Tag: san pawl

Ħajtek mhix dwarek

Għaddiet il-Festa. Kemm jien kburi! U kemm emozjonijiet jibqgħu! Kemm riflessjonijiet, xewqat, dubji, taħbit tal-qalb, eċitament. Fit-3:15 ta’ filgħodu qalb il-mard li fl-aħħar qed iċedi, tiġi din il-muża tokrob sabiex tinkiteb. Il-kitba hija passjoni u għalkemm kien hemm min iddejqu u min ħaseb li nużaha biex nimpressjona, ma niċħadx li hija fost l-isbaħ duwa li nsib għall-uġiegħ li kultant inawwar din l-eżistenza. U għalhekk nikteb ma niqafx.

Ritratt għażiż meħud minn Carl Farrugia
Dik il-vara tal-Gafà rajtha tibdel l-espressjoni hekk kif sabet postha lura fil-Knisja. San Pawl tbissem. Forsi lili jew forsi lilna kollha; l-imġienen li nħaqqu kollox sabiex dan l-avveniment jibqà jsir. Imma ejja ngħidu li għal darba, Pawlu tbissem lili biss.

Kemm nixtieq li dik il-vara tista’ titkellem! Konvint li nduna bid-dmugħ imdendel li kelli hekk kif bdiet il-purċissjoni. Konvint li semgħani nkellmu qalb il-ħafna għajjat. Tgħanniqa kienet tinżel għasel. Ilbieraħ waqt live fuq Facebook, Fr. Karm spjega kif Pawlu għex kriżi wara li kkonverta. Kriżi ta’ proċess mudlam li kissirlu kull twemmin u ċertezza li kien ilu jrawwem minn ċkunitu. U allura min jien jien biex niddetta dak li rrid? U dak li rrid x’inhu? Il-fejqan fiżiku ta’ persuni li nħobb daqs dawl għajnejja? Ir-ritorn ta’ imħabba li emmint fiha? Forsi dawk. Ftit sekondi wara nirrealiżża jien stess li huma mpossibiltajiet li għalxejn nixxennaq għalihom.

“Meta mbagħad sebaħ, l-art ma għarfuhiex, lemħu biss bajja bi xtajta fiha, u qatgħuha li, jekk jista jkun, jitfgħu l-ġifen fuqha. Irħew l-ankri u telquhom il-baħar, u ħallew ukoll l-irbit tat-tmun.”

Waqt li Gabriella Agius kienet qed taqra r-rakkont spettakolari tal-wasla ta’ San Pawl f’Malta, laqtuni dawn il-frażijiet apparti l-mod eċċellenti kif qrat is-silta. Hekk kif ħadu deċiżjoni, irħew kollox… it-toqol u l-irbit… iċ-ċertezzi. U erġajt ftakart fil-kanzunetta ta’ Fabi, Vince chi molla.
Ftakart ukoll kif ftit jiem ilu sieħbi qalli sabiex meta nitħadded ma’ dak li “aħna għalih u tiegħu”, infakkru sabiex jieħu r-riedni f’idejh. Qalli biex meta nitolbu hekk, nemmen u nerħi t-tmun jien ukoll. Kultant nirrabja għax inħoss li xbajt u għajjejt inċedi. Xbajt u għajjejt nisma’ kliem ta’ tifħir iżda naqla’ id-daqqiet għall-istess raġuni. Xbajt u għajjejt niltaqa’ ma nies li jibżgħu jkunu veri, imqar lejhom infushom. 
U għalhekk l-ammirazjoni sħiħa lejn Pawlu u ħadd iktar. Pawlu li jġorr profil ta’ bniedem supperv – mhux ta’ qaddis tajjeb. Pawlu għaraf juża r-ras iebsa li kellu sabiex, kif spjega Karm, ħajtu ma tkunx gidba, ma tkunx dwaru iżda dwar xi ħaġa ikbar minnu: l-imħabba. Il-ġifen tfarrak iżda hu le. L-ebda tempesta ma rnexxielha twaqqfu – pjuttost bil-kontra!

