Sieħbi Christopher Cassar talabni nikteb kelmtejn dwaru fil-perspettiva tal-ħidma li għaddej biha sabiex f’Mejju li ġej, il-Ġirbin jagħtuh il-fiduċja tagħhom u jerġa jirritorna bil-kbir fil-Kunsill Lokali tal-Birgu. Tajtu kelmti li nagħmel hekk bil-mod tiegħi. Ma nemminx li sentenza jew tnejn, kif ġejt mitlub, huma biżżejjed biex ngħid dak li għadni ngħid.
Ħa nibda billi, kif xieraq, infakkar id-dixxendenza Beltija tiegħu fil-familja taz-Zoj. Iżda naħseb dwar kemm tħabbat qalb Chris għal-Birgu, mhux ser inkun jien li noffri xi esklussiva!
Lil Chris sirt nafu ftit snin ilu ġewwa l-Fondazzjoni Valletta 2018. Sa mill-ewwel ġranet li ħdimna flimkien, deher ċar li Chris kien motivatur u li għalkemm kultant ta’ rasu, kapaċi jisma u jevalwa ideat oħrajn. Chris kapaċi jisma’ iżda kapaċi jinjora u jasal fejn jixtieq jasal biex dak li jkun qed joħlom iseħħ. Mill-bidu deher ċar li Chris kien bniedem tan-nies u li tassew jaf jara ‘l komunità bħala prijorità.
Kien appuntu bis-saħħa ta’ Chris ukoll li waħda mill-akbar ħolmiet li kelli għal Valletta 2018 seħħet. Il-Festa l-Kbira kienet proposta tal-Beltin li stinkajt għaliha tul l-aħħar snin, biss kien hemm numru ta’ ostakli. Bl-avvent ta’ Chris, kif ukoll id-direttriċi Catherine Tabone u c-chairman Jason Micallef, inbidel kollox u kien hemm ftuħ għal din il-ħolma tal-Beltin. Kburi li flimkien ma’ Chris u oħrajn bħal Albert Dimech kont responsabbli sabiex nara li dan seħħ.
Ma’ Chris u d-direttriċi Catherine Tabone waqt waħda mill-laqgħat bi tħejjija għall-Festa l-Kbira |
Apparti l-element professjonali ta’ Chris, nixtieq insemmi wkoll dak personali. Chris huwa patrijott kbir, Juventin, iħobb l-fast food, il-festi, il-marċi, id-dokumentarji dwar ġrajjiet kurrenti, il-Jameson bil-Coca Cola u l-Coca Cola. L’hena tiegħu jorganiżża l-praspar u jirrakkonta oħrajn li ħajtu mżewwqa bihom. L’hena tiegħu jinki, jinbex u jidħak dwar dan kollu – anki meta, skonti, ma jkollux biex.
Chris jammira u japprezza t-titli sportivi Beltin :) |
Lil Chris sibtu hemm fuq livell personali sa mill-ewwel ġranet. Għalkemm ma naqbilx dejjem miegħu u l-modi tiegħu, naf li dejjem ikollu ntenzjonijiet tajbin. Ġieli l-modi tiegħu ma nkunx qed nistennihom u jirrabjawni jew jaħsduni imma wara telefonata jew żewġ birer, dejjem instab kompromess. L-aħħar każ, ilu biss ġimgħa! Chris huwa dejjem skjett. Ma għandux tidwir mal-lewża. Meta bqajt noħlom għal xi ħaġa u dherlu li kont qed inħabbat rasi ma’ ħajt, qalli u tani r-raġunijiet li sfortunatament irriżultaw veri.
Chris tal-punt. Jibqa’ jsostni xi konvinzjoni minn tiegħu u jista’ mhux jinżel anġlu mis-sema jkellmu, għax ta’ rasu jibqa’. Iva xi drabi jbaqbaqni għax ma nkunx qed nistenna ċertu modi li joħroġ bihom. Fortunatament imma, għandna ħbiberija ta’ rispett reċiproku li tmur lil hinn minn dan kollu.
Fis-6 ta’ April 2018 – Ma’ Chris u uħud mit-tim tiegħu tal-produzzjoni |
Chris iħobb il-ħajja u lin-nies. Il-komunità hija tassew prijorità għalih għax hu lest ikun ħabib ta’ kulħadd. Iħobb jiltaqa’ ma’ nies ġodda u f’kemm trodd salib jaqbad l-itwal u l-isbaħ konverżazzjonijiet magħhom. Naf ukoll kemm Chris, għalkemm jipprova ma jurix, huwa bniedem sensittiv. Dejjem lest biex jgħin bil-mezzi u kuntatti kollha tiegħu u dejjem attent sabiex dawk li jkunu miegħu, ikunu rispettati, kemm-il darba jkun ħaqqhom.
Chris jemmen ħafna, żżejjed skont jien, fil-Partit Laburista – u għalkemm ma naqbilx miegħu fuq kif u kemm lest jaqdi lill-Partit, konvint illi anki hawn Chris għandu intenzjonijiet tajbin. Jemmen bil-għama li qed isir progress fil-pajjiż u jixtieq jikkontribwixxi biex dan joktor.
Ma’ Chris waqt il-ħidma għall-ftuħ taċ-ċelebrazzjonijiet għas-sena 2018 |
Issa ilni snin midħla tal-Birgu. Jekk naf b’persuna waħda li tħobb ‘l Birgu aktar minn Chris u martu, din hija ħabibti Sabrina Carabott. Sfortunatament Sabrina ma għadhiex magħna biss niftakar li meta kont semmejtilha lil Chris, ikkonfermatli imħabbtu lejn il-Birgu. Testimonjanza ċara aktar minn dik ma għandix xi nagħti.
Inħalli f’idejkom il-Ġirbin biex tagħmlu għażliet għaqlin għall-komunità tant sabiħa tagħkom. Chris qarribni sew lejkom u tgħallimt napprezza aktar dak li jsawwarkom. Awguri lilek Chris u lil sħabek il-Ġirbin!