Tag: Mintoff

Tislima: Duminku Mintoff

“All men dream, but not equally. Those who dream by night in the dusty recesses of their minds, wake in the day to find that it was vanity: but the dreamers of the day are dangerous men, for they may act on their dreams with open eyes, to make them possible.” – T.E. Lawrence

Ġiet nieqsa persuna. Persuna bħali u bħalek. Persuna Maltija daqsi.

Ma hemmx għalfejn tkun Mintoffjan jew Laburist biex tifhem li din il-persuna, iżda, mhux persuna kwalunkwe. Persuna li ħalliet marka ndelibbli fuq nazzjon. Għal dejjem.

Insejjħilha persuna kreattiva, persuna nnovattiva, determinata u persuna ta’ viżjoni. Persuna li mix-xejn, ħoloq ħafna.

X’nammira f’Mintoff? Naħseb mill-ftit li niftakru, nammira d-determinazzjoni tiegħu li jara lil Malta, pajjiż mill-iċken, meqjusa l-istess daqs kull pajjiż ieħor. Id-determinazzjoni li jara lil Malta ħielsa, Malta distinta u Malta li ma tibżax issemma’ leħinha anki quddiem il-ġganti barranin.

Ammirajtu meta kultant webbes rasu fuq punti li kienu għal qalbu anki jekk ħarbat lill-partit tiegħu. Kien hemm fejn tassew emmint li għalih Malta kienet l-ewwel u qabel kollox… anki qabel il-partit tiegħu stess.

Iva fl-esperjenza tiegħi ltqajt ma’ nies li ġenwinament sfaw imweġġa’ b’ċerti deċiżjonijiet li ħa Mintoff, u nirrispetta t-tbatija li għexu. Konvint li dan il-bniedem żbalja darba jew tnejn. Biss nemmen li l-għajta tal-poplu f’dan il-lejl tal-20 t’Awissu, turi biċ-ċar kemm ir-rispett li wera Duminku Mintoff speċjalment lejn il-klassijiet soċjali baxxi u tal-ħaddiema, jimmarkawh bħala figura li biddlet l-istorja ta’ Malta.

Sfortunatament qatt ma kelli xorti niltaqa’ jew nitkellem miegħu iżda nemmen li dak li wettaq, laqatni direttament, lili li kbirt fis-snin tmenin. Laqatni wkoll sabiex inrawwem rispett kbir lejn pajjiżi u nemmen li għalkemm ċkejken, pajjiżi u l-poplu tiegħu huwa ‘kbir’ daqs, jekk mhux iktar, minn kull pajjiż jew poplu ieħor.

Insellem lil dan ir-raġel bħali u bħalek li ħolom bil-kbir u wettaq. J’Alla jkollna nitfa forza sabiex noħolmu u nwettqu bħalu.

Mulej għatih il-mistrieħ.

Li Tirbaħ il-Ġustizzja

Qed nieħu gost nisma l-intervent ta’ Patri Mark Montebello fl-okkażżjoni tal-ħamsin sena anniversarju mill-Elezzjoni tad-Dnub il-Mejjet.

Diskors meqjus li jemozzjona lil kull min, bħali, jħaddan qalb soċjalista (iżda mhux partiġġjana Laburista). Diskors li jixħet dawl qawwi fuq fatti li ħadd ma jista jiċħad, fuq fatti li jkomplu jfakkruna kemm hi redikola s-sistema politika dualista li teżisti fil-pajjiż. Diskors imtappan biss mill-fatt li sar f’kuntest ta’ wieħed minn dawn il-partiti, promoturi tal-istess marda.

Wara li qrajt b’ferħa l-ktejjeb “Il-Fidwa tal-Anarkiżmu” li Patri Mark għoġbu jibgħatli xi ġimgħat ilu, illum ma nistax ma nikkumplimentax lil dan il-qalbieni li b’tant umiltà qed ikompli iħeġġeġ diskors favur trasparenza u libertà ta’ ħsieb u kontra stutturi li jimbarraw l-imħuħ b’modi demokratiċi jlellxu. Għalhekk sabiħa mmens r-referenza finali lejn kliem Kristu – l-akbar rivoluzzjonarju.

Patri Mark, kompli kun qalb tħabbat sabiex tqanqal aktar qlub, biex jistenbħu u jibdew iħabbtu huma wkoll.

Grazzi.