Tag: mużika

Għażiż Pawlu

Ilbieraħ kelli waħda minn dawk is-serati b’dilemmi. Żewġ stediniet, mill-aktar apprezzati, għal avvenimenti, tista’ tgħid fl-istess ħin. Bħalma saret rutina fl-aħħar sentejn, għamilt il-pjanijiet waħdi, sabiex nipprova nduq l-emozzjoni tat-tnejn.

L-ewwel mawra ħaditni sal-belt kapitali l-antika, l-iMdina. Il-vjaġġ, għal kuntrarju ta’ dak li rrakkuntaw in-nies fuq Facebook matul il-jum, kien ħafif u bla ntoppi. Inċidejt wieħed biss meta wieħed pretenda li nakkomodah u ngħatih id-dritta anki jekk kien qed jikser ir-regoli tat-traffiku u ntefa’ jsegwini, ipaqpaq u jżewwaq xi kliem li ma stajtx nifhem. Fuoco Amico I tal-Verdena tfietu u għall-mument stħajjilt qed nara xena virtwali ta’ dan jitmasħan fil-karozza ta’ ma’ ġenbi!

Ħallejt iċ-ċwievet tal-karozza lil San Pawl tas-Saqqajja u lebbitt lejn il-Palazz De Piro. Hemm sibt lill-President Emeritu Dr Ugo Mifsud Bonnici bħal donnu qed jistennieni għax kif irfist l-għatba tal-gallerija, beda d-diskors għall-ftuħ tal-esibizzjoni t’arti viżiva tal-artist Belti, bravu u ġar tiegħi Paul Caruana.

Sar il-ftuħ u qbadt indur ix-xogħolijiet ta’ Pawlu. X’naqbad ngħid?! Kull kwadru, storja; emozzjoni. Quddiem uħud xtaqt biss ninfaqa’ nibki bi pjaċir u b’nostalġija għal rakkonti li sawwru lil Belti u niesha. Stejjer li sfortunatament tul iż-żmien traskurajna u tista’ tgħid tlifna sakemm fl-aħħar snin stenbaħna u erġajna ntfajna nistaqsu suritna!

Minn lat artistiku, Pawlu Caruana huwa mastru fiż-żebgħa tal-ilma. Ħasra li hawn min jeħel quddiem din it-teknika u jikkategorizzaha bħala arti ‘inqas’ għolja minn oħrajn. Jien li għal kuntrarju ta’ Pawlu naħdem bi pniezel diġitali, nħoss li kull għodda li tintuża għal espressjoni artistika tista’ tiġġenera xogħol medjokri jew xogħol ta’ kwalità. U hawn, fil-każ tas-serje Dear Younger Me ta’ Pawlu Caruana sibt xogħol li jidħol fil-profond tal-ħajja tal-artist iżda wkoll fil-ħajja tal-komunità li fiha huwa trabba. Kif qal sewwa Ugo Mifsud Bonnici, xogħol Pawlu huwa kumment soċjali. Allura nidħak meta naħseb li kien hemm min irrifjuta li juri dan ix-xogħol bl-iskuża tal-lingwa klassika taż-żebgħa tal-ilma.

Bla dubju nħeġġeġ lil ħuti Beltin, Vallettani, sabiex isuqu sal-Belt l-oħra (hux hekk Simon?) u jgħatu titwila lejn il-ħajja u l-istejjer passati fid-Due Balli u ‘l madwar, qalb nisa, anzjani, tfal, fantasija u anki iħirsa.

Kif mistenni ma setax jonqos li nsib lil sieħbi u ex kollega George Cini f’dan l-mument. Belti ieħor jekk Alla jrid! Filfatt Pawlu Caruana kien ikkollabora ma’ George fil-kontenut viżiv tal-ktieb tant famuż ‘Strada Stretta’; il-ktieb li jiena nqis bħala l-katalist uffiċċjali tal-qawmien ta’ din it-triq. Id-diskursati ma’ George dejjem jinżlu għasel; dejjem jgħallimni xi ħaġa ġdida bit-taħdit uniku tiegħu; a-la Beltija!

