Tag: kenneth zammit tabona

Viva Malta

Kif rajna dan l-aħħar f’għadd ta’ gazzetti, il-Prim Ministru Joseph Muscat wasal jikkunsidra li juża kull mezz sabiex jiġbed l-attenzjoni tal-Unjoni Ewropea rigward l-effetti tal-immigrazzjoni llegali mill-Afrika ta’ fuq, lejn Malta. Nemmen li kontra l-prinċipji umani tiegħu, wasal jikkunsidra, jew iħalli lok ta’ konsiderazzjoni tal-ormaj famuża “push back policy”.

Kif stqarrejt pubblikament fuq Facebook u anki permezz tal-firma tal-petizzjoni li għamilna numru ta’ prattikanti tal-arti u d-disinn f’Malta, ma naqbel bl-ebda mod li dawn in-nies jintbgħatu lura mingħajr ċans li japplikaw għad-dritt tar-refuġju. Il-push back ma hija xejn ħlief biżà indefinita u nkontrollabbli li ssikket lill-qalb milli tagħraf issostni lill-bnedmin ħutna f’mument ta’ kriżi. Huwa ironiku kif meta ssir xi ġabra mill-kaxxa maġika tat-televiżjoni, ninfexxu nitħassru lil nies varji u neżaltaw ruħna f’offerti ta’ flus eżorbitanti. Imma ara jersqu lejn ix-xtut imqaddsa tagħna għax niklulhom wiċċhom bit-tgħajjir!

Sfortunatament kien hemm artisti li baqgħu lura milli jingħaqdu mal-bqija kontra din l-possibiltà. Wara li qrajt dak li stqarr Kenneth Zammit Tabona fuq il-Facebook tiegħu jidher li l-valutazzjonijiet tal-petizzjoni setgħu ma kienux mixtarra sew. Zammit Tabona kiteb: “I never wrote that I advocate push backs but that I resent people acting as if they had happened; especially because when they did happen nobody badgered me for my signature on any petition as what happened now. I find it farcical that I am protesting about something which is old hat because once the Court of Human Rights has vetoed it the PM complied immediately.”

Huwa minnu li f’dan il-każ, il-push backs ma seħħewx – biss ir-rikatt sar u sar bil-qawwa. Iva kien rikatt indirizzat lejn l-Unjoni Ewropea (dik l-istess Unjoni li ħafna tant tqabdu għaliha fl-2004), imma rikatt li uża lil dawn il-persuni f’mumenti ta’ kriżi. U dan ma naqblux miegħu ukoll. Filfatt il-petizzjoni kienet tindirizza mhux biss il-push backs iżda wkoll kull kunsiderazzjoni tagħhom, tiġi meta tiġi: “We join in expressing our firm disapproval of considering similar policies that would place the migrants’ life at risk.”

Lura fl-2002 meta saru l-famużi push backs lejn l-Eritrea, jien kelli tnejn u għoxrin sena u kont impenjat fuq livell soċjali iktar lokali u personaliżżat. L-inqas idea dwar iċ-ċrieki artistiċi, l-immigrazzjoni u l-petizzjonijiet. Biss, illum, nemmen li żball antik ma għandux jikkundannani biex nagħmel ieħor, u appuntu għalhekk, orġaniżżajt il-petizzjoni. Il-push backs fihom infushom huma ġesti kodardi, ġejjin minn fejn ġejjin u jsiru meta jsiru. Minflok nistaqsu għalfejn fl-2002 ħadd ma kellu l-bajd sabiex jgħamel ftit oppożizzjoni, ingergru għax illum saret! Ma nafx! Nitfixkel!

U għal dawk kollha li talbu lil kull min iffirma xi petizzjoni sabiex iżomm f’daru xi immigrant jew tnejn, tajjeb li jkunu jafu li l-argument tal-petizzjonijiet ma huwiex li Malta ssir xi tip ta’ lukanda fil-Mediterran iżda li Malta, li hija dari, tkun il-post ta’ refuġju u komfort, temporanju, għal ħutna f’mument ta’ disperazzjoni. Konvint li l-awtoritajiet, bis-sistemi llum esperti tagħhom, jafu jgħarfu l-każijiet ġenwini minn dawk inqas ġenwini, u jieħdu proċeduri skond il-kuntest.

