Ilbieraħ kelli waħda minn dawk is-serati b’dilemmi. Żewġ stediniet, mill-aktar apprezzati, għal avvenimenti, tista’ tgħid fl-istess ħin. Bħalma saret rutina fl-aħħar sentejn, għamilt il-pjanijiet waħdi, sabiex nipprova nduq l-emozzjoni tat-tnejn.
L-ewwel mawra ħaditni sal-belt kapitali l-antika, l-iMdina. Il-vjaġġ, għal kuntrarju ta’ dak li rrakkuntaw in-nies fuq Facebook matul il-jum, kien ħafif u bla ntoppi. Inċidejt wieħed biss meta wieħed pretenda li nakkomodah u ngħatih id-dritta anki jekk kien qed jikser ir-regoli tat-traffiku u ntefa’ jsegwini, ipaqpaq u jżewwaq xi kliem li ma stajtx nifhem. Fuoco Amico I tal-Verdena tfietu u għall-mument stħajjilt qed nara xena virtwali ta’ dan jitmasħan fil-karozza ta’ ma’ ġenbi!
Ħallejt iċ-ċwievet tal-karozza lil San Pawl tas-Saqqajja u lebbitt lejn il-Palazz De Piro. Hemm sibt lill-President Emeritu Dr Ugo Mifsud Bonnici bħal donnu qed jistennieni għax kif irfist l-għatba tal-gallerija, beda d-diskors għall-ftuħ tal-esibizzjoni t’arti viżiva tal-artist Belti, bravu u ġar tiegħi Paul Caruana.
Sar il-ftuħ u qbadt indur ix-xogħolijiet ta’ Pawlu. X’naqbad ngħid?! Kull kwadru, storja; emozzjoni. Quddiem uħud xtaqt biss ninfaqa’ nibki bi pjaċir u b’nostalġija għal rakkonti li sawwru lil Belti u niesha. Stejjer li sfortunatament tul iż-żmien traskurajna u tista’ tgħid tlifna sakemm fl-aħħar snin stenbaħna u erġajna ntfajna nistaqsu suritna!
Minn lat artistiku, Pawlu Caruana huwa mastru fiż-żebgħa tal-ilma. Ħasra li hawn min jeħel quddiem din it-teknika u jikkategorizzaha bħala arti ‘inqas’ għolja minn oħrajn. Jien li għal kuntrarju ta’ Pawlu naħdem bi pniezel diġitali, nħoss li kull għodda li tintuża għal espressjoni artistika tista’ tiġġenera xogħol medjokri jew xogħol ta’ kwalità. U hawn, fil-każ tas-serje Dear Younger Me ta’ Pawlu Caruana sibt xogħol li jidħol fil-profond tal-ħajja tal-artist iżda wkoll fil-ħajja tal-komunità li fiha huwa trabba. Kif qal sewwa Ugo Mifsud Bonnici, xogħol Pawlu huwa kumment soċjali. Allura nidħak meta naħseb li kien hemm min irrifjuta li juri dan ix-xogħol bl-iskuża tal-lingwa klassika taż-żebgħa tal-ilma.
Bla dubju nħeġġeġ lil ħuti Beltin, Vallettani, sabiex isuqu sal-Belt l-oħra (hux hekk Simon?) u jgħatu titwila lejn il-ħajja u l-istejjer passati fid-Due Balli u ‘l madwar, qalb nisa, anzjani, tfal, fantasija u anki iħirsa.
Kif mistenni ma setax jonqos li nsib lil sieħbi u ex kollega George Cini f’dan l-mument. Belti ieħor jekk Alla jrid! Filfatt Pawlu Caruana kien ikkollabora ma’ George fil-kontenut viżiv tal-ktieb tant famuż ‘Strada Stretta’; il-ktieb li jiena nqis bħala l-katalist uffiċċjali tal-qawmien ta’ din it-triq. Id-diskursati ma’ George dejjem jinżlu għasel; dejjem jgħallimni xi ħaġa ġdida bit-taħdit uniku tiegħu; a-la Beltija!
Tlett ‘kriminali’ Beltin: Paul Caruana, George Cini, Pawlu Mizzi |
Sar il-ħin u kważi bħal pażtaż, sellimt lil Pawlu u George, ħadna stessu (hekk sewwa u xieraq) u ħrabt ‘l hemm. Soqt sal-iktar raħal li jdejjaqni f’Malta – Tas-Sliema u pparkjajt ġewwa l-parkeġġ tal-iskola St Patrick’s, qalb iħirsa ta’ memorji sbieħ li dejjem jitfaċċaw b’ħafna toqol meta nqarreb ‘l hemm.
Flimkien ma’ sieħbi John u l-kollega Margerita, intfajt nsegwi l-kunċert tal-artist Neil Halstead. Lil Stalko ma’ lħaqthomx; paċenzja! Għal darb’oħra l-promoturi HairyAmp ġabu ismijiet ta’ kalibru kbir u ħadt gost nara li l-udjenza rrispondiet. Jidher li l-Maltin qed jirrealizzaw u jfittxu mużika tajba dejjem aktar. Il-mużika ta’ Halstead hija raffinata; kważi kważi ironika quddiem il-karattru u d-dehra kemmxejn aktar ħorox tiegħu. Ħadt pjaċir ngħalaq għajnejja jew niċċassa lejn is-saqaf u nisma. L-inbid mill-Imdina beda jgħin iżda sa ċertu punt beda’ jtellef ukoll – l-istess bħan-nies iqumu u jpoġġu ‘l ħin kollu!
Wara xarba tajba ma’ ħabib tiegħi f’bar ikrah u bla ruħ ġo tas-Sliema, għaddejt sal-parkeġġ u soqt lura lejn il-Kapitali qalb ħsibiijiet varji u xi ftit rabja wkoll. Stramb dal-moħħ u stramba dil-qalb; bħal donnu reġa’ wasal tmiem il-ġimgħa. X’tgħamel, għażiż Pawlu!?