Tisbita tal-beati paoli

Reġa’ wasal il-25 ta’ Jannar. Miegħu ħafna ħsibijiet u sensazzjonjiet kontrastanti. Qabel l-ewwel ħjiel tal-għodwa, innutajt lil sħabi jippostjaw ritratti marbuta mal-konverżjoni ta’ Pawlu fuq Facebook. Illum għal ħafna Pawlini jiftaħ is-siparju fuq il-festi sbieħ li jġeddulna memorja mgħoddija lilna mingħand missierna, in-nannu u l-bużnannu. Memorja li huma, f’xifer tal-arblu familjari, talbuna nkomplu ngħaddu, kif twassal lilhom.

Filwaqt li nista’ ngħid li Jeremy il-Juventin rebaħ l-isfida għall-isbaħ ritratt, (u hawn se jifraħ li l-Juve jirbħu kollox) ħsibt li jien ta’ Milanist umli, stajt nesprimi ħsibijiet billi nerġa’ inħażżeż erba’ kelmiet minflok.

Fl-2013 u fl-2015 ktibt dwar il-konverżjoni. Kunċett li jaffaxxinani wisq għal raġunijiet li lanqas jien għadni qatt ma għoddejt. Mhux ser nirrepeti dak li kont diġà ktibt.

Ritratt ta’ Jeremy Agius

L-immaġini romantika jew romantiċiżżata ta’ Sawlu jinstabat minn fuq żiemel għalija tfisser li l-konverżjoni mhi xejn ħlief tisbita tal-beati paoli, dlam u nċertezza b’mistoqsijiet bħal “min int?” u “fejn se mmur?”.

Il-konverżjoni tfakkarni fil-bżonn imminenti ta’ umiltà. Il-bżonn li nieqfu nirkbu żwiemel jew nitilgħu fuq pedestalli biex mingħalina naħsbu li sirna xi ħadd importanti u ta’ poter. Kif fakkarni sieħbi Mario lbieraħ, “kulħadd six feet under sejjer”. Illum jew għada.” Konverżjoni hija l-bżonn li nifgaw ix-xewqa spiss ħelwa ta’ dak li fil-verità nafu li huwa tossiku.

Il-konverżjoni tibqa’ tfakkarni, anki meta ma jkollix aptit niftakar, fil-bżonn tat-tjubija – dik li kontinwament teħodni fejn inweġġa’ u ssabbatni bħal dawl jgħammex. Li mhux jien niddeċiedi iżda li b’umiltà nimxi lejn sejħa. Dik li kull bniedem jista’ jsib biss fil-ġewwieni tiegħu u mkien aktar.

J’Alla ma nkunx trux.

#familja

Il-ħajja hi li hi. L-aħjar deskrizzjoni li ltqajt magħha sal-ġurnata tal-llum, hija dik tal-assurdità kif deskritta minn Camus fil-kitbiet tiegħu.

L-assurd illum insibu jiżfen madwari. Kultant meta jistedinni għal birra, insellimlu, nieqfu ngħidu kelma u nnaqru xi ftira – bħal dik tal-bieraħ għand iċ-Ċaċċu. Nitkellmu dwar familti; ommi u missieri li tant offrewli mħabba, bil-modi partikolari tagħhom. L-assurd jafhom sew kemm lilhom u kemm lill-modi tagħhom. Illum li ommi hija mifnija b’marda, appuntu assurda, id-dinamiċi tal-ħajja u tal-familja tħarbtu mill-bażi. Ħolm u idealiżmi jiddendlu minn rashom f’xifer ta’ sur, kuljum. Sa mn’alla nsib lili nnifsi sħiħ quddiem tant vojt u inkapaċità.

Twieldu mistoqsijiet u faqqsu risposti li l-assurd biss kapaċi jfhemni kultant. Lezzjoni kiefra li bħal ħafna oħrajn f’ħajti ħadtha iktar kmieni minn meta normalment wieħed jippretendi. B’mod awtomatiku tikber xewqa ta’ wens, ta’ mogħdrija – imqar minni nnifsi. Xewqa wkoll ta’ enerġija u motivazzjoni sabiex din il-konverżazzjoni mal-ħajja nkun kapaċi nlestiha. Konverżazzjoni jew logħoba, bla regoli, bla rebbieħ, iżda bi proċess li jsawwar u jsajjar.

