Tag: Uncategorized

Omm l’injoranza dejjem tqila

Niskanta kif għad hawn min jistaqsi “jaqaw fil-Libja qed jiġri xi ħaġa?”. Kultant tgħejjini l-injoranza tal-Maltin.

Il-kelma njoranza nħobb nifhimha mhux kif dejjem għallmuni imma kif iħobb jispjegaha tajjeb Marco Castoldi, meta jgħid li l-injoranza hija effett ta’ xi ħadd li jinjora.

Kif tista’ tinjora dak li qed jiġri ftit kilometri bogħod minn pajjiżek u taljena bil-eurovision? Kif tista’ tħossok parti mid-dinja jekk lanqas taf li pajjiżek qiegħed jieħu parti fi Storja ta’ pajjiż ieħor?
Is-Sibt li għadda kelli x-xorti nattendi Xbihat ta’ xi wħud li huma Kattolici. Rakkont imżewwaq dwar Maltin li lura fis-sittinijiet iġġieldu u tlewmu għad-drittijiet tagħhom. Poplu li għal darba, tnejn qam kontra dawk li kienu jrejjquh liġijiet u twemmin marid. Sibt interess fl-analoġija bejn il-poplu Malti u dak Nord Afrikan li għalkemm f’perjodi differenti, stenbħu sabiex ifittxu l-libertà.
Ironikament iżda ninnota kif il-poplu Malti llum kważi kważi jgħix f’estrem ieħor fejn kollox huwa ovvju, fejn li tqum għad-drittijiet tiegħek lanqas jgħaddi mill-moħħ, fejn ir-rivoluzzjoni hija meqjusa bħala attakk, fejn id-demokrazija hija nterpretata f’dittatorjat sottili, armat b’karti, firem, formuli, multi u avukati.

Ħasra mbagħad kif persunaġġi magħrufa jeħduha kontra min joħroġ jipprotesta fil-pubbliku b’mod pacifist u jakkużawh li jrid “jidher”. Dan meta huma stess jipprotestaw bħalu. Ngħid jien; fejn hi l-libertà? Min hu d-dittatur tas-socjetà tagħna llum? Min hu li qed jinjora?

Minn qalbi nawgura lil ħutna Nord Afrikani li filwaqt li jfittxu l-libertà għalihom u għal pajjiżhom, ma jgħamlux l-istess żbalji tagħna li rrassenjajna ruħna għall-opinjoni ta’ min fdajna u dik tat-televiżjoni u ninsew li anki aħna għandna waħda!

Beningi u belti

Tinżel bħal għasel, mixja tul it-toroq ta’ beltna l-kapitali f’dawn is-siegħat tal-ġurnata. Anki jekk tiġi bla mistenni. Ix-xewqa tgħelibni u iktar milli riġlejja, qalbi timbuttani ngħamel pass, ieħor u ieħor. Nintilef inħares ‘l fuq u ninnota li għalkemm terraqt għal ħamsa u għoxrin sena f’dawn it-toroq, kont aljenat biżżejjed li nitlef numru vast ta’ dettalji; ammont kbir ta’ rikkezzi, prodott missierijietna.

U nerġa nserraħ fuq il-magħqad li jdur bħal żugraga quddiem il-kompjuter, inkompli fejn ħallejt bl-intervent ta’ Beningi f’Sanremo u nħossni nifhmu. Inħoss l-istess dmugħ li jrid joħroġ minn għajnejja meta nitkellem fuq belti – u mumenti oħra – anki fuq pajjiżi.

U nġib quddiem għajnejja ‘l missierijieti li ħolmu li jiena ngħix f’dil-belt, kuntent, magħġun ħaġa waħda mal-kultura, mal-ħajja f’komunità, mad-disinn, il-forom, l-arti, il-ħsejjes mużikali tar-riħ li jiġri tul toroq twal u jikser kantunieri dojoq, il-forom ta’ dellijiet ġiganteski projetà ta’ dettalji ckejkna. Missirijieti li fil-kaos ta’ monti maħnuq ta’ filgħodu, lagħbu logħba mas-skiet ta’ Triq Merkanti ta’ filgħaxija iżda llum biegħu x-xogħol ta’ missirijiethom biex jgħamlu spazju għall-pjan tal-mexxejja.

F’moħħi nerġa nħares ‘l fuq u ninnota t-tabelli tal-aġenziji tal-propjetà, li llum ħakmu lil belti bħalma qatt ma ħakmuha t-Torok li xtaquha. Nittawwal lejn dik il-gallarija fi Triq Merkanti, kantuniera ma’ Triq Lucia u nimmaġina lil ta’ qabli kburin biha u llum imbikkma għax uliehom bħall-abbati, jitolbu l-ħniena jew għax uliedhom alabiebhom minn missierijiethom u warrbu l-memorji tagħhom ġewwa Hastings.

Iva? Le? Forsi? Imma xi jfisser?

Jidher li aktar ma jgħaddi, aktar qed noqorbu għal mitiku referendum.

“Referendum”, kelma li tqabbadni t-tkexkix wara l-fares li saru lura fl-istorja ricenti ta’ pajjiżna. Kelma li anki wara dawk il-fares kollha, ħadd minn dawk responsabbli ma ndenja ruħu jesplora fid-dettall – u wisq nibża li pajjiżna jinsab bil-preparamenti għal karru trijonfali ieħor.

Nammetti li nibża ħafna mill-mod suġġettiv kif il-politici jgħażlu li jinterpretaw il-process ta’ referendum skond il-bżonn. Diġà nkwetanti l-mod kif tiġi fformulata l-mistoqsija, aħseb u ara l-interpretazzjoni tar-riżultat!

