Tag: review

Is-sena 2018

Is-sena tal-Greċja, l-Italja u l-Portugall. Tas-37. Is-sena tal-festa mnejjka u l-mewt taz-ziju. Is-sena ta’ Higuain, tal-vjaġġi f’Għawdex. Is-sena tal-Kobba. Is-sena tal-mewġ fil-Port il-Kbir. Is-sena ta’ Giorgio Poi u Andrea Laszlo de Simoni.

Is-sena fejn ħassjetni l-inqas mifhum. Is-sena fejn ħassejtni l-iktar fraġli u l-aktar b’saħħti. Is-sena meta ħbieb gidbu fuqi u ġew emmnuti. Is-sena tal-24 kampjonat. Is-sena tal-mewt ta’ Godwin Scerri u l-vojt li ma stennejtx li se nħoss wara. Is-sena tal-qalb kbira ta’ Charles Agius u l-pożittività li kattar fija. Is-sena tal-messaġġi sbieħ u profondi li biddluli ħajti bħal dak ta’ ex-kollega li fakritni li min iħobbok ma jidfinx il-poeżiji tiegħek f’kexxun. Is-sena tal-gideb u l-infern. Is-sena ta’ Mario, Giselle, Alfred, Chalie u Romina. Is-sena ta’ Charles Bennett u s-sbuħija ta’ qalbu. Is-sena ta’ Clint u l-allegrija li jġib miegħu. Is-sena ta’ Katie u l-imħabba ġenwina li offrietli. Is-sena tat-Tazza tad-Dinja mingħajr l-Italja. Is-sena ta’ Belti bħala Kapitali Ewropea għall-Kultura fuq sfond tal-imwiet inkredibbilment numerużi li ħasdu lill-familji Beltin. Is-sena tal-ħolma tal-Beltin; il-Festa l-Kbira. Is-sena ta’ Altofest f’Malta. Is-sena tal-karba tal-Beltin f'”Il-Ħasla”. Is-sena ta’ Victor u ta’ Ġorġ il-kennies. Is-sena ta’ Cynthia, GAME, tad-Danimarka, tal-Latvia, tal-Estonja u tal-Isvezja. Is-sena ta’ Bernard u l-istand up tiegħu. Is-sena ta’ nies kbar bħal Davide. Is-sena fejn tlift u ċedejt kemm-il darba biex forsi xi darba nirbaħ. Is-sena li fiha tlift parzjalment lil ommi. Is-sena li fiha pruvajt nibki imma d-dmugħ weħel; imma sal-bieraħ. Is-sena li fiha ċedejt u fgajt lis-suppervja biex ngħażel il-paċi. Is-sena li fiha ddedikajt ħinijiet twal għal ħaddieħor iżda wkoll ħin għalija. Is-sena li fiha skoprejt aktar lili nnifsi, il-limiti tiegħi, l-ħolm li jmexxini u għext xewqat mill-aktar umani tiegħi. Is-sena tas-Sirjani. Is-sena fejn esperjenzajt imħabba li qatt ma tmut. Is-sena li qalbi bkiet, ħafna, u daħket iktar. Is-sena ta’ Wistin, Joyce, Agnes, Ċetta, Antonio, Filippa, Evelyn, Magdalene u l-bqija. Is-sena tal-ħolm u tal-ideat. Is-sena ta’ lejl maġiku u l-ġenna. Is-sena ta’ Salvini. Is-sena ta’ xagħri mgerfxa. Is-sena tal-ħbieb speċjali. Is-sena ta’ nies inutli. Is-sena ta’ bejn is-swar. Il-lejl tax-xewqa li int tibqa’.

Ħarsa fqira lejn l-2015

Kienet diffiċli nimmaġina sena li tiżboq l-2014, biss l-2015 irnexxielha. Forsi mhux kull siġra li ħawwilt għamlet il-fjuri imma llum inħares b’ħarba lura u niċċelebra l-2015 minn qiegħ qalbi.

Żgur u mhux forsi din is-sena kienet immarkata minn tlett episodji mportanti fl-istorja ta’ ħajti. L-ewwel, f’ordni kronoloġiku kienet l-elezzjoni ġenerali tal-Għaqda tal-Pawlini ġewwa l-Belt Valletta. Wara xi suġġerimenti ta’ xi ħbieb Beltin, fettilli nitfa n-nomina u bi stagħġib, sibt ruħi hemm mal-ewwel tmienja! X’unur! Il-ħolma ta’ kull Pawlin Belti li jikkontribwixxi b’mod dirett għall-akbar festa tan-Nazzjon. Kienet sena mpenjattiva fl-Għaqda li minnha tgħallimt u għadni qed nitgħallem immens. Kienet sena li fiha fraħna u bkejna flimkien. Fraħna fil-festa u f’suċċessi ta’ avvenimenti varji u bkejna waqt tislimiet finali lil parruċċani varji fosthom uħud li ħallew marka li qatt mhu ser titħassar fil-qlub tal-komunità. Nixtieq ngħamel lista tal-Pawlini li sebbħuli din is-sena imma hemm wisq!

