Tag: tberfil

Ir-raġel fuq is-sur u lil hinn minnu

Is-sagħtejn neqsin għoxrin ta’ filgħodu u l-poddata ta’ Jon Mallia tinsab għaddejja taħt dan id-dawl abjad; bħalissa fid-disgħa u għoxrin minuta tagħha. Kemm hu kalm dan Matthew Caruana Galizia. Nibqa’ niskanta. Imma ejja nħallu dak il-misteru fil-ġenb.

Fl-aħħar snin il-kapaċità li ndawwar ħsibijieti fi kliem miktub, jew ejja ngħidu ittajpjat, naqsitli sew. Ir-raġuni għadni ma skoprejtiex għalkemm għandi suspett li kollox huwa frott kumment aħdar li kienet qaltli waħda mit-tfajliet li fil-passat stqarrew li ħabbewni. Biss illejla kif smajt lil Matthew jgħid “we need a cultural change”, reġa’ iċċaqlaq il-vulkan ta’ fija u ġejt sa ħdejn il-kijbord, biex nikteb u nipprova ngħaqqad kitba qasira li baqgħet fil-limbu.

Ħasra li Matthew Caruana Galizia ma jitħadditx bil-lingwa Maltija. S’issa YouTube qed jimmarka 11,126 viżwaliżżazzjoni tat-taħdita tiegħu ma’ super Jon. Probabbli dawn huma l-konvertiti Maltin li kapaċi jifhmu dak li qed jipprova jgħid. Ninsab ċert li l-Ġaħan, ossija dawk il-fidili li rrefera għalihom Zammit Lewis, lanqas tgħaddilu minn rasu jisma’ dwar il-verità ta’ dan ir-raġel. Dnub.

F’silta minn tiegħu, Jovanotti jgħid “Dicono che è vero che ogni sognatore diventerà cinico invecchiando”. Sa ftit snin ilu kont nistmerru b’qalbi u ruħi kollha dak il-vers. Illum nifhmu u nasal nassoċja ruħi miegħu. Illum iċ-ċiniżmu nsibu mediċina sabiex meta naħseb dwar is-soċjetà li fiha ruħi sabet postha f’dan il-ġisem, nikkalma u ngħix ġurnata oħra mingħajr ma neħodha wisq bi kbira.

Ilbieraħt lura inqala’ kjass dwar erbgħa idjoti li nqabdu fuq vidjo iħajjru persuna f’diffikultà psikoloġika sabiex itiha għal isfel minn fuq is-sur f’Hastings. Xi uħud ħarġu bi ħġarhom jiċċaraw li dawn huma biss ftit u li ma nistgħux ngħidu li dan huwa l-istat tal-Malti fl-2021. Fl-istess waqt fuq Facebook, Malti kwalunkwe daħal jgħajjar ġuvni li tilef ħajtu traġikament f’inċident tat-traffiku u bħala reazzjoni aktar Maltin bagħtuh jieħdu f’għoxx familtu u f’għoxx l-aħħar mejjet tiegħu. Fl-istess waqt, Caruana Galizia qed jitkellem fuq “stupidity and bribery” li tirrenja fil-klassi politika ta’ dan il-pajjiż u fl-istess waqt qed niftakar fuq kemm nies iċċelebraw il-fatt li ladarba Maltija għajjrithom, kien ħaqqha li “tinġabar biċċiet” minn għalqa fil-Bidnija. Hemm bżonn infihem il-matematika f’dan kollu?

Malta, niesha u l-kultura tagħhom huma morda. Dan il-pajjiż tnawwar fil-qalba tiegħu. Dan il-pajjiż biegħ ruħu għall-flus għax iqis il-flus bħala l-uniku valuta valida. Dik hi l-kultura tagħna. Jekk qatt ma rrealiżżajt, il-Ministeru tal-Kultura filfatt, ma jindirizza qatt il-kultura! Il-kultura mhix il-programm artistiku li organizza l-Ministru flimkien mal-Kunsill tal-Arti. Il-kultura mhix l-avvenimenti tal-Valletta 2018 jew il-VCA. Mhix is-siti restawrati mimlija monstri sagri ta’ Heritage Malta. Il-kultura mhix kunċert ta’ vjolini fit-Teatru Manoel jew xi sessjoni tat-teatru ta’ Teatru Malta. Dawn li semmejt huma biss ftit minn eluf ta’ aneddoti jew, għodda storiċi u artistiċi, li jistgħu jiffaċilitaw sabiex il-Malti jipprattika kultura animata, infurmata u kreattiva.