Tlett ‘kriminali’ Beltin: Paul Caruana, George Cini, Pawlu Mizzi

Sar il-ħin u kważi bħal pażtaż, sellimt lil Pawlu u George, ħadna stessu (hekk sewwa u xieraq) u ħrabt ‘l hemm. Soqt sal-iktar raħal li jdejjaqni f’Malta – Tas-Sliema u pparkjajt ġewwa l-parkeġġ tal-iskola St Patrick’s, qalb iħirsa ta’ memorji sbieħ li dejjem jitfaċċaw b’ħafna toqol meta nqarreb ‘l hemm.

Flimkien ma’ sieħbi John u l-kollega Margerita, intfajt nsegwi l-kunċert tal-artist Neil Halstead. Lil Stalko ma’ lħaqthomx; paċenzja! Għal darb’oħra l-promoturi HairyAmp ġabu ismijiet ta’ kalibru kbir u ħadt gost nara li l-udjenza rrispondiet. Jidher li l-Maltin qed jirrealizzaw u jfittxu mużika tajba dejjem aktar. Il-mużika ta’ Halstead hija raffinata; kważi kważi ironika quddiem il-karattru u d-dehra kemmxejn aktar ħorox tiegħu. Ħadt pjaċir ngħalaq għajnejja jew niċċassa lejn is-saqaf u nisma. L-inbid mill-Imdina beda jgħin iżda sa ċertu punt beda’ jtellef ukoll – l-istess bħan-nies iqumu u jpoġġu ‘l ħin kollu!

Wara xarba tajba ma’ ħabib tiegħi f’bar ikrah u bla ruħ ġo tas-Sliema, għaddejt sal-parkeġġ u soqt lura lejn il-Kapitali qalb ħsibiijiet varji u xi ftit rabja wkoll. Stramb dal-moħħ u stramba dil-qalb; bħal donnu reġa’ wasal tmiem il-ġimgħa. X’tgħamel, għażiż Pawlu!?

Il-ħajja u l-kafé

Daqs li kieku kien l-aktar ħabib li miegħu għandi kompliċità raffinata, dalgħodu l-Facebook infurmani li tfaċċat kanzunetta ġdida tat-tant għażiż Max Gazzè. Wiċċi jieħu l-ħajja! Ara mn’alla hemm il-‘get notifications’ jew ‘know first’ għax ma taħrablix waħda. Bħalissa s-1:30 ta’ filgħodu u ma nistax nieqaf nisma dan ir-rakkont ta’ raġel li spiċċa ħareġ ta’ ċuċ grazzi għal mara li xtaq iħobb. Kultant ikolli bżonn naqta’ ftit mill-femminiżmu ta’ Consoli u għal daqshekk Gazzè jpatti; hekk sewwa u xieraq f’ġieh il-bilanċ!

Gazzè huwa ġenju fejn jidħol dak li nsejjaħlu ‘sarkażmu mużikali’. It-traġedja ta’ dan il-persunaġġ li spiċċa jiġġieled ma vuċijiet iżeffnu f’rasu u jikkontempla jtemm ħajtu (u hawn xejn ġdid) hija rrakkuntata f’kanzunetta pseudo-allegra li titolbok tqum minn bilqegħda u tintefa tiżfen sakemm tgħejja. Nota wara nota, tiżfen, sakemm fl-aħħar, hekk kif jaqa’ is-silenzju, jew jispiċċa l-kafé, bħal qisek tirrealiżża kif l-artist tmejjel bik jew kif int tant aljenat li sfajt imċewweċ ukoll; appuntu bħall-persunaġġ! Maaaa kemm hu ġenjali Gazzè!

Minjaf kemm għad iridu jiżfnu mijiet għan-noti ta’ din il-ġrajja mbikkma. Minjaf fosthom kemm nies li appuntu kienu kaġun ta’ tant uġiegħ fuq ħaddieħor.

Fi ġranet bħal-llum, niftakar meta ltqajt ma’ Max ġewwa Dar il-Mediterran u l-għada bħal fl-aqwa ħrafa ġewwa Triq ir-Repubblika quddiem l-ATM tal-Bank of Valletta. L-ispirazzjoni li jimlili ruħi biha dan l-artist hija xi ħaġa li diffiċli niddeskrivi. Klassi għalih li tassew ftit iħabbuha magħha!