Le – Malta ma tistax titlef il-valur tal-imħabba li dejjem sawwarha. Il-push backs, jew, nerġa ngħid, kull kunsiderazzjoni tagħhom, hija kważi kważi att kriminali. Huwa importanti li kulħadd jifhem li ħadd ma hu kontra li l-Unjoni Ewropea tikkollabora f’din is-sitwazzjoni, biss hemm mod u mod kif tasal għal dak il-proċess. Ta’ min ninnutaw kif, per eżempju, il-problema tal-immigrazzjoni ingħatat iktar attenzjoni mill-media internazzjonali permezz tar-ritratt, kapulavur artistiku ta’ Darrin Zammit Lupi milli bl-idea tal-push back policy li ażżardajna nikkunsidraw! Reuters, Telegraph, New York Times u BBC fost oħrajn, kienu minn ta’ quddiem li tkellmu madwar dan ir-ritratt. Il-qawwa tal-arti li bħal fil-każ tal-Guernica, tikxef l-inġustizzja, bla ma taqa’ fil-baxx!

J’Alla nikbru ma ndumux!

Rekord ta’ Aljenazzjoni

Hawn min ser jivvota lil Partit Nazzjonalista għax fis-snin li għaddew il-Partit rebbħu borża ta’ studju, irranġalu għal spazju ta’ parkeġġ quddiem id-dar, għax xi ħabib ta’ Ministru rranġalu biex isib xogħol jew għax jaħdem ma’ struttura tradizzjonalment fidila lejn il-Partit. Iva hawn hu mifni bl-aljenazzjoni tant li lanqas jirrealiżża li x-xogħol jew l-istudju huwa dritt fundamentali u mhux pjaċir li xi ħadd jgħoġbu jirregalalek. Rekord!

Iva, hawn min jivvota lil Partit u mhux ieħor, għax sieħbu kandidat magħhom jew għax ma jiftakarx meta kien l-aħħar darba li ħa buzz daqs l-aħħar meeting li attenda. Hawn Laburisti u Nazzjonalisti li lanqas biss jafu għalfejn ser jivvutaw kif ser jivvutaw.

Xi ħadd talabni “nammetti” li jien Laburist għax nikkritika lill-Partit Nazzjonalista. Oħrajn, kemmxejn mifxula, jitolbu lil nies liberi, sabiex jiddeċiedu ma min “iżommu” għax innotaw li dawn jikkritikaw liż-żewġ imperi. Jeżistu Maltin tassew aljenati!

Bħal meta tiekol tlett platti mburġati minn xi lokal fl-Imġarr u tibda tistħajjel li minn xi toqba jew oħra ta’ ġismek, xi ħaġa ser toħroġ f’ħin jew ieħor; l-istess Malta. Mifluġha b’aljenazzjoni li tħallik tittama fil-jum meta l-pajjiż, b’mod naturali, jkollu jpoġġi fuq loki biex inaddaf imsarnu. Dan dejjem jekk ma jilħaqx jirreġetta kollox fuq ħwejjġu, fi triqtu lejn il-loki.

L-aljenazzjoni rawwmitna f’verità mfassla apposta għalina. Verità mfassla sabiex tfassal lilna f’pellegrini fidili u konformi tal-istabbiliment. F’appostli għomja, jew kif jgħid Marju Vella, imtarrxa, ta’ verità kosmetika li tipprogrammana skond pjan ‘għoli’. F’nies li nippretendu li persuna trid bilfors tkun Laburista jew Nazzjonalista daqs kemm hi maskili jew femminili. Fejn jekk int Nazzjonalist temmen dak kollu li joħroġ minn fomm il-predikaturi blu u viċi versa, mingħajr ma tirrikorri għal fakultà intellettwali tiegħek. Fi kliem patri Mark Montebello:

“Ordni stabbilit ta’ madwarna; ordni li ħafna drabi jippreżenta ruħu bħala ‘normali’ jew ‘aċċettabbli’. Meta wieħed jgħarrex ftit aktar fil-fond, però, jintebaħ li hu ordni li jimponi ċerti regoli ta’ ħsieb u aġir. Dawn ir-regoli mhux dejjem jirrispettaw għal kollox il-persuni jew aħjar l-individwalità partikulari tagħhom.”

