ma l-mistiedna fetħu ħalqhom, intalbet l-opinjoni ta’ Peppi Azzopardi. Bla ebda sorpriża smajna lil Peppi jitkellem dwar kif ma jifhimx li hawn min qed jgħaġġibha tant, meta tikkunsidra li Peter Andre ser jgħamel riklam lill-Belt Valletta għax “…waqt il-Malta Music Awards rajnieh bil-crew tiegħu jiġru warajh”. Dan l-argument imur id f’id mal-kumment tas-Sindku, meħud minn artiklu fuq timesofmalta.com “The title can be misleading perhaps. He does not represent the culture of Valletta, we’re just seeing it from a promotion point of view.”
Filwaqt li nittama li m’aħniex ser nieħdu lezzjonijiet dwar Kultura (k kapitali ntenzjonata) minn fuq TVHemm, nistqarr il-konvinzjoni tiegħi li Peter Andre qatt ma kkontribwixxa għal kultura dinjija. M’għandux kredenzjali kulturali validi. Għandu biss kredenzjali kummerċjali limitati sforz is-suċċess li kiseb fl-1996 b’kanzunetta li laħqet it-tieni post tal-klassifika Ingliża u varji stejjer ta’ gossip ma’ Katie Price. Ikun tajjeb jekk qabel xi ħadd jitkellem dwar kultura u suċċess, jispjega x’jifhem biż-żewġ kelmiet!
Nirrepeti li il-kwistjoni madwar Peter Andre ma hix wisq in-nuqqas ta’ komunikazzjoni minn naħa tal-Kunsill f’din id-deċiżjoni – għalkemm iva, anki dik hija xi ħaġa nkwetanti. Huwa argument fejn bħala ċittadin Malti u fuq kollox, bħala artist Belti, nistaqsi u niċħad l-eliġibiltà ta’ Andre għal dan it-titlu relatat mal-Belt tant għażiża għalina.
Andre kellu jkun mistieden iħalli l-impronta ta’ idejh fil-Bay Street Walk of Fame jew xi titlu relatat mal-aspetti kummerċjali f’pajjiżna iżda mhux Ambaxxatur tal-Belt Kapitali. Għal kuntrarju tal-istqarrija tas-Sindku li dwar min jista’ jkun eliġibbli għal dan it-titlu qal: ““It can be given to someone of certain fame, be fond of Valletta and is willing to help in the promotion of our city abroad”, nemmen li hemm bżonn li dan it-titlu jingħata lil min jissodisfa ċerti kredenzjali kulturali u artistiċi u min għall-istess kredenzjali stinka fuq ambitu nternazzjonali u li għal dan huwa rikonoxxut.
Żgur li l-mibki Lucio Dalla kien ikun ambaxxatur denju; xempju brillanti għal titlu tant prestiġġjuż.