U issa, bħal tifel quddiem tal-ġelat iħawwarlu tazza, nistenna bi ħġari t-tnedija tal-album il-ġdid tiegħu. Uffiċċjalment u bi pjaċir immens, niftħu s-siparju għal darb’ oħra fuq staġun ieħor ta’ mużika mill-‘poeta minuri’!

L-2014 f’mużika

Ħajti dejjem kienet ittimbrata mill-mużika. B’xi mod jew ieħor, sors jew ieħor, ħajti nista nirrakkuntaha f’diski li akkumpanjawni. M’inix dilettant tal-films u l-kotba, bi sfortuna kbira, iraqqduni. Nista’ ngħid li f’ħajti ‘qrajt’ infinità ta’ stejjer miktuba għall-finijiet mużikali. Meta kont qed nitfarfar kont fortunat li ltqajt ma’ ħafna mużika b’messaġġi pożittivi u li għallmuni nibni fiduċja fija nnifsi u nħobb kemm niflaħ. Aktar ‘l quddiem sibt awturi li rrakkuntaw ħajjithom b’enerġija u profondità liema bħalha – fejn ma sibtx kliem jien, dawn kważi kważi rnexxielhom jiktbu stejjer li bħal donnhom irrakkuntaw ħajti u s-sentimenti tiegħi. Kull kanzunetta ngħoddha daqs ktieb. Kull album, librerija.

Fir-realtà tal-llum l-inkontru mal-mużika huwa fuq livell emozzjonali. Illum naf li anki l-mużika nnifisha hija ‘kitba’ li tirrakkonta sensazzjjoni. L-“uġiegħ” li kien isemmi l-Gaġġu lura fl-2002 illum hija lingwa li nsib aktar komda minn dik tal-ilsien nazzjonali. Lura fl-istess żminijiet, is-Sur Alfred Camilleri kien qalilna “tibżgħux tammettu li intom artisti”. U hekk hu. Illum kburi li fhimt u snin ilu aċċettajt din il-‘kundizzjoni’. Kemm hi sabiħa din il-lingwa! U kemm hu sabiħ meta ssib mumenti fejn din il-lingwa hi mitkellma.

Is-sena 2014 nista’ nirrakkuntaha f’numru ta’ kanzunetti:

Ateliota Hrisanthema ta’ K.BHATA
Diska li kienet ixxerjata fuq Facebook mill-kollega Griega, Maria. Meta smajtha, xi ħaġa fija ġara. Bħal ħassejt li sibt ħoss u rakkont li jitbandal bl-istess ritmu ta’ qalbi. Għalkemm il-lingwa mitkellma ma stajtx nifimha, dik tar-ruħ u tal-qalb, fehmet kollox. Filfatt, tlabt lil Maria tieħu paċenzja bija u tgħamilli nterpretazzjoni għall-Ingliż. Bqajt sorpriż mhux ftit meta rrealiżżajt x’kien ir-rakkont f’din id-diska u ma stajtx inżomm id-dmugħ. Saħansitra ddeċidejt li ngħamel interpretazzjoni għall-Malti, li sabet ruħha, mill-ġdid, fuq Facebook.
It-titlu ta’ din id-diska għażiża issa jinsab imberfel ukoll fuq il-karozza tiegħi, bit-tama li xi darba anki jien ngħix f’għelieqi bla tmiem ta’ kriżantemi.

Heard About You Last Night ta’ Mogwai
Il-ħolm huwa dak li jżomm lill-bniedem ħaj. U appuntu din id-diska li tiftaħ l-aħħar album tal-band tant għal qalbi, Mogwai, apparti li tinstema bħal soundtrack ta’ ħolma, kienet akkumpanjament għall-ħolm ta’ din is-sena. Mill-karozza għal fuq Spotify; mill-earphones fuq ix-xogħol sal-headphones f’nofs ta’ lejl, mill-laptop għal fuq il-mobajl. F’din il-mużika sibt rilassament fi żmien il-kitba tat-teżi u sibt ukoll mezz kif nifhem lili nnifsi fil-paċi u mhux fil-konfużjoni. F’dil-mużika ħlomt bil-maġija u emmint li nista’ ngħix l-impossibbli. Hekk kif beda l-kunċert ta’ Mogwai f’Ruma u nisma dawk l-ewwel ftit noti, ma stajtx ma nħossx dexha tiela ma’ ġismi kollhu. Mument maġiku tassew!
Użajt it-titlu ta’ din id-diska bħala titlu għal rakkont qasir minn tiegħi li jinstab hawn.