Fl-aħħar ġranet sibt dan kollu fi grupp ta’ ħbieb li jidentifikaw ruħhom f’San Pawl. Il-Pawlini tal-Belt Valletta. Meta nixħet ritratt fuq Facebook, sirt inħobb nuża l-hashtag #familja għax appuntu sibt wens, enerġija u motivazzjoni f’dawn in-nies; fil-ħolm umli iżda sinjur tagħhom li jferrħu komunità ta’ ħafna iktar nies b’ġesti kreattivi, b’tiżjin, kulur, mużika, dwal u ħsejjes. Nies li għalkemm ma jġorrux bagalji mimlija ċertifikati, kapaċi jagħtuk kollox; jagħtuk qalbhom. Nies li anki jekk ma jkunux fil-qalbha tal-familja, għax il-ħajja tkun ressqithom xi ftit lil hinn, issibhom hemm; forċina.

Huwa appuntu spazju familjari fejn il-kult u l-kultura Pawlina, ituna identità bbażata mhux fuq statwi, vari, u tiżjin iżda fuq ideoloġija ta’ persunaġġ li wara żmien ta’ bidla qawwija, fejn immedita l-identità tiegħu, mar xandar l-imħabba, il-lealtà u l-valuri kull fejn terraq. Għal kuntrarju ta’ dak li ħafna jistgħu jaħsbu, huwa appuntu dan il-valur li jżomm il-komunità magħquda. Għalhekk Pawlu jiġi ndirizzat bħala missier. Għalhekk nuża l-hashtag #familja.

Quddiem l-assurd, insib motivazzjoni fix-xewqa ta’ Pawlu li jgħix imħabba li tistabar u tħenn, ma tgħirx, ma tintefaħx, ma titkabbarx, ma tinkorlax, ma żżomx f’qalbha għad-deni u li bħal belha, tifraħ bil-verità, tagħder, taħfer, temmen, tittama u tissaporti. Dan l-idealiżmu f’Pawlu jibqa’ tama kontinwa f’kull diskursata mal-assurd. Dan l-idealiżmu ta’ Pawlu, jimlini paċi u jgħini nnixxef id-dmugħ. Sadattant nordnaw birra oħra… Grazzi #familja!

Xebbagħni San Pawl!

Xebbagħni San Pawl!
Xhur ta’ ħidma sfieqa, u llum jumejn qabel nharu, xejn ħlief xita! Anki tal-Uffiċċju Meterjoloġiku ma ġabuhiex żewġ – skonthom ma kelliex tinżel xita wara ċertu ħin.
Xebbagħni San Pawl!
Il-kollega jibqa’ jargumenta li dan Pawlu qatt ma rifes Malta wara kollox u li dan kollu huwa ferħ bażwi ta’ erba’ fanatiċi.
Xebbagħni San Pawl!
U minjaf? Forsi għandu raġun sieħbi jgħidli nimraħ lil hinn mid-dinja parrokkjali…
Xebbagħni San Pawl!

Dettall minn ritratt ta’ Paul Xuereb

Baħrin tal-maltemp isibuna. Għax fix-xita xorta ssibna hemm, infakkru din il-ġrajja. Nifirħu li minn maltempata qalila wasal persunaġġ storiku li sejħilna Maltin. Maltin pinnuri, li l-ewwel nattakkaw lill-qattiel imma fi ftit minuti nsejħulu “alla”.

U b’dik l-ewwel deskrizzjoni li qatt inkitbet dwar il-Maltin, jien ftit jifdalli dubji dwar fejn rifes il-miġnun Pawlu. Mhux hekk il-Maltin? F’mument jgħolluk iżda mal-ewwel ċans jagħmluk tapit jew jarmuk. F’mument jiċċelebraw kampanji ta’ twemmin mod u ftit snin wara ssibhom ħara, isuqu l-karru oppost! F’mument jiċċelebraw il-kultura u fl-istess waqt issibhom ikissru dak li kulturalment iseddaqhom. F’mument jippriedkaw valuri u ftit wara ssibhom ibaxxu rashom għal min lest iqaħħab, ikasbar u jkisser kull element storiku-kulturali li sawwar l-identità ta’ familtu. F’ġieħ il-flus jew l-injoranza!
Xebbagħni San Pawl!

