‘Konverżjoni’
Intriganti din il-kelma. Speċjalment għal Pawlin, illum fil-25 ta’ Jannar. Skond id-dizzjunarju ta’ Aquilina, din il-kelma tirreferi wkoll għal bidla, eżempju, ta’ flus jew direzzjoni fiżika.
Sforz ir-reliġjon u l-kultura artistika li kbirna fiha, ix-xena tal-konverżjoni ta’ Sawlu dejjem rajniha bħala mument kważi kważi eleganti jew l’iktar l’iktar drammatiku. Biss, ftit minuti ilu wara li qrajt l-istatus ta’ Facebook ta’ sieħbi Stephen Baldacchino li ftit jiem ilu kien involut f’inċident tat-traffiku ikrah ħafna, ħsibt ftit dwar xi jkun mument li tassew jibdillek ħajtek ta’ taħt fuq.
L-ewwel ħsieb imur fuq dawk il-kompożizzjonijiet artistiċi li ninduna kemm huma wisq ‘l bogħod minn realtà. Anki riċerka sempliċi fuq Google, ressqitli riżultati li ġabuli tbissima, iżda fl-istess ħin aktar spunti ta’ riflessjoni… Hawn huwa eżempju:
Żgur li waqgħa minn fuq żiemel mhix daqshekk komposta kif irrakkuntaha Caravaggio. Nixtieq nimmaġina lis-suldat Ruman Sawlu jittajjar minn fuq żiemel (jew żieme ?) sfrattat u jinstabat għal wiċċu mal-art bla ebda grazzja. Minjaf forsi kiser kisra idu, tilef xi sinna jew spiċċa b’xi daqqa f’għonqu jew dahru li baqa’ jħossha fix-xhur ta’ wara. Naħseb xenarju iktar realistiku żgur. Xenarju ta’ iktar ‘impatt’ fil-veru sens tal-kelma. U appuntu hemm fejn inqabbel l-inċident ta’ Stephen ma’ episodju goff u li jaħsad.
Stephen kiteb:
“Il-Mulej jinqeda b’ħafna okkażjonijiet u ċirkustanzi biex jerġa’ jgħaqqadna miegħu. Uħud minnhom anka kemm xejn skomdi u forsi wkoll xi ftit diffiċli. Ħassra li mhux dejjem nindunaw li Hu jkun daqstant viċin tagħna! …meta nindunaw, m’hemm xejn isbaħ li niftħulu l-bibien ta’ qalbna u nħalluh jimlina bl-ispirtu divin tiegħu…”
Issa lil hinn mill-kuntest reliġjuż, li bħalissa mhux li huwa tant preżenti f’ħajti minħabba l-wisq firdiet li jġib miegħu, inħoss illi konverżjoni hija, appuntu, dik li tiftaħlek għajnejk biex tibda tifhem dak li kont għadek ma fhimtx għalkemm kollox kien ċar u tond quddiemek. Konverżjoni hija meta tiddeċiedi li għalkemm pruvajt kollox, iċċedi, tgħannaq emozzjoni diffiċli u b’imħabba tlebbet lejn triq ġdida. Konverżjoni ġġib magħha ħafna feriti, uħud gravi, uħud ma jfiqux… fiżiċi, mentali jew emozzjonali… imma ġġib ukoll nifs ta’ ħajja ġdida. F’mumenti ġġib sodisfazzjon u paċi. Ġġib opportunità ġdida…
Dal jum f’hekk qed niftakar u naħseb. Il-bżonn li ngħixu l-waqgħa b’mod komplut, kważi kważi daqs li kieku hija rigal. Imma forsi jien iblah… ma nafx. Forsi nifhem aħjar fis-siegħat u ġranet li ġejjin. Intom x’taħsbu?