Tag: organisation

Ħsibijiet

Din hija ittra ta’ viżjoni li jiena kont bgħatt f’email, nhar it-23 ta’ Frar 2010 lill-membri kollha ta’ ĊAMYouths, ftit siegħat qabel ma ttieħed il-vot għall-leadership committee preżenti.

Għażiż ħabib/a,

Introduzzjoni
Kif taf, ġejt innominat bħala wieħed mill-kandidati bħala wieħed mill-erba’ mexxejja ta’ ĊAMYouths. Huwa ta’ unur għalija li ġejt ikkunsidrat al altezza ta’ dan l-inkarigu u f’dan il-mument meta aħna l-membri qed niġu mitluba ngħamlu għażla, nħoss li għandi naqsam miegħek dawn il-ħsibijiet; mhux biex nirbaħ posti, anzi, biex ngħamel ċari l-ideali tiegħi lejn ĊAMYouths u fejn nixtieq li kull eventwali mexxejja għandhom jiffukaw il-ħidma tagħhom. Nahseb li xieraq ukoll li kulhadd ikun jaf xi ħsibijiet għandi qabel jgħamel l-għazliet tiegħu.

Ma naħsibx li hemm bżonn inkun wieħed mill-mexxejja biex inkun nista nwassal dak li nemmen fih, għax nemmen li l-mexxejja qegħdin hemm biex iwettqu r-rieda tal-membri. Konvint li dan ir-rwol huwa mpenn iebes u mhux passatemp. F’dan il-mument inħoss li xieraq naqsam miegħek, minn qabel, dak li jien nemmen fih.

ĊAMYouths hija għaqda ta’ żgħażagħ fi ħdan is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl. Għaqda li tul l-ewwel 15 -il sena tagħha għarfet tibni lilha nfisha fuq tlett valuri;  komunità, spiritwalità u missjoni. Illum li l-għaqda kibret ġmielha, tajjeb li naraw daqsxejn fejn nixtiequ naslu, nifhmu aħjar u nkebbsu l-ħeġġa lejn it-twemmin li ħallielna Monsinjur De Piro f’isem l-Appostlu Missierna San Pawl kif ukoll inkunu xhiedha ta’ dan kollu.

Imħeġġeġ mill-valuri li ħarġu fl-attività tal-komunitajiet il-kbar, FUSION, nixtieq inwassal it-twemmin tiegħi li f’din l-opportunità kbira li għandna li ngħixu ħajja komunitarja, kull membru għandu “Jisma, Jara u Jxandar”. Kull membru għandu possibiltà jirċievi u possibiltà jgħati.

Fi triqtu lejn Damasku, Sawlu, ir raġel ta’ ras iebsa li ħolom biss f’li jeqred it-twemmin ġdid li ħawwel Kristu, irċieva sejħa. Sejħa kuntradittorja li sabbtitu mal-art, mhux sejħa faċli, imma sejħa li biddlitu hekk kif laqagħha. F’Sawlu ma nbidilx il-karattru imma nbidel l-iskop ta’ ħajtu. M’ilux smajt li f’dak il-mument Sawlu ma baqax il-protagonist ta’ ħajtu imma sar Alla l-protagonist.

L-iskop ta’ ĊAMYouths
Il-kelma skop illum saret tberren f’rasi ta’ spiss. Nemmen f’viżjoni fejn ĊAMYouths ma tibqax sempliċement għaqda taż-żagħżagħ, bħalma hawn ħafna, iżda tkun leħen fis-soċjetà; leħen li jitkellem favur inklużjoni u rispett u leħen li b’kuraġġ, responsabiltà u maturità, jikkundanna l-inġustizzji u diskriminazzjoni. Dan jista’ jsir b’ħafna modi fosthom l-użu tal-medja.

ĊAMYouths għandha tgħamel dan bil-kliem kif ukoll bl-eżempju. Għandna niftħu l-bibien beraħ għad-diskusjjoni dwar suġġetti skomdi/antipatki u ma nibżgħux minn ħsibijiet ġodda, forsi rivoluzzjonarji u li jmorru kontra l-kurrent tal-mument. Suġġetti li nemmen li għadhom jingħataw prijorità huma, fost oħrajn, il-kumdità jew nuqqas tagħha, li jsibu membri f’ĊAMYOUTHS li mhux bilfors iħossuhom qrib tat-twemmin kattoliku jew nisrani; il-kumdità, jew nuqqas tagħha, li jista jħoss persuna omosesswali f’komunitajiet tagħna u fil-familja MSSP; il-faċilitajiet għall-persuni b’diżabilità eċċ.

Viżjoni
Nixtieq li naħdmu lejn viżjoni fejn ĊAMYouths joħlom, iwelled u jrawwem libertà ta’ espressjoni, ideat u nnovazzjoni. Viżjoni fejn jiġu sostnuti inizzjattivi fi ħdan it-tlett prinċipji ta’ ĊAMYouths. Fejn kull membru jiġi mħeġġeġ joħlom u jikkrea billi jingħata ispirazzjoni, widen, direzzjoni u sapport. Viżjoni fejn l-ixjeħ membru u l-iżgħar jingħaqdu sabiex iwettqu s-sejħa Pawlina.