Xebbagħni dan ir-raġel ta’ ras iebsa u supperv. Dan il-predikatur miġnun li ddedika ħajtu jikteb ittri dwar valuri umani. Xebbagħni bil-pjaċir meta kull sena niftakar li wara kollox, l-imħabba qatt ma tmut. Xebbagħni b’din l-idea li f’tgħanniqa jew kelmtejn bejn tnejn hemm is-sens tal-ħajja. Valur profond… dak kollu li hu essenzjali u xejn aktar. Tgħanniqa biss… immaġina… daqshekk il-flus, il-lussu, il-kuntratti, il-paroli fil-vojt, it-tlellix tat-televixin, il-fwieħa ta’ Johhny Depp u ż-żraben tal-Clarks. Daqshekk insurances bażwija, daqshekk terrur, daqshekk pastizzi u interconnectors. Tgħanniqa biss.

Xebbagħni San Pawl – bħalma xxebbagħni pizza ta’ Gaetano meta nkun mejjet bil-ġuħ!
Xebbagħni San Pawl! – bħalma xxebbagħni d-dehra tal-baħar f’nofs ġurnata xogħol!
Xebbagħni San Pawl! – bħalma xxebbagħni bil-ferħ il-kitba, bħal ta’ Pawlu, li titkellem dwar l-imħabba; dik li kapaċi tarmik minn fuq żiemel, tagħmik u tikkonvertik għal ħajja ġdida.
Xebbagħni San Pawl! – bħalma xebbagħtni dik it-tgħanniqa ta’ Checco lura f’Napli.

Mela kompli inżel xita jekk trid twebbes rasek, imma jien naf li l-ħuġġieġa mintix ser titfiha!

Il-festa t-tajba baħrin!

Konverżjoni

‘Konverżjoni’

Intriganti din il-kelma. Speċjalment għal Pawlin, illum fil-25 ta’ Jannar. Skond id-dizzjunarju ta’ Aquilina, din il-kelma tirreferi wkoll għal bidla, eżempju, ta’ flus jew direzzjoni fiżika.

Sforz ir-reliġjon u l-kultura artistika li kbirna fiha, ix-xena tal-konverżjoni ta’ Sawlu dejjem rajniha bħala mument kważi kważi eleganti jew l’iktar l’iktar drammatiku. Biss, ftit minuti ilu wara li qrajt l-istatus ta’ Facebook ta’ sieħbi Stephen Baldacchino li ftit jiem ilu kien involut f’inċident tat-traffiku ikrah ħafna, ħsibt ftit dwar xi jkun mument li tassew jibdillek ħajtek ta’ taħt fuq.

L-ewwel ħsieb imur fuq dawk il-kompożizzjonijiet artistiċi li ninduna kemm huma wisq ‘l bogħod minn realtà. Anki riċerka sempliċi fuq Google, ressqitli riżultati li ġabuli tbissima, iżda fl-istess ħin aktar spunti ta’ riflessjoni… Hawn huwa eżempju:

Żgur li waqgħa minn fuq żiemel mhix daqshekk komposta kif irrakkuntaha Caravaggio. Nixtieq nimmaġina lis-suldat Ruman Sawlu jittajjar minn fuq żiemel (jew żieme ?) sfrattat u jinstabat għal wiċċu mal-art bla ebda grazzja. Minjaf forsi kiser kisra idu, tilef xi sinna jew spiċċa b’xi daqqa f’għonqu jew dahru li baqa’ jħossha fix-xhur ta’ wara. Naħseb xenarju iktar realistiku żgur. Xenarju ta’ iktar ‘impatt’ fil-veru sens tal-kelma. U appuntu hemm fejn inqabbel l-inċident ta’ Stephen ma’ episodju goff u li jaħsad.

Stephen kiteb:

“Il-Mulej jinqeda b’ħafna okkażjonijiet u ċirkustanzi biex jerġa’ jgħaqqadna miegħu. Uħud minnhom anka kemm xejn skomdi u forsi wkoll xi ftit diffiċli. Ħassra li mhux dejjem nindunaw li Hu jkun daqstant viċin tagħna! …meta nindunaw, m’hemm xejn isbaħ li niftħulu l-bibien ta’ qalbna u nħalluh jimlina bl-ispirtu divin tiegħu…”

Issa lil hinn mill-kuntest reliġjuż, li bħalissa mhux li huwa tant preżenti f’ħajti minħabba l-wisq firdiet li jġib miegħu, inħoss illi konverżjoni hija, appuntu, dik li tiftaħlek għajnejk biex tibda tifhem dak li kont għadek ma fhimtx għalkemm kollox kien ċar u tond quddiemek. Konverżjoni hija meta tiddeċiedi li għalkemm pruvajt kollox, iċċedi, tgħannaq emozzjoni diffiċli u b’imħabba tlebbet lejn triq ġdida. Konverżjoni ġġib magħha ħafna feriti, uħud gravi, uħud ma jfiqux… fiżiċi, mentali jew emozzjonali… imma ġġib ukoll nifs ta’ ħajja ġdida. F’mumenti ġġib sodisfazzjon u paċi. Ġġib opportunità ġdida…

