Sfortunatament illum ma stajtx ingawdi t-tifkira ta’ dan il-jum partikolari kif kelli ppjanat. Kelli nċedi għall-mard, forsi ma tafx kif inkun aħjar fi ftit siegħat.
Kont qed nisma’ il-kummentarju sabiħ ta’ Ġorġ Peresso. Sabiħ tassew għax bħal donnu poeżija imma ħasra li jintilef kompletament il-ħoss reali tal-folla u ż-żaqżieq tal-bsaten fuq dahar ħuti l-Beltin. Minn dari nista’ nisma’ il-banda ftit sekondi qabel il-ħoss tagħha jivjaġġa sat-televiżjoni waqt il-ħruġ tar-redentur.
Illum xtaqt nikteb. Imma ma kontx naf dwar xiex. Għaddew wisq ħsibijiet tul il-jum. Ma stajtx insib tarf! Il-persunaġġi tal-purċissjoni li llum m’għadhomx magħna? Minn Bruno, Cumbo sa Cremona. Ix-xewqa li nara ż-żewġ baned Beltin isebbħu din l-okkażjoni flimkien? L-aħbar li l-Papa Franġisku abolixxa l-infern? Il-karba għall-ispirazzjoni biex forsi nerġa’ nibda nsib l-arti? Il-frustrazzjoni għal persuni li joħolmu li dawn id-drawwiet jitfarrku imma mbagħad tilmahom isegwuhom fit-toroq tal-Belt?
Ftit tal-ġranet ilu xi ħbieb barranin qaluli “jekk f’Malta tkun trid tibqa’ lil hinn mir-reliġjon, jgħamluhielek tassew diffiċli”. Dak il-ħin bħal donni qbilt għax naf li l-preżenza reliġjuża hija evidenti u qawwija f’kull kuntest Malti. Iżda llum għidt bejni u bejn ruħi “kemm tgħamilha aktar diffiċli din is-soċjetà sabiex tinjora kollox u tintilef fil-ħmerijiet u bluha? Kemm huma iktar goffi l-konsumeriżmu, il-ġenn tax-xogħol u t-telfa tal-valuri?”
Kemm hu sbejjaħ il-baħħ ta’ dan il-Jum! Kemm hu sabiħ il-baħħ fuq wiċċ l-għorrief li jitkażaw bit-riti mill-iktar emozzjonali li missirijietna għaddewlna. Kemm huma sbieħ dawk it-tniebri li f’mota mnikkta jixħtu dawl fuq twemmin li rawwem din il-kultura Maltija.
Il-purċissjonijiet ħarġu. Peresso mhux jinstema’. Din is-sena mhux ser niġbor qronfol minfuq id-Duluri. Is-sogħola għadha għaddejja bħar-riklami ta’ każijiet traġiċi qabel il-maratona ta’ Xarabank li jqabbdu dwejjaq bl-idea li jġegħluk iddaħħal idejk fil-but. Terapija: bela’ té, biċċa qagħqa tal-Appostli u nipprova nħażżeż ftit kuluri fil-forma ta’ mara.
Ritratt: Philip Camilleri