Il-kultura, fl-aħħar mill-aħħar hija l-kwalitajiet u drawwiet tal-poplu llum… sottomess, jekk mhux kompliċi, għall-organizzazzjoni kriminali li tmexxih. Kultura b’faqar ta’ ġudizzju kuxjenzjuż. Kultura li tiċċelebra d-donazzjonijiet sfurzati fl-Istrina. Kultura tal-politikament korrett maħduma apposta sabiex ma tħalliniex inlissnu l-verità sħiħa. Kultura ta’ artisti li lanqas għandhom ħila jagħmlu kumment kritiku kontemporanju b’xogħolom iżda jintilfu jorgażmaw bis-superlattivi għal kull idea fqira li tiġi maqsuma fuq il-mezzi soċjali. Basta jilgħaqu. Basta jdawwru tazza nero d’avola u lira. Kultura ta’ sistema edukattiva li tipproduċi ġurnalisti bla kapaċità li jinvestigaw lil hinn mill-ħmerijiet fuq Facebook u Tik Tok. Kultura ta’ nies influwenti li jibqgħu jgħidu li kollox “business as usual” li ma jmurx tikrolla l-ekonomija. Kultura tad-dnub u mhux tal-imħabba. Dik kultura: “bribery, corruption” u magħhom inżid “alienation”.

It-tama tiegħi f’dan il-pajjiż spiċċat biċċiet f’għalqa – forsi kontemporanjament mal-mewt tal-ġurnalista. Jista’ isalvana biss żmien ta’ uġiegħ psikoloġiku u fiżiku kollettiv li jħassar dak li aħna u jwellidna ġodda. “Kunflitt aħrax, gwerra qalila”. Dejjem noħlom f’dawk u fl-“ilsna twal tan-nar jibilgħu Strada Rjali”. Jista’ jsalvana baħar dmugħ li forsi jaħsel d-demm mis-semm. Forsi jinxfilna lsienna quddiem bniedem fuq xifer is-sur. Forsi nsalvaw ruħna, jekk fhimna r-regoli ta’ din il-logħoba!



L-ewwel karozza mberfla

Kienet ilha snin tberren f’rasi. Illum il-ħolma ċkejkna saret realtà. Kulħadd konxju li s-sengħa tat-tberfil qegħda, kulma jmur, tisparixxi u allura xtaqt li jien ukoll ngħin biex dan ma jseħħx. Lura fl-2003 kont tgħallimt napprezza dan ix-xogħol meta ġie f’idi l-album mużikali “Żifna” ta’ Etnika. L-idea ta’ Andrew Alamango u sħabu, li jintroduċu t-tberfil fl-aspetti mużikali, kienet laqtitni mmens, tant li fl-ewwel esibizzjoni artistika tiegħi fl-2008, kont inkludejt elementi tat-tberfil anki fil-kunest tal-arti viżiva.

Dalgħodu qbadt il-karozza u fid-9am kont San Ġiljan. L-artist Joe Farrugia mill-Qrendi, spjegali kif qagħad jispjega lill-mara li għall-ewwel darba, kien ser iberfel karozza privata. Forsi jien miġnun. Imma kultant sabiħ tkun miġnun. Kellha tkun karozza Beltija, kulur safrani tax-xarabanks l-antiki!

Joe esprima kemm -il darba li ma xtaqtx li juża l-istil l-iktar dekorattiv tat-tberfil għax ħaseb li dan jaf ma jikkumplimentax id-disinn modern tal-karozza, allura, fuq parir tiegħu, għażilna li nkunu ftit kawti u nibdew dan l-esperiment b’interventi sempliċi iżda eleganti. Apprezzajt ħafna l-ħsieb ta’ Joe sabiex jgħażel kuluri li jirrispettaw l-isfar oriġinali tal-karozza. Ma nistax ma nsemmix ukoll dik id-‘daqqa’ partikolari li juża sabiex iberfel linja jew ittra u l-mod kif b’idejh u bis-swaba iżomm il-kontroll tal-linja! Gost kbir tara l-proċess iseħħ quddiem għajnejn. Filfatt ikolli nammetti li l-ħajra li mmidd idejja, tfaċċat…

Inħeġġeġ aktar nies jikkunsidraw din id-dekorazzjoni tradizzjonali fuq il-karozzi personali tagħhom. Għal aktar dettalji, tistgħu tibgħatuli email fuq tascity@gmail.com

Ατέλειωτα Χρυσάνθεμα – Għelieqi bla tmiem ta’ kriżantemi. It-titlu ta’ kanzunetta Griega li tassew tispirani, http://tinyurl.com/ovzleca – Grazzi lill-artista Maria Pantelidou għall-kitba!
Joe Farrugia spiċċa jberfel bil-Grieg ukoll!
Ejjew tascity!
tberfil… fil-veru sens tal-kelma
Linji perfetti mpenġija bl-idejn – xogħol ta’ Joe Farrugia