Dal jum f’hekk qed niftakar u naħseb. Il-bżonn li ngħixu l-waqgħa b’mod komplut, kważi kważi daqs li kieku hija rigal. Imma forsi jien iblah… ma nafx. Forsi nifhem aħjar fis-siegħat u ġranet li ġejjin. Intom x’taħsbu?

Konverżjoni f’Jum in-Nawfraġju

Kemm rifsu nies fuq dawn il-Gżejjer? Kemm mexxejja terrqu fostna? Kemm? Politiċi, reliġjużi, artisti. Semmihom. F’xi mument ilkoll ġew iduqu ż-żîna ta’ din l-Art.

Filwaqt li b’emozzjoni nirrepeti n-noti ħelwin għasel tal-Innu lil San Pawl Nawfragu, miktub minn Dun Frans Camilleri lura fl-1945, ma nistax ma nerġax inġedded l-idea f’moħħi ta’ dan il-persunaġġ storiku li frott esperjenza ta’ konverżjoni, kien ispirat jinbidel u kien ta’ ispirazzjoni għal ħafna sabiex jinbidlu.

Niftakar f’Sawlu, qaddej fidil tal-Imperu Ruman li għadda minn esperjenza qawwija li biddlitlu ħajtu. Esperjenza li kontra kull mistenni ġegħlitu jitlef il-kontroll taż-żiemel, jaqa’ minn fuqu u saħansitra jitlef id-dawl t’għajnejh.

Esperjenza li anki jekk mhux deskritta b’mod tekniku, iżda deskritta fuq stil metaforiku, letterarju u artistiku, twasslilna messaġġ ċar:

Sawlu mibdul quddiem għarfien ta’ verità ma ddejjaqx imur kontra l-kurrent kulturali tiegħu u jindirizza ħajtu lejn missjoni eżawrenti – bl-iskop li jinstiga konverżjoni universali. Konverżjoni li ma tarafx konfini, razez, sessi jew ġnus. Konverżjoni li lanqas quddiem il-mewt ma tibża’ titbaqbaq. Konverżjoni epokali li ħasdet imperi politiċi iżda anki popli kemmxejn innokwi fuq gżejjer f’nofs l-ibħra. Konverżjoni rrakkuntata fi vjaġġ, mitmum b’nawfraġju kiefer li farrak bastiment sabiex jinbeda vjaġġ li jtul sa żminijietna fuq art f’nofs il-Mediterran.

Illum, filwaqt li nitpaxxa bir-riħa tal-Festa Pawlina fi Triq San Pawl, fl-uċuh kuluriti ta’ sħabi ħabrieka Pawlini, fit-togħma ħelwa tal-qubbajt, fix-xita ta’ karti tan-niżla tal-Mażri, fil-mota ferrieħa u mexxejja tal-qniepen tal-Kolleġġjata, niftakar f’Pawlu, fih u fija, u għat-tlieta u tletin darba f’ħajti,  f’daż-żmien tas-sena, nitolbu jispira fija konverżjoni. Konverżjoni li ma tbeżżgħanix minn qilla ta’ mewġ qalil imma li tkissirli l-bastiment u twassalni fi xtajtiet, li għalkemm ma ngħarafx, jilqgħuni.

Għax kburi li jien Malti. Għax kburi li jien Pawlin. Viva l-Għaxqa ta’ Malta!

Ħsibijiet

Din hija ittra ta’ viżjoni li jiena kont bgħatt f’email, nhar it-23 ta’ Frar 2010 lill-membri kollha ta’ ĊAMYouths, ftit siegħat qabel ma ttieħed il-vot għall-leadership committee preżenti.

