Tag: festa

Missier il-Maltin

Għaddiet festa oħra u uħud minn sħabi diġà ġiethom l-ispirazzjoni jiktbu kelmtejn u jiżżu ħajr lil min jistħoqqlu. Jien stenbaħt f’nofs ta’ lejl u intfajt inġedded il-memorji ta’ dawn il-ġranet tal-ġenn, imma ninduna li mpossibbli tlaħħaq: kummenti, ritratti, vidjos, artikli online, tags u varjetà ta’ ħoloq oħrajn. Lili saħansitra kwotawni ta’ LovinMalta bir-ritratt “Ibda għodd”! Għadni mpressjonat bis-sett ritratti ta’ Sebio Aquilina u vera qed nistenna bi ħġari x-xogħol ġdid ta’ sieħbi Carl Farrugia! Ħafna u ħafna materjal ta’ reazzjoni li tassew ifakkarni li dak ix-xogħol kollu ta’ matul is-sena, għandu skop tajjeb u wiesgħa. Skop li anki jekk mhux kulħadd jasal jinterpreta fil-qofol sħiħ tiegħu (għax mhux faċli), xorta waħda għandu effetti kollaterali mill-aktar sinjuri.

Ritratt ta’ Carl Farrugia

Ħadd ma jista’ jiċħad li l-missjoni tagħna l-Pawlini li nfakkru lill-poplu Malti dwar din il-ġrajja li tassew seħħet f’Malta, nisġet u għadha tinseġ l-identità u l-kultura ta’ poplu fuq ħafna livelli fosthom dak reliġjuż, spiritwali, politiku u soċjali. U għalhekk li l-Pawlini jħossu mhux biss pjaċir iżda wkoll responsabbiltà fl-organizzjoni ta’ dan l-avveniment.

Dejjem nieħu pjaċir nara kif nies li jiġu għal din il-festa għall-ewwel darba, ma jieqfux jikkumplimentaw. Kulħadd imur lura b’qalbu tħabbat ftit iktar ikolli ngħid.

U jien? Ilbieraħ bkejt quddiem Pawlu; mhux għax irrid wisq jien! Għall-grazzja t’Alla, il-Mangion biss induna u ta’ ġentlom li hu ġie tani tgħanniqa. Bkejt b’riżultat ta’ rabja u pjaċir li ltaqgħu fl-istess mument. Rabja dwar ħolm li jibqa’ ma jirrealiżżax ruħu, u dwar mistoqsijiet li għadhom u ser jibqgħu għal dejjem mingħajr risposta. Fl-istess waqt il-pjaċir b’festa li ġġib il-ħajja u b’komunità ħelwa li fl-aħħar qed terġa’ toħlom.

Wara dawn il-ħafna posts sbieħ fuq il-mezzi soċjali hemm rakkonti ta’ sfidi kbar. Hemm grupp ta’ nies li jaqdfu kuljum, idaħħlu idejhom fil-but, jiddedikaw ħinhom u jissagrifikaw lilhom infushom u lill-familji tagħhom. Wara t-tlellix tal-posts fuq Facebook, hemm laqgħat, wara laqgħat, wara laqghat. Hemm diżgwidi, hemm feriti, hemm persuni li jaħdmu għar-rikonċiljazzjoni, hemm suċċessi kif ukoll diżappunti.

U ħabib tiegħi qalli: “dawn il-festi m’għandekx bżonnhom. San Pawl bik u mingħajrek xorta ġie u telaq”. U hawn il-bużillis. Għax aħna l-Pawlini mhux talli nemmnu li San Pawl wasal fuq din l-art iżda nafu li għadu hawn, magħna, fostna, fina. Kif? Sempliċi.

San Pawl wasal għandi permezz ta’ missieri Vincent (aka Ċensu) li żgur ma jridhiex ta’ qaddis miexi fuq l-art iżda li fis-silenzju, u forsi bla ma jaf, dejjem urieni u għadu jurini li dak il-prinċipju Pawlin ma tgħixux biss billi mis-26 ta’ Diċembru sal-10 ta’ Frar, iddoqq l-marċi tas-Società La Valette fuq volum li jtarrax, imma billi fis-siegħa tal-prova, tkun hemm. U Ċensu dejjem hemm kien u hemm għadu, avolja mbenġel bid-daqqiet ta’ ponn tal-ħajja.

