Tag: printing

Zvezdan

Ilbieraħt lura sakemm kont qed intemm l-aħħar tentufiet xogħol qabel tlaqt mill-uffiċċju intfajt nisma l-aktar silta riċenti ta’ Morgan. Ftit wara, segwiet Dormono sulla collina – silta li snin ilu kont għażilt li ma nismax wisq sabiex nevita t-tentazzjoni ta’ ħsibijiet dwar il-mewt. Din id-darba imma spiċċajt inkanta r-ritornell u ngħafas il-buttuna tal-volum tal-imac sabiex nismagħha iktar qawwija. Ilbieraħ, xil-17:30, waqt li kont passiġġier fil-karozza mal-mara sabiex immorru nżuru lil ommi f’San Vinċenz, jasal il-messaġġ mingħand Claudia: “Heard about Zvezdan :(‘”

Lil Zvevdan sibtu ma’ wiċċi ta’ sbatax-il sena, lura fl-1998, meta bħala parti mill-istudji fiċ-Ċentru tal-Arti u d-Disinn Emvin Cremona tal-Belt Valletta, kont bdejt apprentistat, grazzi għas-Sur Joe Pace fl-uffiċini ta’ Scancraft. Hemmhekk ħadt il-formazzjoni teknika tiegħi u għalkemm kont “iż-żgħir”, sibt rispett mingħand kulħadd; Mark Theuma, Simon Spiteri, Philip Stephenson, Mark Mercieca, Sandro Bruno, Carmen u anki Zvezdan.

Hekk kif sirt naf lil Zvez. Lura fi tmiem id-90ijiet.

L-istudios ta’ Scancraft fi Triq G. Abos l-Iklin, kienu f’terran fond, b’quddiem jinfed ma’ wara u mqassam f’kompartimenti żgħar jew kbar tal-aluminju u ħġieġ. L-intrata, l-uffiċju tal-maniġer, l-istudio, l-iscanning, il-matchprint, l-exposing u fuq wara nett, il-kamra l-baxxa mhux wisq bogħod mill-printer, jekk mhux tnejn. Ma’ dawn tal-aħħar kont issib lil dan ir-raġel twil, strutturat, b’wiċċ mingħajr espressjoni li iktar jġiblek sudizzjoni hekk kif ilissen kelma bil-vuċi baritona tiegħu.

Ma’ Zvezdan bħala kollega qattajt tlett snin sbieħ. Għalkemm kien ta’ ftit kliem, kien jgħoxa jinkini u jgħallimni. Niftakru jirrakkuntalna l-miġja tiegħu f’Malta mis-Serbja, kif tilef parti minn subgħajh u l-imħabba mmensa lejn martu Jasmina u uliedu. Minħabba li jien kont ilni biss ftit aktar minn sena li temmejt l-istudji tiegħi tas-sekondarja, kien jitlobni parir fejn l-aħjar jibgħat lill-ibnu li fi ftit xhur kien ser jibda s-sekondarja. F’ħin il-kafé kien ifakkarni biex nitfa ammont ta’ kafé u nofs tazza misħun billi b’dak l-aċċent serb jgħidli “Pawlu… i drink tarmac not coffee”. Waqt il-lant tax-xogħol, kellu ħabta jitlaq il-postazzjoni tiegħu u jiġi nkiss nkiss sa ħdejna u f’daqqa waħda jfaqqa l-famuża “aaaaajma ħej!”… bħal qisha sirena tat-tarzna ħafna drabi din kienet tindikalna l-preżenza ta’ mara sbejħa fl-uffiċċju tal-maniġer. Frażi li kien bgħatli rrekordjata u li issa ser tibqa’ tfakkarni f’dak il-leħen uniku. L’hena tagħna kienet l-inkejja u ħalli għalina sabiex niskambjaw tgħajjir bil-Malti u bis-Serb li għallimna lil xulxin!