Għażiż ħabib/a,

Introduzzjoni
Kif taf, ġejt innominat bħala wieħed mill-kandidati bħala wieħed mill-erba’ mexxejja ta’ ĊAMYouths. Huwa ta’ unur għalija li ġejt ikkunsidrat al altezza ta’ dan l-inkarigu u f’dan il-mument meta aħna l-membri qed niġu mitluba ngħamlu għażla, nħoss li għandi naqsam miegħek dawn il-ħsibijiet; mhux biex nirbaħ posti, anzi, biex ngħamel ċari l-ideali tiegħi lejn ĊAMYouths u fejn nixtieq li kull eventwali mexxejja għandhom jiffukaw il-ħidma tagħhom. Nahseb li xieraq ukoll li kulhadd ikun jaf xi ħsibijiet għandi qabel jgħamel l-għazliet tiegħu.

Ma naħsibx li hemm bżonn inkun wieħed mill-mexxejja biex inkun nista nwassal dak li nemmen fih, għax nemmen li l-mexxejja qegħdin hemm biex iwettqu r-rieda tal-membri. Konvint li dan ir-rwol huwa mpenn iebes u mhux passatemp. F’dan il-mument inħoss li xieraq naqsam miegħek, minn qabel, dak li jien nemmen fih.

ĊAMYouths hija għaqda ta’ żgħażagħ fi ħdan is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl. Għaqda li tul l-ewwel 15 -il sena tagħha għarfet tibni lilha nfisha fuq tlett valuri;  komunità, spiritwalità u missjoni. Illum li l-għaqda kibret ġmielha, tajjeb li naraw daqsxejn fejn nixtiequ naslu, nifhmu aħjar u nkebbsu l-ħeġġa lejn it-twemmin li ħallielna Monsinjur De Piro f’isem l-Appostlu Missierna San Pawl kif ukoll inkunu xhiedha ta’ dan kollu.

Imħeġġeġ mill-valuri li ħarġu fl-attività tal-komunitajiet il-kbar, FUSION, nixtieq inwassal it-twemmin tiegħi li f’din l-opportunità kbira li għandna li ngħixu ħajja komunitarja, kull membru għandu “Jisma, Jara u Jxandar”. Kull membru għandu possibiltà jirċievi u possibiltà jgħati.

Fi triqtu lejn Damasku, Sawlu, ir raġel ta’ ras iebsa li ħolom biss f’li jeqred it-twemmin ġdid li ħawwel Kristu, irċieva sejħa. Sejħa kuntradittorja li sabbtitu mal-art, mhux sejħa faċli, imma sejħa li biddlitu hekk kif laqagħha. F’Sawlu ma nbidilx il-karattru imma nbidel l-iskop ta’ ħajtu. M’ilux smajt li f’dak il-mument Sawlu ma baqax il-protagonist ta’ ħajtu imma sar Alla l-protagonist.

L-iskop ta’ ĊAMYouths
Il-kelma skop illum saret tberren f’rasi ta’ spiss. Nemmen f’viżjoni fejn ĊAMYouths ma tibqax sempliċement għaqda taż-żagħżagħ, bħalma hawn ħafna, iżda tkun leħen fis-soċjetà; leħen li jitkellem favur inklużjoni u rispett u leħen li b’kuraġġ, responsabiltà u maturità, jikkundanna l-inġustizzji u diskriminazzjoni. Dan jista’ jsir b’ħafna modi fosthom l-użu tal-medja.

ĊAMYouths għandha tgħamel dan bil-kliem kif ukoll bl-eżempju. Għandna niftħu l-bibien beraħ għad-diskusjjoni dwar suġġetti skomdi/antipatki u ma nibżgħux minn ħsibijiet ġodda, forsi rivoluzzjonarji u li jmorru kontra l-kurrent tal-mument. Suġġetti li nemmen li għadhom jingħataw prijorità huma, fost oħrajn, il-kumdità jew nuqqas tagħha, li jsibu membri f’ĊAMYOUTHS li mhux bilfors iħossuhom qrib tat-twemmin kattoliku jew nisrani; il-kumdità, jew nuqqas tagħha, li jista jħoss persuna omosesswali f’komunitajiet tagħna u fil-familja MSSP; il-faċilitajiet għall-persuni b’diżabilità eċċ.

Viżjoni
Nixtieq li naħdmu lejn viżjoni fejn ĊAMYouths joħlom, iwelled u jrawwem libertà ta’ espressjoni, ideat u nnovazzjoni. Viżjoni fejn jiġu sostnuti inizzjattivi fi ħdan it-tlett prinċipji ta’ ĊAMYouths. Fejn kull membru jiġi mħeġġeġ joħlom u jikkrea billi jingħata ispirazzjoni, widen, direzzjoni u sapport. Viżjoni fejn l-ixjeħ membru u l-iżgħar jingħaqdu sabiex iwettqu s-sejħa Pawlina.