Ritratt ta’ Sebio Aquilina

U jekk wasalt s’hawn u mingħalik li dan it-tip ta’ raġunament nasal għalih jien biss, nassigurak li sejjer żmerċ bil-kbir. Ejja hawn, tkellem man-nies u għodos fil-fond ta’ twemminhom u l-kultura tagħhom, u forsi tibda tifhem li San Pawl m’huwiex biss vara tal-bliegħ għalina l-Beltin. Il-grigal, is-sikka, in-nawfraġju, il-pruwa mwaħħla u l-poppa mfarrka, l-għawma u l-ħelsien mill-għarqa; huma metafori misluta minn rakkont veru. Metafori li jtuna skop u tama f’ħajjitna. U ta’ dan aħna nafu li fortunati.

Grazzi? Hemm wisq. Imma b’mod spontanju jiġuni ftit grazzi li nixtieq niddokumentahom għal dejjem hawn. Żgur mhux forsi, lill-arċipriet Dun David John Cilia li laqagħni, anki fuq livell personali, b’rispett liema bħalu. Grazzi għall-enerġija, serjetà u tbissima li ġibt miegħek. Naħseb irċevejna rigal kbir din is-sena! Grazzi wkoll lill-assistent tiegħu Dun David Torpiano, bniedem kolt u li wassal ċertu serenità bl-istil ta’ ħidma tiegħu. Tassew żewġt irġiel li jispiraw.

It-tieni grazzi tmur għal dawk il-ħabbrieka ta’ wara l-kwinti li rari jaqilgħu “grazzi”. Hemm kwantità imma fuq livell personali nirringrazzja lil Martin Gravina u Louise Fenech li bil-karattri uniċi u kkuluriti tagħhom, huma ta’ ispirazzjoni kontinwa.

It-tielet grazzi tmur lill-Għaqda tal-Pawlini; li dis-sena qed tiċċelebra l-ħamsin sena mit-twaqqif tagħha; kumitati, fergħat u membri attivi. Għandna wisq ġmiel bejnietna – u dawn ir-riżultati huma xiedha – ejja nibqgħu nibżgħu għalih! Grazzi kbira mmens lis-Segretarju u ħabib Douglas li għalkemm kellu kull raġuni sabiex iwaqqaf jew inaqqas il-kontribut tiegħu fl-aħħar xhur, baqa’ hemm bis-saħħa u kkonferma dak kollu li ktibt jien hawn fuq. Għax anki hu kellu gwida soda li għaddielu valuri li ma jħassarhom ħadd u qatt.

L-aħħar grazzi lil Ċensu, missieri. Dan ir-ritratt miegħu quddiem dak li hu semmieni għalih u laqqani miegħu sa minn meta kelli 15-il jum. Grazzi ta’ kollox pa.

Ritratt grazzi lil Carl Farrugia

Ħajtek mhix dwarek

Għaddiet il-Festa. Kemm jien kburi! U kemm emozjonijiet jibqgħu! Kemm riflessjonijiet, xewqat, dubji, taħbit tal-qalb, eċitament. Fit-3:15 ta’ filgħodu qalb il-mard li fl-aħħar qed iċedi, tiġi din il-muża tokrob sabiex tinkiteb. Il-kitba hija passjoni u għalkemm kien hemm min iddejqu u min ħaseb li nużaha biex nimpressjona, ma niċħadx li hija fost l-isbaħ duwa li nsib għall-uġiegħ li kultant inawwar din l-eżistenza. U għalhekk nikteb ma niqafx.

Ritratt għażiż meħud minn Carl Farrugia
Dik il-vara tal-Gafà rajtha tibdel l-espressjoni hekk kif sabet postha lura fil-Knisja. San Pawl tbissem. Forsi lili jew forsi lilna kollha; l-imġienen li nħaqqu kollox sabiex dan l-avveniment jibqà jsir. Imma ejja ngħidu li għal darba, Pawlu tbissem lili biss.