Formidable ta’ Stromae
Matul din is-sena ġraw affarijiet tassew formidabbli u li sa dan il-ħin li qed nikteb, ma nistax nispjega, għalkemm pruvajt. Il-kliem qatgħu qalbhom u anki l-arti. Baqa’ biss qalbi tħabbat u tixxennaq li għadha tista’ tgħum f’tant lussu. Sa minn meta smajtha l-ewwel darba waqt Sanremo din id-diska fissret wisq!

Sete ta’ Saluti da Saturno
Kien album li rċivejt bħala rigal mingħand il-kantant Mirco Mariani. Album li akkumpanja l-ewwel xhur tas-sena b’ħafna tjubija u kebbes fija enerġija li kont tlift fis-sena ta’ qabel. Sete filfatt titkellem dwar tfittxija u stennija nfinita għal dik li tixgħel il-ħajja. Album li wasal b’sorpriża u li niżel għasel bħal tazza ilma frisk f’nofs deżert.

L’Abitudine di Tornare ta’ Carmen Consoli
Ir-ritorn tal-kantantessa ma nistax ma niċċelebrahx wara stennija ta’ ħames snin. Carmen dejjem kitbet rakkonti li għallmuni ngħix u nifhem kif għandi nħares lejn il-ħajja… b’imħabba imma b’rispett lejja u lejn il-prinċipji fundamentali tiegħi.

Out of the Black ta’ Royal Blood
L-iskoperta ta’ qabel tal-aħħar. Fiż-żmien meta ridt insib ftit saħħa, sibt din, grazzi għal share li għamel sieħbi Davide mill-istess album. Jien bħas-soltu, ridt nisma l-album kollu u din, l-ewwel track, rebħitli qalbi.

I Lived on the Moon ta’ Kwoon
L-aħħar skoperta dis-sena. Imma x’effett! X’paċi ġabitli! Bħal qisu xi ħadd ġie jwennisni f’mument fejn intfajt nibki taħt siġra f’nofs foresta kiesħa.

Diski oħrajn li ħaqqhom grazzi:

Shine ta’ Madrugada
Rapsodia Satanica ta’ Giardini di Mirò
Lover, You Should’ve Come Over ta’ Jeff Buckley
Luna ta’ Verdena

Fit-Trabokk mal-Brikkuni

Wasal Frar u apparti l-eċitament li ġġib magħha l-Festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl għalija bħala parruċċan Belti, ma nistax ma nammettix l-istennija li qed tinbena ġewwa fijja għall-inawgurazzjoni tax-xogħol mużikali ġdid tal-banda tal-Brikkuni.

27 ta’ Diċembru 2011 Is-siegħa u nofs daqqu u hekk kif niftaħ il-posta elettronika nsib daqsxejn ta’ rigal: konnessjoni sabiex biha nniżżel kopja tal-ħidma aħħarija tal-Brikkuni. Wara l-kliem li qalli Danjeli u l-entużjażmu f’għajnejh, kelli aspettattivi kbar għal dan ix-xogħol.

Imsomma, kien sieħbi Marju li hekk kif kien wegħdni ftit jien qabel, bgħatli din il-mużika sabiex ngħaddilu erbgħa kummenti lura… Għadda xahar, xahar tal-blieh, iktar mill-ikbar ċirklu li jista jarma s-Sur Said tal-Fu*jana u fl-aħħar, illum il-Ħamis 26 ta’ Jannar, bdejt nerġa nsib il-muża nikteb, le mhux dwar Franco din id-darba!

1. Ċikku ċ-Ċinkwina
Ċikku – grampun sod li faqqa ċinkwina femminili eżemplari li ħesrem inqabdu tqal bla ma ħadd kien jaf xejn! Omertà sħieħa… silenzju perfett. L-istess bħal f’ċertu stejjer traġiċi Maltin fejn twieldu leġġendi u faqqsu fatati minflok verità.