Kultant konna nintefgħu bilqegħda u nitkellmu dwar il-proġetti li konna involuti fihom jew konna qed noħolmu. Hu kien jaqsam miegħi tagħrif dwar l-istampar sabiex dak li nagħmel ikun kif titlob is-sengħa. Niftakar li darba rċevejna riżmiet ta’ karti maqtugħin ħażin li għaldaqstant ma kienux tajbin għall-istampar. Zvezdan sejjaħli u wara li spjegali x’kien l-iżball, saqsieni għandix bżonn dawk il-karti biex inħażżeż jew nipprattika fuqhom. L-għada għabbihom fuq il-FIAT ċkejkna li kellu u wassalni sad-dar.

Zvezdan kien studja d-disinn u jidhirli anki t-tipografija fis-Serbja u għaldaqstant kien imgħallem tajjeb iżda fuq kollox kien iżommni nħeġġeġ lejn is-sengħa li kont bdejt nistudja – dik ta’ diżinjatur grafiku. Konna nitkellmu dwar l-ewwel proġett tiegħu “maltamag”, li permezz tiegħu xtaq jintegra ruħu iktar fil-komunità. B’dak il-għan f’rasu, intefa’ jistudja u jipprattika l-Macromedia Dreamweaver u spiss konna inpartu xi indikazzjonijiet. Maltamag kellu jkun l-ewwel magazin onlajn dwar dak li jiġri f’Malta. Lili kien jitlobni mmexxi l-kelma dwar maltamag, sabiex nattiraw kontenut u reklami. Niftakarni nitkellem ma’ sħabi fiċ-Ċentru taż-żgħażagħ ĊAMYouths, sabiex nużaw maltamag bħala pjattaforma ta’ reklamar għad-diversi attivitajiet ta’ fund raising għall-karità li konna nwettqu dak iż-żmien. Saħansitra tfajna riklam ta’ maltamag fuq il-fuljett stampat li kellna dak iż-żminijiet. Zvez kien japprezza ħafna, tant li saħansitra iddisinjali karta ta’ identità sabiex inkun mibgħut speċjali ta’ maltamag f’avvenimenti varji.

Wieħed mill-html files li Zvez kien jgħaddili b’xi istruzzjoni dwar il-Macromedia Dreamweaver. Inkejja nkluża.

Fl-2001, kontra qalbi, ma bqajtx naħdem Scancraft minħabba li d-diretturi xtaqu jnaqqsu l-ispejjeż. Għalkemm ma bqajniex kollegi, ir-rispett bejnietna baqa’. Fil-11 ta’ Mejju 2008, kont mistieden flimkien mal-eks maħbuba Claudia, għal ikla fid-dar tiegħu. Niftakar li kienu laqawna bl-aqwa ikel u xorb u dawruna mad-dar, saħansitra fil-workshop mill-isbaħ ta’ Jasmina li bħal ommi kienet ħajjata.

Fl-2011 l-affarijiet kienu nbidlu ħafna għalih. Tkellimna dwar modi kif nistgħu nidentifikaw aktar riżorsi ta’ fiżjoterapija għal Jasmina u fid-29 ta’ Diċembru tal-istess sena bgħatli messaġġ twil li fih qasam il-frustrazzjoni tiegħu għal mod kif is-servizz li martu kienet qed tingħata ġewwa Mater Dei ma kienx sodisfaċenti. Spjegali wkoll l-inizjattivi li kien qed jieħu huwa stess – dettalji wisq personali biex jinqasmu hawn iżda li żiedu l-ammirazzjoni tiegħi lejn dan ir-raġel ta’ ftit kliem iżda ħafna qalb. F’Jannar tkellimna wkoll dwar il-kura li martu kienet qed tingħata f’San Vinċenz, fejn Zvez bħal qisu sab xi ftit serħan il-moħħ.

F’Ottubru ta’ sena wara, stedinni bħal ħafna oħrajn għall-proġett tant għal qalbu: “the long planned project – book of photography portraits of Jasmina’s and our friends.”

Fis-26 ta’ Diċembru kien esprima x-xewqa li martu tirkupra, semmieli kemm kien jieħu pjaċir meta jilmaha titbissem u wara ħarbixli dal kelmtejn qawwija. Kien l-istess żmien fejn jien bdejt ninnota li ommi wkoll kienet qed turi sintomi partikolari li ma bdewx jgħoġbuni.