Dejjem qabbilt referendum mas-sitwazzjoni ta’ missier li jidħol mat-tlett uliedu f’ħanut tal-ħelu, jaħtaf kejk tac-cikkulata u jdur fuqhom sabiex “jikkonsulta” jriduhx jew le. Qatt ma rnexxieli nsib sitwazzjoni li setgħet tgħini nara riżultat b’mod aktar oġġettiv: ngħid għalija jekk wieħed mit-tfal jaccetta dak il-kejk, ieħor jgħid le, u l-ieħor jinjora, il-kejk ma għandux jinxtara għax nemmen li min jinjora għandu sensazzjonijiet aktar negattivi milli pożittivi lejn l-oġġett; jekk le, jaccetta.

Ejja nimmaġinaw popolazzjoni ta’ 100 membru li trid tiddeciedi dwar id-divorzju: Mela ejja ngħidu aħna li minn 100 ruħ eliġibbli, 91 jieħdu l-kedda li jqumu u jmorru jivvutaw u d-9 l-oħra jiġu kemmxejn alabiebhom. Minn dawk il-91, 48 jgħidu li jridu d-divorzju u 42 jgħidu li ma jridux. Wieħed jibqa’ ndeciż u minflok iħarbex “good luck Glenn!!”.

Inħoss li tkun sitwazzjoni tassew redikola li b’marġinu daqstant zġħir ta’ distakk, tinqatà linja f’deciżjoni hekk importanti. Dan bħalma ġara fir-referendum precedenti. Huma mumenti hekk fejn inħoss li d-demokrazija ssir bażwija, redikola u dittatorjali. Huma mumenti hekk fejn ma nifhimx għalfejn ir-raġuni u s-sens komun ma jirbħux fuq l-ostinazzjoni għar-“rebħa” tal-argument.

Naraha għażla iktar matura jekk d-deciżjoni tittieħed jekk ikun hemm marġini ta’ 30% u allura jkun hemm certu sens ta’ qbil li qed issir l-aħjar għażla mingħajr riskju li nofs il-membri jispiccaw dimotivati.

Issa li qed jingħad li l-Prim Ministru ssuġġerixxa li ssir mistoqsija, skond hu, diretta, (“people should be asked a straightforward question of whether or not they agreed on the introduction of divorce.”) jien għandi iktar flieles f’rasi:

  1. Jekk poplu jgħid li jaqbel li jidħol id-divorzju, dak ifisser li tak id-dritt taqbad u ddaħlu jew għandu jibda process ġdid biex issir l-aħjar introduzzjoni?
     
  2. Il-persentaġġi tal-marġini għandhom jiġu identifikati minn qabel? Jew jekk ikun hemm 1% fuq naħa jew oħra, dan ikun deciżiv f’ġiegħ id-demokrazija?

U allura ngħid jien għax ma ssirx mistoqsija bħall-“Inti trid li l-Gvern Malti jibda process minnufih sabiex tigi ntrodotta l-ligi favur id-divorzju fil-liġi ta’ Malta?”

Saqsejtni “Are you sure it’s a good thing that Malta’s Catholic!?”

M’inix xi kattoliku ferventi. Minn naħa l-oħra, bħal xi nies li nafu, naf napprezza kulturi, reliġjonijiet u tradizzjonijiet differenti minn tiegħi.

Nemmen li l-Knisja Kattolika, Kristu ffurmaha fuq bażi ta’ principji ta’ mħabba reciproka u fl-ebda mument ma’ rrakkomanda poteri. Biss, hekk kif il-bniedem wiret it-tmexxija f’idu, beda jifforma regoli u strutturi li sa fl-aħħar raw lil Knisja titrasforma ruħha f’qawwa politika aktar milli spiritwali.

Ma nħobbx nara l-Knisja b’dak il-mod. Għalija l-Knisja hija jien u int li nħaddnu l-istess valuri ta’ Kristu u nemmnu li kull bniedem jistħoqqlu dinjità, imħabba u libertà.

Allura ngħid li le, ma jiddispjacini xejn li Pawlu trakka f’din il-Gżira. Pawlu kellu esperjenza qrib ħafna lejn l-esperjenza ta’ Kristu (għexu fl-istess żminijiet), tħadded u tlewwem kemm -il darba dwar il-valuri, mal-Appostli, il-mexxejja bikrija tal-komunità nisranija. Kien bniedem li ħadd u xejn ma kien iwaqqfu jew ibeżżgħu, iżda l-laqgħa li kellu ma Kristu biddlitu. Issa ma nafx kienetx f’forma ta’ dawl, waqgħa minn fuq żiemel, iżda żgur li dan ir-raġel inbiedel!

Inbidel tant li kien lest li jmur quddiem l-imperatur biex jieħu sodisfazzjon. Inbidel tant li vjaġġa minn post għall-ieħor biex jifforma komunitajiet oħra nsara…

Kelli x-xorti ngħix f’komunità, ngħix esperjenzi ta’ volontarjat/missjoni u nista ngħid li hemm sibt ħafna sentimenti ta’ valur profond! U allura ngħid jien, għalfejn għandi ma nifraħx li Pawlu ġie f’pajjiżi? U jekk ma ġiex f’pajjiżi, għalfejn m’għandix niccelebra li l-messaġġ li ried iwassal dar-raġel lid-dinja kollha ta’ żmienu, wasal f’pajjiżi, wasal lili wkoll?

Ma rridx inħares lejn il-Knisja bħala dik tradizzjonali biss, jew dik li żbaljat biss. Irrid nara lill-Knisja bħala dik is-soru liebsa l-abjad u celest li ferrhet tant tfal imkissra mentalment, dak il-ġuvni li telaq il-karriera tiegħu sabiex ifittex xi ħaġa iktar profonda ġewwa fih! – il-messaġġ ta’ Kristu le?