It-tieni episodju mportanti kienet l-ewwel esibizzjoni tal-arti fuq livell personali. ‘Her Majesty’ kienet esperjenza stupenda li kelli x-xorti naqsam ma sieħbi Simon Sultana Harkins. Esperjenza li minnha kbirna flimkien bl-intoppi ‘sorpriża’ u l-ħidma sfieqa li wettaqna. Għal din l-esperjenza kienu ħafna li kkontribwew u ftit li xekklu. Insellmilkom kollha kemm intom. Grazzi kbira lil Antoine Farrugia li kien hemm b’rispett kbir fil-mument l-aktar kruċjali tal-proċess. ‘Her Majesty’ kien proċess li ingħalaq b’mod meraviljuż li l-arti biss tista’ twettaq!

It-tielet esperjenza ndimentikabbli kienet bla dubju l-mawra ġewwa l-belt tant maħbuba ta’ Napli fil-bidu ta’ April. Bil-kumpanija ta’ ħbieb mill-aqwa, ġeddidna ħafna memorji u erġajna tħabbibna mal-wisq tjubija li toffri din il-belt fil-ġenn kollu tagħha. Jien bdejt nixrob il-birra, forsi jinżlu l-pizez li bdew jiġu kkunsmati u spiċċat ġibt lura 5 kilos li għadhom hemm sal-ġurnata ta’ llum. Din id-darba x-xena nsterqet miċ-ċkejken Luca bil-famuża “my finger”. Ahhh Napoli… ma quando ti rivivo!?

Is-sena bdiet b’raqda tajba wara tmiem tal-2014 mhux kif mixtieq. Kienet il-ħabiba kbira Anna li ġabritni minn xagħri fl-ewwel ġranet u permezz tal-arti u kliemha, għenitni nqum, inħares lejn is-sena b’motivazzjoni fija nnifsi. Hekk kif qed insemmi artista, nista’ nkompli bis-safra stupenda ġewwa Sqallija ma’ sieħbi, l-artist James Vella Clark. Kienet safra marbuta mal-kunċert tal-għażiża Carmen Consoli ġewwa Acireale, biss spiċċat waħda mill-isbaħ safriet ta’ dejjem b’avventura/praspura żgħira wara oħra, ikel eċċellenti u pajsaġġi mill-isbaħ. Ma naqsux ukoll xi karattri mill-post li komplew sebbħu l-esperjenza.Viva l-lesbo tours!

Il-ħolma ta’ żjara ġewwa Firenze seħħet f’Lulju. Bi skuża tal-kunċert ta’ Lorenzo Jovanotti fl-istadjum Franchi, qattajt ġranet sbieħ f’belt meravilja. Il-kumpanija ta’ oħti għamlet l-esperjenza partikolari għax l-aħwa huma aktar mill-ħbieb hux! Praspuri u sorpriżi ma naqsux biss ta’ rjus iebsa li aħna, għaddiet tagħna u ħadna naqra gost mhux ħażin. Il-kunċert ta’ Jovanotti kienet esperjenza li se ndum ma ninsa. L-istess id-dmugħ quddiem is-self portrait ta’ Raffaello. X’taqbad tgħid fuq Firenze, Siena u Pisa! “Arrivederci” l-aħjar!

Il-vjaġġi ġewwa Plzen u Wroclaw, kienu relatati ma’ xogħol biss kienu esperjenzi fejn erġajt iltqajt ma’ kollegi minn Kapitali Kulturali tal-Ewropa oħrajn u nies ġodda. Litteralment familja li minnha qed nitgħallem ħafna u nħossni xxurtjat. Dawn iż-żjarat għenuni nibdel ix-xettiċiżmu li kelli dwar l-Ewropa ċentrali u dik tal-lvant. Mhux talli hekk, talli ħassejtni komdu mmens f’dawn l-ambjenti u kulturi. L-aħħar vjaġġ ħadni Venezja u l-famuż Biennale. Ħolma oħra li saret realtà. J’Alla din issarraf f’ħafna ġid għal Malta.

Fejn jidħol xogħol kienet sena oħra mpenjattiva ħafna iżda li offriet sodisfazzjon kbir fil-kumpanija ta’ kollegi nkredibbilment speċjali. M’aħniex bogħod li nsiru familja! :) J’Alla din is-sena tkun ta’ risq għalina speċjalment lil min kellu sena iebsa fuq livell personali.

2015 kellna wkoll tiġijiet memorabbli… Denise u Paul, Annaliza u Martin, Holger u Cristina, Steve u Nikki… fost oħrajn! Esperjenzi mill-isbaħ. Sena li ġabet persuni ġodda madwarna iżda li ħadet oħrajn ukoll. Tislima liz-ziju Żaren minn qalbi!
Il-laqgħa mal-kuġini f’Awwissu u l-partita futbol bejn ħbieb Pawlini wkoll kienet speċjali. Nispera jerġgħu jsiru.

Ħafna ħsibijiet… taħlita ta’ xewqat, ħolm sfaxxat, oħrajn imwettqin imma fuq kollox l-għarfien ta’ żmien ħlejju li għadda u ħalla marka li biha nista’ nimxi ‘l quddiem; aktar milli neħel fejn jien.