U hawn fejn jidħol ħelu ħelu kumment li darba rċevejt mingħand uffiċċjal tal-Gvern li kien qalli (mhux nikkwota eżattament minħabba li mhux insib il-korrispondenza): “Ma tistax tippretendi li ssib xogħol mal-Gvern jekk tikkritika lill-Gvern pubblikament!”. Grazzi għal dak il-kumment iddeċidejt li b’libertà responsabbli, nitkellem favur dak li nqis tajjeb u nikkritika dak li nixtieq nara jitjieb. Li nixxennaq u nokrob għall-mewt kiefra tal-mentalità dualista li ħakkmet lill-pajjiżi. Li nkompli nirsisti favur strutturi li, minflok jitwerwru, jilħqu l-orgażmu meta jsibu kritika. Il-kritika; l-uniku mezz ta’ żvilupp kemm -il darba jkun hemm widnejn tajbin sabiex jisimgħu, jixtarru u jinterpretaw.

Fadal biss ftit ġranet għal verdett politiku tal-2013 u grazzi għal ħanin Alla, inħaddan kburi l-fakultà li nuża moħħi. Le, ma nħossx li l-Partit Nazzjonalista ħallieli argumenti fuq xiex nikkunisdra li nivvutalu speċjalment meta jibqa’ jikkategorizzani bħala blu  jew aħmar. Biss id-dilemma bejn l-idea li jkollna t-tielet partit u l-idea li nappoġġja Partit Laburista li qiegħed jistinka serjament sabiex jinbidel, għadha preżenti.

Għal kuntrarju tal-Prim Ministru, qrajt il-programm elettorali tal-PL u anki taż-żewġ Partiti l-oħra. Nistqarr li għandi ammirazzjoni kbira għad-dettall maħsub li hemm fil-programm tal-PL speċjalment fuq l-aspetti dwar l-Arti u l-Kultura. Hemm bżonn kbir għal din il-bidla fl-oqsma msemmija. Huma oqsma li appuntu għandhom jkunu fundamentali għal trawwim artistiku li jgħinna nwelldu mistoqsijiet li jgħinuna nikbru kulturalment.

Fuq dan l-ispunt, nistqarr id-diżappunt tiegħi dwar l-artisti Maltin, speċjalment dawk stabbiliti, li ftit jew xejn jissugraw iċappsu wiċċhom mal-politika. Dan meta l-politika hija l-bażi tal-ħajja tal-bniedem. Ma niflaħx nisma u nara pseudo artisti Maltin li jibqgħu jinjoraw il-ħajja politika ta’ pajjiżhom, pseudo artisti li jevitaw li jikkummentaw fuq livell politiku li ma jmurx ‘jiċċapsu’ jew jitilfu xi preferenza għal xi fondi finanzjarji imma jgħoxew jippuppaw sidirhom f’xi ftuħ ta’ esibizzjoni jew f’xi kitba frivola. Huma tassew ftit dawk li ħarġu għonqhom f’kuntest politiku u lil dawn, insellmilhom b’ammirazzjoni. Fuq vena simili, ta’ min insemmi anki l-kumment li ħalla Mario Vella fuq Facebook ftit tal-jiem ilu u nsostni l-punt tiegħu minn hawn:

Il-kodardja politika tax-xena artistika lokali: Attakk personali sfrenat ta DCG fuq KZT….u bhas-soltu kulhadd sieket. Ghax jekk tparla jittimbrawk. Ghax jekk tparla taqa’ ghal livell baxx tal-antagonist tieghek. Id-dekor personali taghkom ma jiswiex centenzmu. Mank kollega pittur sabiex jirribatiha? Mank esponent tal-muziak klassika (li ghalija KZT indubbjament jirsisti hafna) ma jiftah halqu pubblikament fuq vilifikazzjonijiet simili?

Hemm bżonn li l-artist Malti iqum isemma opinjoni, bajda jew sewda, taqta’ kemm taqta’… inutli l-passività f’ambjent fejn is-soċjetà għandha bżonn ħsibijiet li jeċitawha u jqanqluha fil-profond. Mhux li kien nintebħu, illum qabel għada bil-bżonn li nwaqqgħu l-ħitan li jżommuna milli nkunu aħna. Ejjew nibnu kultura ġdida ta’ parteċipazzjoni soċjali u mhux individwaliżmu li jifred. Ejjew nindunaw li aħna li ngħixu fl-arti u bl-arti rridu nkunu fuq quddiem li nitkellmu dwar dak li hu. Hu kif inħossu li hu. Ma jistħoqilniex nilbsu l-kpiepel tal-arti jekk ngħażlu l-irdoss tal-aljenazzjoni aħna wkoll. Hemm bżonn rekord ġdid.