Tag: birgu

Ġirbi b’dixxendenza u b’direzzjoni

Sieħbi Christopher Cassar talabni nikteb kelmtejn dwaru fil-perspettiva tal-ħidma li għaddej biha sabiex f’Mejju li ġej, il-Ġirbin jagħtuh il-fiduċja tagħhom u jerġa jirritorna bil-kbir fil-Kunsill Lokali tal-Birgu. Tajtu kelmti li nagħmel hekk bil-mod tiegħi. Ma nemminx li sentenza jew tnejn, kif ġejt mitlub, huma biżżejjed biex ngħid dak li għadni ngħid.

Ħa nibda billi, kif xieraq, infakkar id-dixxendenza Beltija tiegħu fil-familja taz-Zoj. Iżda naħseb dwar kemm tħabbat qalb Chris għal-Birgu, mhux ser inkun jien li noffri xi esklussiva!

Lil Chris sirt nafu ftit snin ilu ġewwa l-Fondazzjoni Valletta 2018. Sa mill-ewwel ġranet li ħdimna flimkien, deher ċar li Chris kien motivatur u li għalkemm kultant ta’ rasu, kapaċi jisma u jevalwa ideat oħrajn. Chris kapaċi jisma’ iżda kapaċi jinjora u jasal fejn jixtieq jasal biex dak li jkun qed joħlom iseħħ. Mill-bidu deher ċar li Chris kien bniedem tan-nies u li tassew jaf jara ‘l komunità bħala prijorità.
Kien appuntu bis-saħħa ta’ Chris ukoll li waħda mill-akbar ħolmiet li kelli għal Valletta 2018 seħħet. Il-Festa l-Kbira kienet proposta tal-Beltin li stinkajt għaliha tul l-aħħar snin, biss kien hemm numru ta’ ostakli. Bl-avvent ta’ Chris, kif ukoll id-direttriċi Catherine Tabone u c-chairman Jason Micallef, inbidel kollox u kien hemm ftuħ għal din il-ħolma tal-Beltin. Kburi li flimkien ma’ Chris u oħrajn bħal Albert Dimech kont responsabbli sabiex nara li dan seħħ.

Ma’ Chris u d-direttriċi Catherine Tabone waqt waħda mill-laqgħat bi tħejjija għall-Festa l-Kbira

Apparti l-element professjonali ta’ Chris, nixtieq insemmi wkoll dak personali. Chris huwa patrijott kbir, Juventin, iħobb l-fast food, il-festi, il-marċi, id-dokumentarji dwar ġrajjiet kurrenti, il-Jameson bil-Coca Cola u l-Coca Cola. L’hena tiegħu jorganiżża l-praspar u jirrakkonta oħrajn li ħajtu mżewwqa bihom. L’hena tiegħu jinki, jinbex u jidħak dwar dan kollu – anki meta, skonti, ma jkollux biex.

Chris jammira u japprezza t-titli sportivi Beltin :)

Lil Chris sibtu hemm fuq livell personali sa mill-ewwel ġranet. Għalkemm ma naqbilx dejjem miegħu u l-modi tiegħu, naf li dejjem ikollu ntenzjonijiet tajbin. Ġieli l-modi tiegħu ma nkunx qed nistennihom u jirrabjawni jew jaħsduni imma wara telefonata jew żewġ birer, dejjem instab kompromess. L-aħħar każ, ilu biss ġimgħa! Chris huwa dejjem skjett. Ma għandux tidwir mal-lewża. Meta bqajt noħlom għal xi ħaġa u dherlu li kont qed inħabbat rasi ma’ ħajt, qalli u tani r-raġunijiet li sfortunatament irriżultaw veri.

Chris tal-punt. Jibqa’ jsostni xi konvinzjoni minn tiegħu u jista’ mhux jinżel anġlu mis-sema jkellmu, għax ta’ rasu jibqa’. Iva xi drabi jbaqbaqni għax ma nkunx qed nistenna ċertu modi li joħroġ bihom. Fortunatament imma, għandna ħbiberija ta’ rispett reċiproku li tmur lil hinn minn dan kollu.

Fis-6 ta’ April 2018 – Ma’ Chris u uħud mit-tim tiegħu tal-produzzjoni

Chris iħobb il-ħajja u lin-nies. Il-komunità hija tassew prijorità għalih għax hu lest ikun ħabib ta’ kulħadd. Iħobb jiltaqa’ ma’ nies ġodda u f’kemm trodd salib jaqbad l-itwal u l-isbaħ konverżazzjonijiet magħhom. Naf ukoll kemm Chris, għalkemm jipprova ma jurix, huwa bniedem sensittiv. Dejjem lest biex jgħin bil-mezzi u kuntatti kollha tiegħu u dejjem attent sabiex dawk li jkunu miegħu, ikunu rispettati, kemm-il darba jkun ħaqqhom.

Chris jemmen ħafna, żżejjed skont jien, fil-Partit Laburista – u għalkemm ma naqbilx miegħu fuq kif u kemm lest jaqdi lill-Partit, konvint illi anki hawn Chris għandu intenzjonijiet tajbin. Jemmen bil-għama li qed isir progress fil-pajjiż u jixtieq jikkontribwixxi biex dan joktor.