Inħoss li wara l-ħidma sfieqa tal-kumitat preżenti, ĊAMYouths għandu joqrob dejjem aktar lejn is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl sabiex tkompli tikber relazzjoni b’saħħitha. Relazzjoni fejn iż-żewġ naħat jisimgħu lil xulxin, b’fiduċja reċiproka, u jikbru flimkien. Nemmen li ż-żewġ naħat għandhom ħafna x’joffru lil xulxin.

L-iskop ta’ dak li nwettqu
Filwaqt li nkomplu nrawwmu u ndakkru l-kariżma missjunarja tas-Soċjetà Missunarja ta’ San Pawl, jiena nemmen li jkun xieraq jekk f’mumenti, nieqfu u naħsbu dwar l-iskop, mhux biss tal-għaqda, iżda wkoll ta’ dak li jsir fl-għaqda.

Nemmen li tajjeb nieqfu sabiex nixtarru dwar fejn sejrin il-proġetti ta’ missjoni tagħna. Kif dawn qed jitwasslu għand il-membri ta’ ĊAMYouths, kif qed ‘jinbiegħu’ għand nies li m’humiex parti minn  ĊAMYouths. Nistaqsu dwar il-kapaċità, jew in-nuqqas tagħha, li  ĊAMYouths tkompli tifrex u jew iżżid fil-missjonijiet tagħha. Dan jista jsir anki jekk inħarsu lejn it-timeline tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl li ġie preżentat lilna waqt FUSION.

Nissuġġerixxi wkoll reviżjoni ta’ ċertu strutturi u sistemi sabiex dawn dejjem jgħatu leħen lill-membri.

Bilanċ
Għalkemm nemmen bi sħiħ bil-valur tal-komunitajiet u għalkemm nemmen li ĊAMYouths għandha tkun opportunità sabiex aktar persuni jkollhom din il-grazzja tal-għixien f’komunità, dejjem ħassejt li hemm bżonn li jistab bilanċ bejn it-twaqqif ta’ komunitajiet ġodda u t-trawwim u taħriġ ta’ persuni li jistgħu jaqdu bi sħiħ ir-rwol ta’ gwida għal komunità. Dan ir-rwol iġib miegħu responsabbiltà kbira u jitlob dedikazzjoni kontinwa u għerf minn naħa ta’ kull min jidħol għalih. Jitlob ukoll ammont ta’ attenzjoni minn naħa tal-Kumitat tat-Tmexxija.

Relazzjonijiet Esterni
Nixtieq insemmi wkoll l-aspett ta’ relazzjoni ma’ għaqdiet u organiżżazzjonijiet ‘l barra minn ĊAMYouths. Filwaqt li nifrah lill-kumitat attwali għall-bibien li fetħu, speċjalment fuq xenarju ewropew, nixtieq li nimbotta l-idea li s-sabiħ li qed ngħixu f’aspetti varji f’ĊAMYouths, insibu ħin naqsmuh f’diskussjonijiet u laqgħat anki ma għaqdiet lokali oħrajn speċjalment dawk li jħaddnu kariżmi Pawlini.

Fejn jidħol l-isem tal-għaqda, għalkemm nammetti li jiena wieħed minn dawk li qatt ma ħassejt bżonn ta’ bidla, nemmen li tajjeb jekk jitkompla x-xogħol siewi li sar s’issa f’dan il-proċess.

Issa li huwa konfermat il-bini ta’ ċentru ġdid fir-Rabat, ikun tajjeb jekk dan jiġi armat kemm sabiex jaqdi lil komunitajiet f’ĊAMYouths kif ukoll possibilment sabiex irendi bħala dħul finanzjarju minn kiri ta’ faċilitajiet.

Spiritwalità
Nemmen li wasal iż-żmien fejn ĊAMYouths terġa tgħafas fuq l-aspett spiritwali tal-ħajja komunitarja. L-ispiritwalità tirrikkjedi ħsieb u profondità fuq livell personali iżda ġġib magħha ċ-ċans li nesperjenzaw il-fiduċja fil-komunità u l-fiduċja fil-Mulej. Sabiħ li flimkien noħolqu ċ-ċans li niskopru dawn it-tlett livelli ta’ spiritwalità.