“My Pawlu, life can turn upside down in a second. I just truly believe that there is more to life and us thank what doctors and conventional medicine knows. I started praying to saints – was never religious, not even now, but I believe that through prayer- positive and good images and thinking we manage to channel this energy we all consist of to the right place and for my efforts, sometimes I feel I could do much more for her, that I don’t do enough… but I have to make money for living, but there is always that void when I miss her like crazy and are not near her. Doctor’s know very little about brain, I read lot of books and articles last two years.”

Fit-13 ta’ Frar 2013, tkellimna dwar il-fatt li Peter Andre kien inħatar ambaxxatur kulturali għall-Belt Valletta u ddiskutejna l-clip tal-BBC li fiha ibnu Teodor kien intervistat minn BBC bħala Cultural Editor tal-MaltaToday. Aktar il-quddiem fl-istess sena konna ddiskutejna l-publikazzjoni ta’ ktieb ta’ poeżiji tiegħi. Kien lest jgħin fid-distribuzzjoni u ħajjartu nibdew “Street Market Bookshop” – idea li laqtitu. Kien esprima interess ukoll fil-proġett tiegħi ta’ bloggati kritiċi dwar l-arti u disinn f’Malta, redwhitemt.

Dejjem qist lil Zvezdan bħal imgħallem fl-istampar u għaldaqstant fl-2015 kont tlabtu parir dwar liema karta kelli nuża għall-istampar tal-antoloġija diġitali Her Majesty, u niftakar li kien ġie bi ħġaru jżurha. Kien saħansitra proponieli li nippubblikawhom fi ktieb minn tiegħu iżda sfortunatament dan qatt ma seħħ. Fl-istess sena kkummisjonajnieh jiddiżinja kalendarju imdaqqas għall-uffiċċju tal-Fondazzjoni Valletta 2018 sabiex fuqu nfasslu l-programmazzjoni tal-2016 u nibdew dik tal-2018. Għalkemm imsallab bix-xogħol, qdiena b’imħabba u bgħat jistaqsini hux kollox sew ftit jiem wara li dan ġie imżanżan. Aktar ‘l quddiem fil-proġett Beltin ta’ Spazju Kreattiv ikkurat minn Raphael Vella u Sabrina Calleja Jackson, kien talabni biex nidentifikaw aktar Beltin sabiex jipparteċipaw. Kien pjaċir u unur doppju għalija li għentu jwettaq din il-ħolma u li erġajt ġejt iffotografat minnu.

Fid-19 ta’ Ġunju 2015 Zvev ġie jżur l-esibizzjoni Her Majesty
Jurgen Briffa u jien… fil-proġett “Beltin”.

Minn dak iż-żmien il-kuntatt naqas ġmielu – forsi minħabba li jien inqtajt miċ-ċrieki tal-arti u l-kultura. Lanqas biss kont naf li Kixott kien proġett tiegħu jew li Kixott kien ħanut tal-kotba! Lil Zvez ilmaħtu l-aħħar meta xtrajt il-kwadru mis-serje “Beltin” u aktar riċenti waqt il-Fiera tal-Ktieb fejn jidhirli qsamna kelmtejn ta’ malajr għax kont xogħol fuq stand oħra dakinhar.

Wara l-aħbar tal-bieraħ, erġajt smajt is-silta ta’ De André kantata minn Morgan u xtaqt inżid kelmtejn magħha, biex niċċelebraw il-ħajja aktar milli nibżgħu mill-mewt. Bħal Z. Dawn għalik ħabib:

Dov’è Zvev il disegnatore
che fotografava persone con tanto amore
che con la vita avrebbe ancora parlato.

Lui che offrì il talento
la gola al vino e sempre un pensiero
non al denaro, si all’amore e anche al cielo.

Lui sembra di sentirlo
cianciare ancora delle battute
creando libri a tarde ore scorrute

sembra di sentirlo ancora
dire al mercante di caffettiere
“Tu che li vendi cosa ti bevi di migliore?”

Is-sliem għalik Zvev. Grazzi ta’ dak li tajtni, li lanqas jien ma naf inkejjel eżatt.