Kemm nixtieq li dik il-vara tista’ titkellem! Konvint li nduna bid-dmugħ imdendel li kelli hekk kif bdiet il-purċissjoni. Konvint li semgħani nkellmu qalb il-ħafna għajjat. Tgħanniqa kienet tinżel għasel. Ilbieraħ waqt live fuq Facebook, Fr. Karm spjega kif Pawlu għex kriżi wara li kkonverta. Kriżi ta’ proċess mudlam li kissirlu kull twemmin u ċertezza li kien ilu jrawwem minn ċkunitu. U allura min jien jien biex niddetta dak li rrid? U dak li rrid x’inhu? Il-fejqan fiżiku ta’ persuni li nħobb daqs dawl għajnejja? Ir-ritorn ta’ imħabba li emmint fiha? Forsi dawk. Ftit sekondi wara nirrealiżża jien stess li huma mpossibiltajiet li għalxejn nixxennaq għalihom.

“Meta mbagħad sebaħ, l-art ma għarfuhiex, lemħu biss bajja bi xtajta fiha, u qatgħuha li, jekk jista jkun, jitfgħu l-ġifen fuqha. Irħew l-ankri u telquhom il-baħar, u ħallew ukoll l-irbit tat-tmun.”

Waqt li Gabriella Agius kienet qed taqra r-rakkont spettakolari tal-wasla ta’ San Pawl f’Malta, laqtuni dawn il-frażijiet apparti l-mod eċċellenti kif qrat is-silta. Hekk kif ħadu deċiżjoni, irħew kollox… it-toqol u l-irbit… iċ-ċertezzi. U erġajt ftakart fil-kanzunetta ta’ Fabi, Vince chi molla.
Ftakart ukoll kif ftit jiem ilu sieħbi qalli sabiex meta nitħadded ma’ dak li “aħna għalih u tiegħu”, infakkru sabiex jieħu r-riedni f’idejh. Qalli biex meta nitolbu hekk, nemmen u nerħi t-tmun jien ukoll. Kultant nirrabja għax inħoss li xbajt u għajjejt inċedi. Xbajt u għajjejt nisma’ kliem ta’ tifħir iżda naqla’ id-daqqiet għall-istess raġuni. Xbajt u għajjejt niltaqa’ ma nies li jibżgħu jkunu veri, imqar lejhom infushom. 
U għalhekk l-ammirazjoni sħiħa lejn Pawlu u ħadd iktar. Pawlu li jġorr profil ta’ bniedem supperv – mhux ta’ qaddis tajjeb. Pawlu għaraf juża r-ras iebsa li kellu sabiex, kif spjega Karm, ħajtu ma tkunx gidba, ma tkunx dwaru iżda dwar xi ħaġa ikbar minnu: l-imħabba. Il-ġifen tfarrak iżda hu le. L-ebda tempesta ma rnexxielha twaqqfu – pjuttost bil-kontra!

Tisbita tal-beati paoli

Reġa’ wasal il-25 ta’ Jannar. Miegħu ħafna ħsibijiet u sensazzjonjiet kontrastanti. Qabel l-ewwel ħjiel tal-għodwa, innutajt lil sħabi jippostjaw ritratti marbuta mal-konverżjoni ta’ Pawlu fuq Facebook. Illum għal ħafna Pawlini jiftaħ is-siparju fuq il-festi sbieħ li jġeddulna memorja mgħoddija lilna mingħand missierna, in-nannu u l-bużnannu. Memorja li huma, f’xifer tal-arblu familjari, talbuna nkomplu ngħaddu, kif twassal lilhom.

Filwaqt li nista’ ngħid li Jeremy il-Juventin rebaħ l-isfida għall-isbaħ ritratt, (u hawn se jifraħ li l-Juve jirbħu kollox) ħsibt li jien ta’ Milanist umli, stajt nesprimi ħsibijiet billi nerġa’ inħażżeż erba’ kelmiet minflok.

Fl-2013 u fl-2015 ktibt dwar il-konverżjoni. Kunċett li jaffaxxinani wisq għal raġunijiet li lanqas jien għadni qatt ma għoddejt. Mhux ser nirrepeti dak li kont diġà ktibt.

Ritratt ta’ Jeremy Agius

L-immaġini romantika jew romantiċiżżata ta’ Sawlu jinstabat minn fuq żiemel għalija tfisser li l-konverżjoni mhi xejn ħlief tisbita tal-beati paoli, dlam u nċertezza b’mistoqsijiet bħal “min int?” u “fejn se mmur?”.

