Beningi u belti

Tinżel bħal għasel, mixja tul it-toroq ta’ beltna l-kapitali f’dawn is-siegħat tal-ġurnata. Anki jekk tiġi bla mistenni. Ix-xewqa tgħelibni u iktar milli riġlejja, qalbi timbuttani ngħamel pass, ieħor u ieħor. Nintilef inħares ‘l fuq u ninnota li għalkemm terraqt għal ħamsa u għoxrin sena f’dawn it-toroq, kont aljenat biżżejjed li nitlef numru vast ta’ dettalji; ammont kbir ta’ rikkezzi, prodott missierijietna.

U nerġa nserraħ fuq il-magħqad li jdur bħal żugraga quddiem il-kompjuter, inkompli fejn ħallejt bl-intervent ta’ Beningi f’Sanremo u nħossni nifhmu. Inħoss l-istess dmugħ li jrid joħroġ minn għajnejja meta nitkellem fuq belti – u mumenti oħra – anki fuq pajjiżi.

U nġib quddiem għajnejja ‘l missierijieti li ħolmu li jiena ngħix f’dil-belt, kuntent, magħġun ħaġa waħda mal-kultura, mal-ħajja f’komunità, mad-disinn, il-forom, l-arti, il-ħsejjes mużikali tar-riħ li jiġri tul toroq twal u jikser kantunieri dojoq, il-forom ta’ dellijiet ġiganteski projetà ta’ dettalji ckejkna. Missirijieti li fil-kaos ta’ monti maħnuq ta’ filgħodu, lagħbu logħba mas-skiet ta’ Triq Merkanti ta’ filgħaxija iżda llum biegħu x-xogħol ta’ missirijiethom biex jgħamlu spazju għall-pjan tal-mexxejja.

F’moħħi nerġa nħares ‘l fuq u ninnota t-tabelli tal-aġenziji tal-propjetà, li llum ħakmu lil belti bħalma qatt ma ħakmuha t-Torok li xtaquha. Nittawwal lejn dik il-gallarija fi Triq Merkanti, kantuniera ma’ Triq Lucia u nimmaġina lil ta’ qabli kburin biha u llum imbikkma għax uliehom bħall-abbati, jitolbu l-ħniena jew għax uliedhom alabiebhom minn missierijiethom u warrbu l-memorji tagħhom ġewwa Hastings.