Żmien it-tfittxija, żmien l-iskoperta… bħal meta ssuq għal ħin twil fuq autostrada ma’ ħaddieħor u tasal f’destinazzjoni mistura, ħlief għall-mappa… u tinżel, waħdek.
L-għażliet huma gżuż u l-biżgħat jissieltu sabiex ma jidhrux bil-wisq inqas! U nibdew pass pass interrqu, kważi mingħajr direzzjoni, mill-ġdid mingħajr destinazzjoni.
Ir-riħa ta’ xita friska tagħtik merħba u tfakkrek li mhix dinja kompletament ġdida. Bħal tistħajjilha tgħannqek u tgeżwrek f’dirgħajha.
U jinstema pjanu bħal donnu mbikkem, li jtaptaplek fuq dahrek u jurik triq, kemmxejn imċajpra, iżda familjari, ta’ siġar anzjani u mużi nfiniti.
Tgħarbel il-vjaġġ sa ma tiġbor ir-ramel fin li sawwrek, u bħas-soltu mnifsejk jintefħu u l-għatis jitfaċċa, bil-ħasda, kattiv, arroganti… għal mument inessik il-vjaġġ eċitanti; sa ma r-ramel jistrieħ fil-forom imserrpa ta’ lifgħa maħruqa u jurik triq ġdida.