Il-konverżjoni tfakkarni fil-bżonn imminenti ta’ umiltà. Il-bżonn li nieqfu nirkbu żwiemel jew nitilgħu fuq pedestalli biex mingħalina naħsbu li sirna xi ħadd importanti u ta’ poter. Kif fakkarni sieħbi Mario lbieraħ, “kulħadd six feet under sejjer”. Illum jew għada.” Konverżjoni hija l-bżonn li nifgaw ix-xewqa spiss ħelwa ta’ dak li fil-verità nafu li huwa tossiku.

Il-konverżjoni tibqa’ tfakkarni, anki meta ma jkollix aptit niftakar, fil-bżonn tat-tjubija – dik li kontinwament teħodni fejn inweġġa’ u ssabbatni bħal dawl jgħammex. Li mhux jien niddeċiedi iżda li b’umiltà nimxi lejn sejħa. Dik li kull bniedem jista’ jsib biss fil-ġewwieni tiegħu u mkien aktar.

J’Alla ma nkunx trux.

Il-Kultura taċ-Ċelebrazzjoni – Tislima lill-Belti Godwin Scerri

Godwin. Jew kif qal Fr Michael, Alla jirbaħ.
Godwin Scerri. Jew kif sejjaħlu Fr Michael, Godwin Festa.
Ċelebrazzjoni.

Godwin Scerri – Valletta. R.I.P.

Ma kontx ili nafu wisq lil Godwin. Naħseb ftit iktar minn sentejn.
L-ewwel darba li nnutajtu kien fil-ħidma tiegħi ġewwa d-Dijuballi. U kif stajt ma ninnutahx? B’erba’ kelmiet qawwija kien qed jiġbor madwar 50 tifel u tifla sabiex, qalb id-diffikultajiet kollha, jieqfu mill-ġiri fit-toroq u jinżlu flimkien miegħu sa Sant Iermu, fejn hemm kien joffrilhom għexieren ta’ modi kif jitgħallmu xi sengħa marbuta mal-Karnival.

Ilbieraħ l-istess tfal, kienu hemm, għall-funeral, bla ħadd ma kellu għalfejn isejjħilhom. Fosthom rajt uħud jolfqu fid-dmugħ u ġabuli qalbi tikka. L-istess ġrali kif ilmaħt lil Pawlu l-Pampalun jolfoq. Għax meta tintmiss il-qalb, joħorġu d-dmugħ bħal f’barka. Bħal ħasla purifikatorja għar-ruħ.

F’sentejn Godwin għallimni bi ftit kliem. Għallimni b’ħafna u ħafna fatti. Għallimni mingħajr ma tani lezzjonijiet. Għallimni billi stmani ta’ xi ħadd bħalu. Mhux iktar u xejn inqas.

Għallimni li mexxej huwa dak li minn fuq siġġu (fil-każ tiegħu, tar-roti) jispira u jidderieġi. Mexxej huwa dak li jagħraf lin-nagħaġ tiegħu b’isimhom, iġiżżhom meta hemm bżonn u jirgħahom sabiex minnhom joħroġ l-aħjar.

Għallimni li tislima ma tqumx flus. Rari kienu d-drabi li minħabba l-problemi li kien għaddej minnhom ma sejjaħlix hu. Mill-bqija, eżatt bħalma ġara s-Sibt li għadda, jilmaħni għaddej mifluġ ħsibijiet u jsejjaħli b’ismi “Pawlu” u jsaqsini “kif int sabiħ?”.

Għallimni li mexxej tajjeb jiġbed lejn il-familja tiegħu b’imħabba. Mhux l-ewwel darba li talabni xi għajnuna sabiex il-familja tal-Karnival tad-Dijuballi ssib post denju fejn tmidd rasha. Mhux l-ewwel darba li talabni sabiex inwassal il-messaġġ ‘l fuq. Mhux l-ewwel darba li talabni… dejjem għal xi raġuni li kienet tqanqlu. Kliemu dwar il-komunità tad-Dijuballi ma kien xejn frivolu. Mimli passjoni.

Għallimni li mexxej tajjeb jirrispetta oħrajn. Kien Godwin li wara li sar jafni u nnota l-passjoni tiegħi lejn San Pawl, bgħat lill-ibnu iġibli xi ħaġa li kien żamm apposta għalija. Qalli “bħal dan mhux ser issib”. Kien kalendarju fuq il-qasab li jirraffigura lil San Pawl fl-istatwa tant għal qalb ħafna Beltin – dik tal-Gafà.

