Sindikajr

Il-qaddisin ixxabtu mal-kantunieri. Kif jgħidu, kulħadd sindikajr. Il-kelb nebaħ u smajna l-eku jgħarrax ‘il Gardjola. Kristu msallab f’niċċa roża ’l bogħod minn ommu xtaq ċikkulata mgeżwra fid-deheb hekk kif lemaħni ngerrem l-aħħar xifer tal-lewża. Passjoni.… more

Għajjejt

Għasfur tal-bejt;
Għajjejt,
nittajjar ħafif,
nistenna t-tqaħqieħ jgħib.

Għajjejt b’dil-qalb,
li tħobb lil għajrha
bħalha nnifisha.
Nixtieq naqlaha,
narmiha u nirfisha.

Għajjejt.
Kif nitbissem insejt.
Forsi niftakar ma ndumx
qabel jiksaħ it-té.

Gezi

Imħabbta t-Turkija
Filosofija.
Il-għodwa,
il-lejla.
Il-għodwa,
mhix Maltija.
Gallarija.

Fil-baħħ

Fil-baħħ, taħbit qalbek
u l-kitarra tal-Verdena
Fil-baħħ, qanpiena tal-gmail,
ħabib qed jismagħni.
Fil-baħħ, ħsieb dwarek
qed jifgani.

Fil-baħħ, vapur iredden
u t-tnehida ta’ Katrina
Fil-baħħ tanbur ma’ qalbi,
ħoss riħ tal-plastik.
Fil-baħħ, sħana deżert
u kesħa Ingliża, jitbewsu.

Fil-baħħ, il-muża.
Fil-baħħ, l-uċuħ.
Fil-baħħ, il-baħħ.

Veronika

Timsaħlix wiċċi
biex tgħidli li tħobbni
u titlaq;
tħallini waħdi
mgħobbi b’salib.

Timsaħlix wiċċi
biex tgħidli li tħobbni
u tifraħ
b’maktur satin
mimli dmija.