Kanzunetta bi ħsieb immensament sinjur li jixħet dawl fuq l-attitudni ta’ min jaħbi jew jgħin sabiex tinħeba verità – tant li jasal iħalli lill martu tgħereq f’inkwiet kbir anki wara mewtu. L-eżempju jkaxkar, u hekk kif ulied uliedha joħorġu jixbhu lil żewġha, Lieni tispiċċa ċċedi b’attakk f’qalbha!

2. Firien (Qattus rieqed, farka ġobon ma fadalx)
Għadda ż-żmien u sforz il-qattus rieqed, il-ġurdien ħa r-riedni f’idejh. Kollox jinqaleb ta’ taħt fuq; żarbun jidħak bl-iskarpan! Kultura li tgħalaq għajnejha għal kollox, sakemm tinduna li ġobon ma fadalx. Kanzunetta li titgħallem taprezza x-xogħol mirqum li fiha, wara ammont ta’ smiegħ.

3. Il-Gallinar tas-Sultan
B’ħoss li naraħ jixbah lil dil-verżjoni live ta’ Un Giudice u Un Oceano di Silenzio ta’ Morgan, titlu kważi identiku għall-isem tat-triq fejn noqgħod, il-memorja ħelwa tat-tiġieġa vjola tiġri qalb folla entużjasta ġewwa r-Roadhouse tal-Buskett lura f’Lulju tal-2009 u s-sarkażmu sottili u mexxej f’dan il-kapulavur ta’ ritmu u melodija – huma kollha ngredjenti li jġegħluni nħobb wisq din il-biċċa xogħol.

Mera tas-soċjetà… li nara ppersonifikata fil-kanarin li jieħu lezzjonijiet tal-kant mingħand kokka xiħa b’widnejn twal u toga qasira – li tfakkarni fil-logo tal-KSU fl-Università. Gallinar soċjalment attiv ħafna fejn tiġieġa li la hi ħamra u lanqas blu, issib ruħha ma tistax ittir sforz persunaġġi oħra li jimbuttaw flieles taħt qroqqa  u li għandhom rispett lejn il-ħotbi qaddej tas-Sultan!

Mument ieħor fejn Marju, ta’ Brikkun li hu, irrakkonta realtà politika Maltija f’metafora mimlija rix u folol għalażobbhom.

4. It-Tnejn
Ritmi għaġġelin, li bi skuża tal-ħajja mgħaġġla tat-Tnejn filgħodu, jirrakkuntaw karattru li jikkunsidra lilu nnifsu bħala tellief, “qisu iblah”, jintilef f’ħafna ħsieb, jittama li jerġa lura taħt friex sħan ma’ dik li tant ħabb. Iżda l-ħolm spiss jintemm ħesrem b’xi tpaqpiqa li taħsdek fost il-ġenn tat-Tnejn filgħodu. Kważi lanqas tinduna li huwa inti il-“mitluf” u mhux ix-xiħ jitkellem mal-kelb! Tgħid it-tapizzerija terġa tieħu l-kulur tagħha?

5. Kunsenturi
Il-Ħanina! Anki fl-iktar binja b’saħħitha, l-aqwa tikħilha, tilmaħ kunsentura!

Anki l-età hija kawża ta’ kunsenturi fiżiċi.

U hekk hu l-ħajja li ħafna drabi huwa l-bniedem stess li joħolqilha kunsenturi meta jħarbat sistemi naturali milli jgħixu kif mitlub lilhom. U hekk hu naraw lis-seqer, liebes ta’ bufula, iżoqq lill-brimba!

6. Il-Maħbuba l-Midruba
Ħoss ta’ kitarra jakkumpanja din il-kanzunetta melankonika għall-aħħar, mill-bidu sat-tmiem. B’referenzi bibbliċi kemmxejn evidenti, nisimgħu dwar dan il-karattru ta’ maħbuba midruba, tokrob fis-sirda – nistħajjilha tirrappreżenta lill-ħajja li ta’ kuljum tfakkarna li kollox u kulħadd għad jerġa jsir trab.

7. Irkotta
Rakkont ħelu ta’ grupp aħwa subien jixxenqu lejn mara għarkobbtejha waqt li din qed taħsel l-art! Lucy, mara b’doni li jattiraw lil ħafna rġiel u allura numru ta’ nisa li m’għadhomx fil-fjur ta’ ħajjithom, jgħiru għaliha! U hawn fejn titfaċċa r-risposta ħelwa ferm: “L-għalqa trid toqgħod magħha, l-għalqa trid tieħu ħsiebha!”