3 ta’ Marzu 2017 – Godwin għoġbu jwarrabli u jirregalali dan il-kalendarju

Għallimni ninnota s-sbuħija f’ħarsa jew f’kostum. Għallimni li mexxej tajjeb, jaf li huwa mexxej u allura jmexxi. Juża leħnu. Jgħolli l-volum tal-vuċi skond il-bżonn u jara li kulħadd jisma’ u jifhem.

Naħseb l-akbar memorja ta’ Godwin kienet dik li rrealiżżajt illum fi kliem Fr Michael. Godwin dejjem ried jiċċelebra. Għax dak huwa l-Belti vera. Bix-xalla tal-Palestina ma’ għonqu, Godwin ried jiċċelebra lit-tfal tad-Dijuballi, mimlija talenti u b’karattri mimlija esperjenza. Lill-għażiża ommu u lill-familja tiegħu. Lill-familja Beltija meta tkun rebbieħa fil-ballun. Il-kultura Beltija.

11 ta’ Marzu 2018 – Godwin ġewwa Ta’ Qali – lest sabiex niċċelebraw!

Ried li nieqfu nitbikkmu, nipparteċipaw u mmiddu jdejna. Ried li permezz t’hekk, min imexxi jemmen fit-talba tiegħu għal-aktar rispett lejn il-Beltin. Ħasra li l-biżà tiegħu li Sant Iermu ser jittieħed lill-Beltin u mill-Karnival, qed titħawwar f’realtà li ser tifga l-ħolm ta’ dan ir-raġel kemm f’ħajtu u kemm wara mewtu.

Godwin ried li anki jekk mifluġin bil-mard, nafdaw f’Alla dejjem u noħorġu nifirħu b’dak li għandna u niċċelebrawh flimkien. Ried li fid-diffikultà u bid-difetti kolla tiegħu, ikun b’xi mod influwenza pożittiva lil ta’ madwaru.

Naħseb int li qrajt s’hawn, taqbel miegħi jekk ngħid li rnexxielu mija fil-mija!

Grazzi l-Iljun! Ħu ħsiebna – kif tlabtek is-Sibt li għadda. Narak!

#familja

Il-ħajja hi li hi. L-aħjar deskrizzjoni li ltqajt magħha sal-ġurnata tal-llum, hija dik tal-assurdità kif deskritta minn Camus fil-kitbiet tiegħu.

L-assurd illum insibu jiżfen madwari. Kultant meta jistedinni għal birra, insellimlu, nieqfu ngħidu kelma u nnaqru xi ftira – bħal dik tal-bieraħ għand iċ-Ċaċċu. Nitkellmu dwar familti; ommi u missieri li tant offrewli mħabba, bil-modi partikolari tagħhom. L-assurd jafhom sew kemm lilhom u kemm lill-modi tagħhom. Illum li ommi hija mifnija b’marda, appuntu assurda, id-dinamiċi tal-ħajja u tal-familja tħarbtu mill-bażi. Ħolm u idealiżmi jiddendlu minn rashom f’xifer ta’ sur, kuljum. Sa mn’alla nsib lili nnifsi sħiħ quddiem tant vojt u inkapaċità.

Twieldu mistoqsijiet u faqqsu risposti li l-assurd biss kapaċi jfhemni kultant. Lezzjoni kiefra li bħal ħafna oħrajn f’ħajti ħadtha iktar kmieni minn meta normalment wieħed jippretendi. B’mod awtomatiku tikber xewqa ta’ wens, ta’ mogħdrija – imqar minni nnifsi. Xewqa wkoll ta’ enerġija u motivazzjoni sabiex din il-konverżazzjoni mal-ħajja nkun kapaċi nlestiha. Konverżazzjoni jew logħoba, bla regoli, bla rebbieħ, iżda bi proċess li jsawwar u jsajjar.