Inħoss li wara l-ħidma sfieqa tal-kumitat preżenti, ĊAMYouths għandu joqrob dejjem aktar lejn is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl sabiex tkompli tikber relazzjoni b’saħħitha. Relazzjoni fejn iż-żewġ naħat jisimgħu lil xulxin, b’fiduċja reċiproka, u jikbru flimkien. Nemmen li ż-żewġ naħat għandhom ħafna x’joffru lil xulxin.

L-iskop ta’ dak li nwettqu
Filwaqt li nkomplu nrawwmu u ndakkru l-kariżma missjunarja tas-Soċjetà Missunarja ta’ San Pawl, jiena nemmen li jkun xieraq jekk f’mumenti, nieqfu u naħsbu dwar l-iskop, mhux biss tal-għaqda, iżda wkoll ta’ dak li jsir fl-għaqda.

Nemmen li tajjeb nieqfu sabiex nixtarru dwar fejn sejrin il-proġetti ta’ missjoni tagħna. Kif dawn qed jitwasslu għand il-membri ta’ ĊAMYouths, kif qed ‘jinbiegħu’ għand nies li m’humiex parti minn  ĊAMYouths. Nistaqsu dwar il-kapaċità, jew in-nuqqas tagħha, li  ĊAMYouths tkompli tifrex u jew iżżid fil-missjonijiet tagħha. Dan jista jsir anki jekk inħarsu lejn it-timeline tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl li ġie preżentat lilna waqt FUSION.

Nissuġġerixxi wkoll reviżjoni ta’ ċertu strutturi u sistemi sabiex dawn dejjem jgħatu leħen lill-membri.

Bilanċ
Għalkemm nemmen bi sħiħ bil-valur tal-komunitajiet u għalkemm nemmen li ĊAMYouths għandha tkun opportunità sabiex aktar persuni jkollhom din il-grazzja tal-għixien f’komunità, dejjem ħassejt li hemm bżonn li jistab bilanċ bejn it-twaqqif ta’ komunitajiet ġodda u t-trawwim u taħriġ ta’ persuni li jistgħu jaqdu bi sħiħ ir-rwol ta’ gwida għal komunità. Dan ir-rwol iġib miegħu responsabbiltà kbira u jitlob dedikazzjoni kontinwa u għerf minn naħa ta’ kull min jidħol għalih. Jitlob ukoll ammont ta’ attenzjoni minn naħa tal-Kumitat tat-Tmexxija.

Relazzjonijiet Esterni
Nixtieq insemmi wkoll l-aspett ta’ relazzjoni ma’ għaqdiet u organiżżazzjonijiet ‘l barra minn ĊAMYouths. Filwaqt li nifrah lill-kumitat attwali għall-bibien li fetħu, speċjalment fuq xenarju ewropew, nixtieq li nimbotta l-idea li s-sabiħ li qed ngħixu f’aspetti varji f’ĊAMYouths, insibu ħin naqsmuh f’diskussjonijiet u laqgħat anki ma għaqdiet lokali oħrajn speċjalment dawk li jħaddnu kariżmi Pawlini.

Fejn jidħol l-isem tal-għaqda, għalkemm nammetti li jiena wieħed minn dawk li qatt ma ħassejt bżonn ta’ bidla, nemmen li tajjeb jekk jitkompla x-xogħol siewi li sar s’issa f’dan il-proċess.

Issa li huwa konfermat il-bini ta’ ċentru ġdid fir-Rabat, ikun tajjeb jekk dan jiġi armat kemm sabiex jaqdi lil komunitajiet f’ĊAMYouths kif ukoll possibilment sabiex irendi bħala dħul finanzjarju minn kiri ta’ faċilitajiet.

Spiritwalità
Nemmen li wasal iż-żmien fejn ĊAMYouths terġa tgħafas fuq l-aspett spiritwali tal-ħajja komunitarja. L-ispiritwalità tirrikkjedi ħsieb u profondità fuq livell personali iżda ġġib magħha ċ-ċans li nesperjenzaw il-fiduċja fil-komunità u l-fiduċja fil-Mulej. Sabiħ li flimkien noħolqu ċ-ċans li niskopru dawn it-tlett livelli ta’ spiritwalità.

Responsabbiltà
Nixtieq li min jieħu dan l-inkarigu u nkarigi oħra f’ĊAMYouths jidħol għalihom b’maturità u b’entużjażmu. Tajjeb jekk anki persuni f’dawn ir-rwoli jgħarfu meta jonqos l-entużjażmu u jekk ikun hemm bżonn jgħarfu jgħamlu pass lura. Nixtieq sa fl-aħħar li, ikun min ikun fil-pożizzjoni tant iebsa ta’ mexxej ta’ ĊAMYouths ikun bniedem li apparti li jħaddan il-valuri li għaddielna San Pawl permezz ta’ Monsinjur Ġuzeppi de Piro, jispira lil ħaddieħor sabiex jiskopri s-sbuħija ta’ dawn l-istess valuri.