Id-dementia hija kundizzjoni li tnawwar. Nistħajjilha moffa. Kundizzjoni li tbikkem lill-vittma waqt li din tagħraf it-telfien ta’ kull fakultà iseħħ bla ma tista’ tintervjeni. Id-dementia hija kundizzjoni li tħoll il-bniedem minn kull ħsieb u tifdi lir-ruħ fuq din l-art. Tkisser kull forma ta’ prużunzjoni u tfakkar li din il-ħajja m’hija xejn ħlief stadju.
Id-dementia ittambar turment kontinwu fil-qalb u fir-ruħ ta’ min jgħixha minn distanza. Bħal gas li joħnoq in-nifs, jew par idejn marsusa ma’ għonqok li jeħdulek kull tama. Id-dementia teħodlok kollox, bil-mod il-mod; u għalkemm b’pass kwiet, tqaċċatlek kull xifer ta’ sens minn din il-ħajja.
Id-dementia teħodlok u titliflek lil min b’saħħtu kollha xtaq ikun hemm għall-vittma imma jħoss qalbu mfarrka u vojt kbir jiċċirkondah. Teħodlok ħafna mill-iskop li titkellem ma’ nies li ma jistgħux jifhmu u jibqgħu jippretendu li kollox għadu kif dejjem kien. Teħodlok lil min bil-kliem biss isibha faċli l-kelma “inħobbok”. Teħodlok l-enerġija, il-motivazzjoni li tgħarrex waħda friska, l-orjentament, l-iskop. Toħloqlok baħħ.Id-dementia bħal riefnu fuq xtajta; tkaxkar kulma ssib frivolu, giddieb jew mibni fuq ir-ramel.
–
Id-dementia ħaditli wisq u żżejjed imma nessietni il-knis tal-ħajja. Id-dementia fakkritni li quddiemi hemm l-isbaħ ħolqien; dik li tatni l-ħajja. Id-dementia offrietli ftit nies li bħali għexuha u fil-fraġilità estrema li jinsabu fiha, jitkellmu u joffru sapport. Id-dementia urietni li tbissima tfisser eternità. Li ġismi wkoll xi darba għad irid jitniżżel minn fuq sodda minn żewġt irġiel li ma nafx u jintefa’ b’galbu f’kaxxa. Id-dementia reġgħet fakkritni li jifdal biss ħaġa waħda… fi kliemek ħabib: “Ħobb-ha”. L-imħabba biss tibqa’.
–
Ħsieb b’dedika u rispett lejn in-nies li nħobb, oħrajn li sirt naf fl-aħħar xhur, raġel umli li sirt naf dan l-aħħar u ommu li ġiet nieqsa llejla. R.I.P.