Innu għal pubertà, innu għall-maskulinità, innu għall-femminilità, innu għall-moħħ mehdi bil-kilbiet tal-ġisem.

8. Nixtieq
Kanzunetta li smajtha tindaqq fl-aħħar okkażżjonijiet fejn il-Brikkuni ħarġu “live” u spiċċajt ninnamra magħha sa mill-ewwel mumenti. Bħal ġuvni li jixref fuq Facebook sabiex jinnota xi tfajla gustuża u qalbu tħabbat mija mija meta jiltaqà magħha l-ewwel darba. L-istess jien u “Nixtieq”.

Kanzunetta li ġġib il-għira lil kull ħassieb u lil kull poeta. Kanzunetta li kważi teżawrilhom il-vokabularju tal-ħolm tagħhom u tirrakkuntah qabilhom!

Kanzunetta li l-aġġettivi għaliha ma jinstabux kollha fl-edizzjoni tad-dizzjunarju komplut ta’ Aquilina għaliex għadhom ma ġewx ifformulati.

Kanzunetta li tħeġġiġni nkompli noħlom iżda li tfakkarni li kultant ħolma taf tkun taħżiża fl-ilma. Kanzunetta li tħeġġiġni nonfoħ bżieżaq tas-sapun u niġri f’nofshom għal għonq it-triq iżda teħodni wkoll f’realtà fejn dawn il-bżieżaq huma fraġli u dlonk jispiċċaw biss tifkira.

Fix-xenarju tal-ilsna tan-nar jibilgħu Strada Rjali nixtieq jien ukoll inpitter dax-xejn tal-llum, jien u nikteb.

10. Sigrieti
Mas-suffara tal-kitla tgħali, forsi quddiem belà tè u mużika b’ritmu mexxej, nidħaddtu dwar is-sigrieti – parti ntegrali mix-xibka soċjali maltija. Għal darb’oħra nisimgħu kliem li b’ironija meqjusa, jiġbed is-saqajn lejn kultura li tgħallimna ngħixu f’dubji mhux f’ċertezzi. Iżda l-kor ifakkarna li din “kultura tal-gidba għal ġid”, frott il-velenu f’ħalq il-lifgħa ta’ Sawlu li ntiret biss minn numru ta’ nies qarrieqa.

11. L-Uffiċċju
Fil-bidu meta smajtha, fiż-żmien meta ġiet sottomessa għal Festival tal-Għanja tal-Poplu, ma tantx kont impressjonat b’din il-kanzunetta. Niftakarni xettiku ħafna dwarha. Illum li erġajt smajtha fil-kwiet ta’ kamarti għal darba, tnejn, għaxra, nammetti li bqajt affaxxinat bir-rakkont li jseħħ hawn; rakkont ta’ raġel malti li mxebbgħa minn xogħolu, jirrakkonta l-madwaru, il-geddum tal-imgħallem qabel jitlaq lura d-dar wara sahra twila.

U hawn fejn tinbet il-fantasija tal-awtur li jilgħab mal-ħolma ta’ ħajja li ma tintrabatx mas-sistema kiefra tax-xogħol fejn il-bniedem huwa potenzjal mekkaniżżat, f’ġieħ il-profitti.

12. Żonqor
Naslu lejn l-aħħar. Fl-aħħar! Ħin fejn nisimgħu lil Danjeli jwerżaw u allura fejn nistgħu naqbżu kollha f’daqqa mar-ritmu tat-trombi u trumbetti.

Kanzunetta li tistaqsi l-valuri bażiċi fostna l-Maltin waqt li Alla jiżfen ma’ marċ militari. Tistaqsi t-twemmin popolari tal-medja, tal-politika u tar-reliġjon – ir-rgħajja twajba li xorta jġorru bastun!

Fl-aħħar hemm ċans issib ruħek eżawrit; jew għax żfint iżżejjed jew għax skoprejt li int ukoll għandek xi valur li tajjeb tindirizza!