Fl-aħħar ġranet sibt dan kollu fi grupp ta’ ħbieb li jidentifikaw ruħhom f’San Pawl. Il-Pawlini tal-Belt Valletta. Meta nixħet ritratt fuq Facebook, sirt inħobb nuża l-hashtag #familja għax appuntu sibt wens, enerġija u motivazzjoni f’dawn in-nies; fil-ħolm umli iżda sinjur tagħhom li jferrħu komunità ta’ ħafna iktar nies b’ġesti kreattivi, b’tiżjin, kulur, mużika, dwal u ħsejjes. Nies li għalkemm ma jġorrux bagalji mimlija ċertifikati, kapaċi jagħtuk kollox; jagħtuk qalbhom. Nies li anki jekk ma jkunux fil-qalbha tal-familja, għax il-ħajja tkun ressqithom xi ftit lil hinn, issibhom hemm; forċina.

Huwa appuntu spazju familjari fejn il-kult u l-kultura Pawlina, ituna identità bbażata mhux fuq statwi, vari, u tiżjin iżda fuq ideoloġija ta’ persunaġġ li wara żmien ta’ bidla qawwija, fejn immedita l-identità tiegħu, mar xandar l-imħabba, il-lealtà u l-valuri kull fejn terraq. Għal kuntrarju ta’ dak li ħafna jistgħu jaħsbu, huwa appuntu dan il-valur li jżomm il-komunità magħquda. Għalhekk Pawlu jiġi ndirizzat bħala missier. Għalhekk nuża l-hashtag #familja.

Quddiem l-assurd, insib motivazzjoni fix-xewqa ta’ Pawlu li jgħix imħabba li tistabar u tħenn, ma tgħirx, ma tintefaħx, ma titkabbarx, ma tinkorlax, ma żżomx f’qalbha għad-deni u li bħal belha, tifraħ bil-verità, tagħder, taħfer, temmen, tittama u tissaporti. Dan l-idealiżmu f’Pawlu jibqa’ tama kontinwa f’kull diskursata mal-assurd. Dan l-idealiżmu ta’ Pawlu, jimlini paċi u jgħini nnixxef id-dmugħ. Sadattant nordnaw birra oħra… Grazzi #familja!

Xebbagħni San Pawl!

Xebbagħni San Pawl!
Xhur ta’ ħidma sfieqa, u llum jumejn qabel nharu, xejn ħlief xita! Anki tal-Uffiċċju Meterjoloġiku ma ġabuhiex żewġ – skonthom ma kelliex tinżel xita wara ċertu ħin.
Xebbagħni San Pawl!
Il-kollega jibqa’ jargumenta li dan Pawlu qatt ma rifes Malta wara kollox u li dan kollu huwa ferħ bażwi ta’ erba’ fanatiċi.
Xebbagħni San Pawl!
U minjaf? Forsi għandu raġun sieħbi jgħidli nimraħ lil hinn mid-dinja parrokkjali…
Xebbagħni San Pawl!

Dettall minn ritratt ta’ Paul Xuereb

Baħrin tal-maltemp isibuna. Għax fix-xita xorta ssibna hemm, infakkru din il-ġrajja. Nifirħu li minn maltempata qalila wasal persunaġġ storiku li sejħilna Maltin. Maltin pinnuri, li l-ewwel nattakkaw lill-qattiel imma fi ftit minuti nsejħulu “alla”.

U b’dik l-ewwel deskrizzjoni li qatt inkitbet dwar il-Maltin, jien ftit jifdalli dubji dwar fejn rifes il-miġnun Pawlu. Mhux hekk il-Maltin? F’mument jgħolluk iżda mal-ewwel ċans jagħmluk tapit jew jarmuk. F’mument jiċċelebraw kampanji ta’ twemmin mod u ftit snin wara ssibhom ħara, isuqu l-karru oppost! F’mument jiċċelebraw il-kultura u fl-istess waqt issibhom ikissru dak li kulturalment iseddaqhom. F’mument jippriedkaw valuri u ftit wara ssibhom ibaxxu rashom għal min lest iqaħħab, ikasbar u jkisser kull element storiku-kulturali li sawwar l-identità ta’ familtu. F’ġieħ il-flus jew l-injoranza!
Xebbagħni San Pawl!

