Hawn min ser jivvota lil Partit Nazzjonalista għax fis-snin li għaddew il-Partit rebbħu borża ta’ studju, irranġalu għal spazju ta’ parkeġġ quddiem id-dar, għax xi ħabib ta’ Ministru rranġalu biex isib xogħol jew għax jaħdem ma’ struttura tradizzjonalment fidila lejn il-Partit. Iva hawn hu mifni bl-aljenazzjoni tant li lanqas jirrealiżża li x-xogħol jew l-istudju huwa dritt fundamentali u mhux pjaċir li xi ħadd jgħoġbu jirregalalek. Rekord!
Iva, hawn min jivvota lil Partit u mhux ieħor, għax sieħbu kandidat magħhom jew għax ma jiftakarx meta kien l-aħħar darba li ħa buzz daqs l-aħħar meeting li attenda. Hawn Laburisti u Nazzjonalisti li lanqas biss jafu għalfejn ser jivvutaw kif ser jivvutaw.
Xi ħadd talabni “nammetti” li jien Laburist għax nikkritika lill-Partit Nazzjonalista. Oħrajn, kemmxejn mifxula, jitolbu lil nies liberi, sabiex jiddeċiedu ma min “iżommu” għax innotaw li dawn jikkritikaw liż-żewġ imperi. Jeżistu Maltin tassew aljenati!
Bħal meta tiekol tlett platti mburġati minn xi lokal fl-Imġarr u tibda tistħajjel li minn xi toqba jew oħra ta’ ġismek, xi ħaġa ser toħroġ f’ħin jew ieħor; l-istess Malta. Mifluġha b’aljenazzjoni li tħallik tittama fil-jum meta l-pajjiż, b’mod naturali, jkollu jpoġġi fuq loki biex inaddaf imsarnu. Dan dejjem jekk ma jilħaqx jirreġetta kollox fuq ħwejjġu, fi triqtu lejn il-loki.
L-aljenazzjoni rawwmitna f’verità mfassla apposta għalina. Verità mfassla sabiex tfassal lilna f’pellegrini fidili u konformi tal-istabbiliment. F’appostli għomja, jew kif jgħid Marju Vella, imtarrxa, ta’ verità kosmetika li tipprogrammana skond pjan ‘għoli’. F’nies li nippretendu li persuna trid bilfors tkun Laburista jew Nazzjonalista daqs kemm hi maskili jew femminili. Fejn jekk int Nazzjonalist temmen dak kollu li joħroġ minn fomm il-predikaturi blu u viċi versa, mingħajr ma tirrikorri għal fakultà intellettwali tiegħek. Fi kliem patri Mark Montebello:
“Ordni stabbilit ta’ madwarna; ordni li ħafna drabi jippreżenta ruħu bħala ‘normali’ jew ‘aċċettabbli’. Meta wieħed jgħarrex ftit aktar fil-fond, però, jintebaħ li hu ordni li jimponi ċerti regoli ta’ ħsieb u aġir. Dawn ir-regoli mhux dejjem jirrispettaw għal kollox il-persuni jew aħjar l-individwalità partikulari tagħhom.”
U hawn fejn jidħol ħelu ħelu kumment li darba rċevejt mingħand uffiċċjal tal-Gvern li kien qalli (mhux nikkwota eżattament minħabba li mhux insib il-korrispondenza): “Ma tistax tippretendi li ssib xogħol mal-Gvern jekk tikkritika lill-Gvern pubblikament!”. Grazzi għal dak il-kumment iddeċidejt li b’libertà responsabbli, nitkellem favur dak li nqis tajjeb u nikkritika dak li nixtieq nara jitjieb. Li nixxennaq u nokrob għall-mewt kiefra tal-mentalità dualista li ħakkmet lill-pajjiżi. Li nkompli nirsisti favur strutturi li, minflok jitwerwru, jilħqu l-orgażmu meta jsibu kritika. Il-kritika; l-uniku mezz ta’ żvilupp kemm -il darba jkun hemm widnejn tajbin sabiex jisimgħu, jixtarru u jinterpretaw.
Għal kuntrarju tal-Prim Ministru, qrajt il-programm elettorali tal-PL u anki taż-żewġ Partiti l-oħra. Nistqarr li għandi ammirazzjoni kbira għad-dettall maħsub li hemm fil-programm tal-PL speċjalment fuq l-aspetti dwar l-Arti u l-Kultura. Hemm bżonn kbir għal din il-bidla fl-oqsma msemmija. Huma oqsma li appuntu għandhom jkunu fundamentali għal trawwim artistiku li jgħinna nwelldu mistoqsijiet li jgħinuna nikbru kulturalment.
Fuq dan l-ispunt, nistqarr id-diżappunt tiegħi dwar l-artisti Maltin, speċjalment dawk stabbiliti, li ftit jew xejn jissugraw iċappsu wiċċhom mal-politika. Dan meta l-politika hija l-bażi tal-ħajja tal-bniedem. Ma niflaħx nisma u nara pseudo artisti Maltin li jibqgħu jinjoraw il-ħajja politika ta’ pajjiżhom, pseudo artisti li jevitaw li jikkummentaw fuq livell politiku li ma jmurx ‘jiċċapsu’ jew jitilfu xi preferenza għal xi fondi finanzjarji imma jgħoxew jippuppaw sidirhom f’xi ftuħ ta’ esibizzjoni jew f’xi kitba frivola. Huma tassew ftit dawk li ħarġu għonqhom f’kuntest politiku u lil dawn, insellmilhom b’ammirazzjoni. Fuq vena simili, ta’ min insemmi anki l-kumment li ħalla Mario Vella fuq Facebook ftit tal-jiem ilu u nsostni l-punt tiegħu minn hawn:
Il-kodardja politika tax-xena artistika lokali: Attakk personali sfrenat ta DCG fuq KZT….u bhas-soltu kulhadd sieket. Ghax jekk tparla jittimbrawk. Ghax jekk tparla taqa’ ghal livell baxx tal-antagonist tieghek. Id-dekor personali taghkom ma jiswiex centenzmu. Mank kollega pittur sabiex jirribatiha? Mank esponent tal-muziak klassika (li ghalija KZT indubbjament jirsisti hafna) ma jiftah halqu pubblikament fuq vilifikazzjonijiet simili?
Hemm bżonn li l-artist Malti iqum isemma opinjoni, bajda jew sewda, taqta’ kemm taqta’… inutli l-passività f’ambjent fejn is-soċjetà għandha bżonn ħsibijiet li jeċitawha u jqanqluha fil-profond. Mhux li kien nintebħu, illum qabel għada bil-bżonn li nwaqqgħu l-ħitan li jżommuna milli nkunu aħna. Ejjew nibnu kultura ġdida ta’ parteċipazzjoni soċjali u mhux individwaliżmu li jifred. Ejjew nindunaw li aħna li ngħixu fl-arti u bl-arti rridu nkunu fuq quddiem li nitkellmu dwar dak li hu. Hu kif inħossu li hu. Ma jistħoqilniex nilbsu l-kpiepel tal-arti jekk ngħażlu l-irdoss tal-aljenazzjoni aħna wkoll. Hemm bżonn rekord ġdid.