13. Tiddi ix-xemx fuq din l-għodwa moħlija
Kif tista tikkummenta l-benna tal-arti? Kapulavur fil-kitba u fil-mużika, li b’seħer liema bħalu jirrakkonta sbieħ ta’ jum xemxi u hiemed mill-kamra tas-sodda, fejn filwaqt li l-maħbuba tinsab rieqda, l-awtur jirrakkonta ż-żmien li qed igerbeb minn fuqu. Ninża l-kappell u ma nerġax nilbsu!

7 ta’ Frar 2012
– Fadal biss 3 ijiem stennija għal famuż avveniment meta Brikkuni joħorġu bit-Trabokk fil-pubbliku. Sadattant, iktar kmieni ippubblikaw vidjo miġbud fil-librerija pubblika ta’ Beltissebħ bil-protagonista Ġuże Stagno, għall-kanzunetta “L-Uffiċċju” u dan jidher li diġa sewa ta’ ħatab għan-nar li qed jikber ġmielu għall-avveniment tas-Sibt.

5.20 ta’ filgħodu – qed nerġa nisma “Nixtieq”… iva – nixtieq immur norqod issa, fil-fond. 

12 ta’ Frar 2012 – Nammetti li l-Brikkuni ma narahomx f’posthom fuq palk għoli, kemmxejn maqtugħa mill-udjenza. Biss, wara it-tieni debutt għal Yasmin Kuymizakis flimkien mal-grupp tagħha YEWS (b’James u Hagen) u t-togħma tajba li ħallew warajhom, Brikkuni, frott l-esperjenza issa twila tagħhom, ippreżentaw serata li tassew qabdet lill-udjenza ħelu ħelu ġot-Trabokk.

Serata li rat it-tmiem tagħha b’riviżitazzjoni ta’ xi kanzunetti minn Kuntra Banda u b’assedju uman fuq il-palk, bi ħlejjaq umani li ma felħux ma jiċċelebrawx huma wkoll il-kbir Gadazz.

Huwa fatt krudili li fost udjenza ta’ 1000 ruħ, tibqa ssib dawk il-ħafna li ma jgħamlu xejn ħlief ipaċpċu u jtellfu mill-ħafna gost tal-mużika ħajja. Filwaqt li barra nfetħu bwieb is-sema, fit-tielet sular tal-blokka l-Belt kien hemm elf ruħ jiċċelebraw ir-ritorn tal-Brikkuni fit-teatru taz-ZOO – Is-City Theatre.

Serata ħelwa mgħoddija ma nies sbieħ ħafna. 

1.00 ta’ filgħodu – wara diskursati ħelwin ma’ varji ħbieb u persunaġġi, ngħatu daqqa t’id sabiex l-istrumenti jsibu triqthom lura lejn id-dar.

2.30 ta’ filgħodu – Gerrem il-plastik, ixref fil-kummenti u hemm hi s-sorpriża finali! Sabiħ li għal darb’ oħra issib ismek (u anki laqam) fuq il-kopertina ta’ biċċa xogħol ta’ banda Maltija. Nammetti li nħsadt imma ser norqod bi tbissima wiegħsa. Grazzi lura lill-Brikkuni. 

3.30 ta’ filgħodu – L’hena tiegħi ngawdi l-lejl. Issa hu il-ħin li nippubblika dan il-kumment dwar it-Trabokk. Wara tant stennija, hawn hu għalikom!

Il-logħba tad-Dinja – kummenti dwar Jovanotti

Illum erġajt żlaqt fil-maġija tal-mużika fl-aħħar żewġ albums ta’ Lorenzo Cherubini, magħruf bħala Jovanotti. Għalkemm mhux essenzjalment l-istil li nfittex li nisma normalment, il-passjoni u l-kultura li jitrasmetti f’dawn l-aħħar xogħolijiet tibqa’ temozzjonani. Illum ħsibt li nikkummenta fuq erba’ kanzunetti mill-aħħar album Ora.

Nammira lil Cherubini bħala raġel li minn DJ essenzjalment patetiku ta’ għeluq is-snin 80 b’successi mużikali inutli bħal Gimme Five! jew La mia Moto, illum qiegħed jirrakkonta l-esperjenza tal-ħajja; illum qed jiftaħ l-ixkora li fiha ġabar l-esperjenzi, jgħodos fiha u jiġbor perli minn qiegħ essenzjalment mistur.