Xebbagħni dan ir-raġel ta’ ras iebsa u supperv. Dan il-predikatur miġnun li ddedika ħajtu jikteb ittri dwar valuri umani. Xebbagħni bil-pjaċir meta kull sena niftakar li wara kollox, l-imħabba qatt ma tmut. Xebbagħni b’din l-idea li f’tgħanniqa jew kelmtejn bejn tnejn hemm is-sens tal-ħajja. Valur profond… dak kollu li hu essenzjali u xejn aktar. Tgħanniqa biss… immaġina… daqshekk il-flus, il-lussu, il-kuntratti, il-paroli fil-vojt, it-tlellix tat-televixin, il-fwieħa ta’ Johhny Depp u ż-żraben tal-Clarks. Daqshekk insurances bażwija, daqshekk terrur, daqshekk pastizzi u interconnectors. Tgħanniqa biss.

Xebbagħni San Pawl – bħalma xxebbagħni pizza ta’ Gaetano meta nkun mejjet bil-ġuħ!
Xebbagħni San Pawl! – bħalma xxebbagħni d-dehra tal-baħar f’nofs ġurnata xogħol!
Xebbagħni San Pawl! – bħalma xxebbagħni bil-ferħ il-kitba, bħal ta’ Pawlu, li titkellem dwar l-imħabba; dik li kapaċi tarmik minn fuq żiemel, tagħmik u tikkonvertik għal ħajja ġdida.
Xebbagħni San Pawl! – bħalma xebbagħtni dik it-tgħanniqa ta’ Checco lura f’Napli.

Mela kompli inżel xita jekk trid twebbes rasek, imma jien naf li l-ħuġġieġa mintix ser titfiha!

Il-festa t-tajba baħrin!

Konverżjoni f’Jum in-Nawfraġju

Kemm rifsu nies fuq dawn il-Gżejjer? Kemm mexxejja terrqu fostna? Kemm? Politiċi, reliġjużi, artisti. Semmihom. F’xi mument ilkoll ġew iduqu ż-żîna ta’ din l-Art.

Filwaqt li b’emozzjoni nirrepeti n-noti ħelwin għasel tal-Innu lil San Pawl Nawfragu, miktub minn Dun Frans Camilleri lura fl-1945, ma nistax ma nerġax inġedded l-idea f’moħħi ta’ dan il-persunaġġ storiku li frott esperjenza ta’ konverżjoni, kien ispirat jinbidel u kien ta’ ispirazzjoni għal ħafna sabiex jinbidlu.

Niftakar f’Sawlu, qaddej fidil tal-Imperu Ruman li għadda minn esperjenza qawwija li biddlitlu ħajtu. Esperjenza li kontra kull mistenni ġegħlitu jitlef il-kontroll taż-żiemel, jaqa’ minn fuqu u saħansitra jitlef id-dawl t’għajnejh.

Esperjenza li anki jekk mhux deskritta b’mod tekniku, iżda deskritta fuq stil metaforiku, letterarju u artistiku, twasslilna messaġġ ċar:

Sawlu mibdul quddiem għarfien ta’ verità ma ddejjaqx imur kontra l-kurrent kulturali tiegħu u jindirizza ħajtu lejn missjoni eżawrenti – bl-iskop li jinstiga konverżjoni universali. Konverżjoni li ma tarafx konfini, razez, sessi jew ġnus. Konverżjoni li lanqas quddiem il-mewt ma tibża’ titbaqbaq. Konverżjoni epokali li ħasdet imperi politiċi iżda anki popli kemmxejn innokwi fuq gżejjer f’nofs l-ibħra. Konverżjoni rrakkuntata fi vjaġġ, mitmum b’nawfraġju kiefer li farrak bastiment sabiex jinbeda vjaġġ li jtul sa żminijietna fuq art f’nofs il-Mediterran.

Illum, filwaqt li nitpaxxa bir-riħa tal-Festa Pawlina fi Triq San Pawl, fl-uċuh kuluriti ta’ sħabi ħabrieka Pawlini, fit-togħma ħelwa tal-qubbajt, fix-xita ta’ karti tan-niżla tal-Mażri, fil-mota ferrieħa u mexxejja tal-qniepen tal-Kolleġġjata, niftakar f’Pawlu, fih u fija, u għat-tlieta u tletin darba f’ħajti,  f’daż-żmien tas-sena, nitolbu jispira fija konverżjoni. Konverżjoni li ma tbeżżgħanix minn qilla ta’ mewġ qalil imma li tkissirli l-bastiment u twassalni fi xtajtiet, li għalkemm ma ngħarafx, jilqgħuni.

Għax kburi li jien Malti. Għax kburi li jien Pawlin. Viva l-Għaxqa ta’ Malta!