Responsabbiltà
Nixtieq li min jieħu dan l-inkarigu u nkarigi oħra f’ĊAMYouths jidħol għalihom b’maturità u b’entużjażmu. Tajjeb jekk anki persuni f’dawn ir-rwoli jgħarfu meta jonqos l-entużjażmu u jekk ikun hemm bżonn jgħarfu jgħamlu pass lura. Nixtieq sa fl-aħħar li, ikun min ikun fil-pożizzjoni tant iebsa ta’ mexxej ta’ ĊAMYouths ikun bniedem li apparti li jħaddan il-valuri li għaddielna San Pawl permezz ta’ Monsinjur Ġuzeppi de Piro, jispira lil ħaddieħor sabiex jiskopri s-sbuħija ta’ dawn l-istess valuri.

L-imħabba

“love” minn ssuunnddeeww

Ili ma nberfel. Illum jien hawn bil-pinzell u ftit laned taż-żebgħa taż-żejt.

X’inhi l-imħabba?

Dejjem fhimt u għext l-imħabba bħala emozzjoni li tħakkek ma’ dak kollu li hu sagru (le, mhux reliġjuż), spiritwali u intimu. Kbirt f’parroċċa kburija Pawlina u forsi dik id-definizzjoni għall-imħabba hija ħtija tal-għażiż Pawlu, il-kompliċi qattiel konvertit li kiteb b’tant emozzjoni x’inhi l-imħabba tant snin ilu… meta fl-ewwel ittra lill-Korintin kiteb:

“Kieku ma kellix imħabba jiena ma kont inkun xejn

… Li kont nitkellem bl-ilsna tal-bnedmin u ta’ l-anġli bla ma kelli mħabba, kont inkun qisni strument tar-ramm iżarżar jew platti jċekċku. U kieku kelli d-don tal-profezija u kont naf il-misteri kollha u l-għerf kollu, kieku kelli l-fidi sħiħa li tqanqal il-muntanji imma ma kellix l-imħabba, jiena ma kont inkun xejn. U kieku kelli nqassam ġidi kollu fil-karità u nagħti ġismi għall-ħruq bla ma jkolli mħabba, xejn ma jkun jiswieli ta’ ġid.
 
L-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba m’hijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li mhux xieraq,
ma tfittexx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’ qalbha għad-deni
ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L-imħabba ma tintemm qatt.”

Inkitbu mijiet ta’ poeżiji iżda naħseb l-ebda waħda ma’ tiżboq ‘l din. Kitba sagra li tmiss dak li huwa tassew il-ġist tal-imħabba. Illum li qbiżt it-tletin b’sena, nammetti li nħoss li ċerti esperjenzi fil-ħajja, fhemuni aħjar x’inhi mħabba. Fundamentali l-fatt li l-imħabba ma hix definita minn forma, kulur, regoli, sessi, età jew kulturi. L-imħabba hija anarkija, hekk kif spjegajtha f’kitbiet oħra bħal din (klikkja hawn).

Imħabba tfisser, l-ewwel u qabel kollox, għotja. Meta tħobb, tingħata, mingħajr mistoqsija. Imħabba tfisser fiduċja; fiduċja li tgħeleb kull suspett tant li saħansitra ma tħallilux skop. Imħabba tfisser bidla; ma tistax tħobb jekk m’intix lest tinbidel. Imħabba hija passjoni; passjoni fil-kliem, fil-ġesti, fil-ħsieb – fejn kollox hu mirqum sabiex iseddaq. L-imħabba hija llum u għada iżda mhux ilbieraħ. L-imħabba tfisser ħajja; twelid ta’ ideat, entużjażmu… bħal ħuġġieġa li qatt ma tintefa, anzi titqawwa f’buffura riħ. L-imħabba tinvolvi lir-ruħ, lill-qalb u lill-ġisem; lill-bniedem sħiħ.

Ngħalaq b’dan il-ħsieb li ħarbixt xi snin ilu: 

Skond* Pawlu

Mhux aħjar li kieku int hawn
biex nitħabblu
bħal f’għoqda
f’lejla ta’ mħabba
u nfakkru f’widnejna
x’inhi l-imħabba
skond* Pawlu?

* il-kelma skond niktibha hekk b’mod intenzjonat