Nibda bil-kanzunetta Quando sarò vecchio li b’mod mexxej u stil folk, tirrakkonta l-ħajja minn għajnejn ex-suldat, li fi xjuħitu, jiftaħar bih innifsu ‘il-mhux mirbuħ’, kultant bi ftit suppervja u jirrakkonta dak li għadda mingħalih. Jinduna b’min ma jridux ħdejh u b’min jirrispettah! Jiftakar li l-iktar ħaġa sabiħa fil-ħajja hija meta xi ħadd tah xi ħaġa li sal-aħħar baqgħet tiddi fih. Jinduna wkoll, b’mod drammatiku, b’kull qatra li timmarka l-ħin għaddej – sakemm tgħaddi stilla li ssejjaħlu magħha.

Amami – Kanzunetta dwar l-imħabba espressa bis-sess… li meta taqra certu partijiet tal-lirika, tħoss li din tgħaddi żbrixx mal-livelli censurabbli. Miktuba b’mod mużikalment kummercjali tant li kważi kważi tistħajjel lil Bay Radio, Smash, Xfm u Alfie Fabri jdoqquha; biss wara kull sekonda, tħoss li l-mużika b’dar-ritmu hija mera tar-ritmu fiżiku; l-istess dik ir-ripetizzjoni għal ħames darbiet fil-kliem “Amami, amami, amami, amami, amami” u “ora e ancora”

Il-laqta ta’ poeżija fil-kliem li jitkellmu dwar sakra, l-univers, barra u ġewwa, għaraq u rwejjaħ, tgħamel id-differenza kollha mill-medjokrità ta’ kanzunetti kummercjali oħra li jitħaddtu l-istess tema.

Kebrillah – Naħseb anki Pawlu l-Pampalun isibha difficli joħloq ftuħ spettakoluż daqs il-ftuħ ta’ din il-kanzunetta. Kif xi ħadd ikkummenta fuq YouTube, kanzunetta nkredibbli meta tindaqq live. Nista biss nimmaġina l-enerġija li ġġib magħha fost il-folol!
Ngħalaq b’kumment dwar La porta e’ aperta. Rakkont intelliġentissimu imma semplicissimu dwar il-ħajja f’metafora ta’ bieb miftuħ. Esperjenza li fiha ngħamlu żbalji u ngħixu jum wara jum sakemm nilħqu l-milja tagħna. Ma hemmx xi żżid ma’ din il-poeżija:

Il mio naso non vede i colori. I miei occhi non sentono i suoni.
La mia mano non sente i sapori. La mia bocca non sente gli odori.
Ma la voce che soffia nel vento – io, la sento.
La risposta che soffia nel vento – io, la sento.
La sento.
e la pioggia che cade – la sento.
i sentieri e le strade – la sento.
è qualcuno che ride

La porta – è aperta.

Ho studiato le rondini in volo per comprendere il loro alfabeto.
Segatura per terra nei bar ha formato il mio fiuto.
Se passate da casa dei miei dite loro che è tutto perfetto
ho commesso le solite colpe da carenza o da eccesso d’affetto.

La tristezza è un ricatto è il delitto perfetto
cha fa vittime più della peste e non desta sospetto.
Per la fine del mondo è prevista una festa che inizia da ora
Puoi venire vestita così oh mia bella signora

Nażżarda niddeskrivih bħala l-poeta Taljan tas-seklu l-ġdid. Għalkemm fuq vena kompletament differenti minn dik tal-idoli Taljani tiegħi bħal Morgan, Consoli u Battiato, ma nicħadx li nammira l-kapacità li juża lingwaġġi varji, fosthom dak kummercjali sabiex iwassal il-messagg, mingħajr ma’ jitradixxi l-mużika li tant hi għal qalbu.

Ngħir għall-vjaġġ immens li diġà vjaġġa dan is-“sinjur”. Vjaġġ deskritt metaforikament f’Il Gioco del Mondo; li probabli hija l-iktar kanzunetta minn tiegħu li daqqejt dan l-aħħar sentejn u li hi meħudha mill-album ta’ qabel dan bl-isem ta’ Safari. Kanzunetta partikolari li nħalli lilek tisma, tiskopri, tifhem u tinterpreta.