Ma’ Chris waqt il-ħidma għall-ftuħ taċ-ċelebrazzjonijiet għas-sena 2018

Issa ilni snin midħla tal-Birgu. Jekk naf b’persuna waħda li tħobb ‘l Birgu aktar minn Chris u martu, din hija ħabibti Sabrina Carabott. Sfortunatament Sabrina ma għadhiex magħna biss niftakar li meta kont semmejtilha lil Chris, ikkonfermatli imħabbtu lejn il-Birgu. Testimonjanza ċara aktar minn dik ma għandix xi nagħti.

Inħalli f’idejkom il-Ġirbin biex tagħmlu għażliet għaqlin għall-komunità tant sabiħa tagħkom. Chris qarribni sew lejkom u tgħallimt napprezza aktar dak li jsawwarkom. Awguri lilek Chris u lil sħabek il-Ġirbin!

Ċaw teżor! – Tislima lil Sabrina Carabott

L-isbaħ ġuvni tal-univers, jew aħjar, San Lawrenz, dalgħodu qaleb is-siegħa u stenbaħ bik ħdejh Sab! Forsi bħali ma stennikx daqshekk malajr, imma l-ġlieda li ġġilidt, ta’ mara kuraġġuża li dejjem kont, kienet iebsa u kiefra.

Ħallejtek ilbieraħt lura bi ftit kliem. Kellek kull intenzjoni li titbissimli għalkemm lanqas dik ma baqgħet xi ħaġa faċli. Sejjaħtli hekk kif dħalt ħdejk u fil-ftit ħin li qattajt ħdejk ħassejtek kalma, f’ċertu paċi – minn dik li kull gwerrier ikollu anki jekk iħoss li t-taqbida ser tirbaħlu.

Meta fl-1998 dħalna nistudjaw fiċ-Ċentru tal-Arti u d-Disinn Emvin Cremona, fil-Belt Valletta kont insib gost fil-mod xejn raffinat kif kont tirrelata. Risposta lesta għal kull inkejja, tbissima u daħka għal kull mument sabiħ u kelmtejn ċari u tondi għal kull kedda. Wara sena kont iddeċidejt li tieqaf għax ma ssaportejtx ir-rutina ddixxiplinata żżejjed tad-disinn. Ridt tesplora u ridt tkun man-nies. Ridt tiġri, tifraħ u tferraħ. Kont mimlija entużjażmu.

L-istess fil-lezzjonijiet tal-arti li konna mmorru filgħaxijiet flimkien fil-Belt. Id-dixxiplina żejda kienet tkiddek. Għax in-natura tiegħek kienet dejjem dwar spontanjetà, kulur, espressjoni u emozzjoni. Niftakrek taqsam miegħi ħsibijiet u kitbiet. Uħud dwar l-arti, oħrajn dwar l-isports, il-familja, il-politika u r-reliġjon. Niftakrek tipprova tikkonvinċini li b’xi mod il-Birgu hija belt isbaħ mill-Belt Valletta jew li ta’ San Lawrenz festa isbaħ minn tan-Nawfragu! U ħallina Sab!

Gerrbu s-snin. Il-kaxxa tat-telefon ta’ Triq Merkanti ma’ bqajtx nużaha u llum lanqas biss għadha hemm. Minjaf x’kienet taħseb Annie ta’ Sultana tal-gazzetti, alla jaħfrilha – jekk qatt innutat li wara li nixtri telecard kont niġi nċempillek ftit u ndumu xi siegħa nieħdu ras xulxin!

L-aħħar darba li tkellimna sew f’dik il-kamra l-isptar, tarrafna ħafna memorji lil xulxin u l-ammirazzjoni reċiproka li kellna għal xulxin. Ħbiberija sempliċi u ġenwina. Kuntent li sibna ħin nitkellmu u ngħidu dak li dejjem ħsibna.Fi żmien l-10 t’Awissu gawdejna ftit mumenti mill-festa ta’ Lawrenz. Int kont għal qalbek ovvjament. Ħadt gost inlaqqek ma’ nies li llum huma mportanti għalija. Anki huma ħadu gost li saru jafuk. Illum kburi li fl-aħħar xhur kellna ċans nerġgħu nitkellmu ftit. Ħadt gost nerġa naġġorna ruħi fl-avventuri tiegħek madwar id-Dinja u kull ħolma u ħsieb li kellek. Ħadt gost ukoll nemmen li jien stajt kont ta’ sapport f’mument iebes ta’ din l-avventura li jisimha ħajja; u li int għaraft tgħix b’entużjażmu sħiħ.

Int tlaqt. Kien għad hawn bżonn tal-brijju tiegħek imma konvint li bħalissa l-ispirtu tiegħek jinsab serħan. Kif għidtlek, kulħadd għandu kliem ta’ tifħir dwarek u dan l-aqwa ċertifikat li ġbart minn din il-ħajja. Ċertifikat li minnu gawdejna xi naqra wkoll aħna li missejna mal-karattru spontanju u ġenwin tiegħek.

Ħa nieqaf hawn. Il-memorja tiegħek ankrata hawn. L-imħabba lejn Malta u lejn il-Birgu fuq kollox. L-imħabba lejn il-ħajja u dak kollu li jġib avventura, ferħ u paċi. Tassew teżor tal-ġirbin! Grazzi u prosit