Tag: valletta

Biki u theżżiż tas-snien

Ninsab imbikkem u rrabjat fl-istess ħin. Nixtieq nibki u nixtieq inwerżaq. Nitwerwer u nħoss dardir fl-istonku meta nirrealizza li ninsabu ċirkundati b’tant nies imliebsa għamad li lanqas jafu japprezzaw fejn qed jgħixu u x’inhu l-preġju ta’ dak li għandhom.

Iktar kmieni dalgħodu xi ħadd tarrafli li wieħed mill-famużi ħwienet fit-Triq il-Lvant ġewwa Belti, dak li fi ċkuniti niftakru armat sa ruħ ommu b’ġarar tal-ħġieġ oħxon u kemmxejn ħadrani, wieħed minn dawk li minjaf kemm attira produtturi ta’ films għal din it-triq, illum spiċċa mingħajr il-bieb antik u tant sabiħ tiegħu. Miegħu sparixxiet ukoll il-landa li fuqha kien hemm xi darba l-isem tal-ħanut u li issa spiċċat miksija moffa u sadid. Għaddejt ftit siegħat wara u nilmaħ dan il-bieb fi skipp. Kelli mmur xogħol u ma stajtx nieħu wisq azzjoni bil-mobajl tiegħi, li lanqas kuluri fl-iskrin ma fih. Xi siegħat wara sirt naf li l-iskipp kienet inġabret u allura qabadni niket kbir, speċjalment meta ħabib tiegħi għaddieli ritratt ta’ dak li hemm issa, żewġ purtelli tal-ħadid!

B’liema arroganza, xi ħadd għandu dritt iħassar memorja ta’ din il-Belt tant għażiża? B’liema livell ta’ injoranza (f’sens ta’, aljenazzjoni) kapaċi nkunu daqstant birdin quddiem dan it-teżor uniku fid-Dinja? U hawn, l-argument li l-propjetarju għandu dritt jgħamel li jrid f’daru, ma jsegwix. Propjetà fil-Belt Valletta, ċkejkna kemm hi ċkejkna, tgħamel parti minn tessut sħiħ ta’ kultura, disinn, ħsieb u lingwaġġ, li vjaġġa tul iż-żminijiet f’ilsien il-ġenerazzjonijiet Maltin, sakemm wasal s’għandna. U llum, f’dinja fejn nistgħu nreġġgħu għal ħajja kull oġġett miblul, naqbdu u nkeffnu kollox biex ngħamlu spazju għal xi lqugħ tal-metall! X’ma jitgħeżżux is-snien!

Għada, (litteralment) jaf ikun imiss lill-ħanut ta’ faċċata – tat-tabakk – ħanut tal-1868. Minjaf? Sakemm kulħadd jibqa’ sieket, u sakemm id-dipartiment tal-infurzar tal-MEPA jibqa’ ma jaħdimx matul tmiem il-ġimgħa, dawn it-tip ta’ sfreġji ser jibqgħu isibu l-kumdità kollha. Biss biss minn dan tal-aħħar, ma nafx kemm -il oġġett ta’ żminijiet antiki ntrema’ fl-aħħar jiem!

Triq San Pawl… qabel u wara t-tkissir 

Il-ġimgħa l-oħra ġara l-istess lil ħanut fi Triq San Pawl u ftit xhur qabel, ix-xorti misset lill-ħanut tat-té ta’ Frans fit-taraġ ta’ Triq Santa Luċija. B’urġenza kbira hemm bżonn li l-Gvern u l-awtoritajiet interessati, jadottaw sistema, ilbieraħ qabel illum, fejn dawn il-ħwienet, filwaqt li jerġgħu jingħataw il-ħajja, jiġu preservati fil-glorja oriġinali tagħhom.

Jeħtieġ ukoll li l-Beltin u anki l-Maltin li għandhom għal qalbhom il-wirt kulturali, jqumu mir-raqda u jsemmgħu leħinhom. Inutli niċċelebraw titli u festi kulturali jekk fil-qalba tal-mentalità kulturali għandna darsa mħassra li tnemnem daqs xokk elettriku taħt l-ilma.

Tgħid hawn widnejn mhux torox u għajnejn mhux mgħottija?

It-tazza tal-Ġojja

Fl-ewwel kitba tiegħi din is-sena, ktibt dwar Jannar, ix-xahar li tant inħobb. Din id-darba, iżda, għoġbu jkun kattiv u jaħsad il-ħajja ta’ wieħed mill-ġirien; Clive Brincat, mgħaruf bħala ‘il-Ġojja’.

Mhux ta’ b’xejn dak il-laqam meta tara, tisma u taqra l-imħabba li ħalla warajh. Illum fi Knisja ta’ San Duminku ppakkjata, ċapċapnilu u bkejnieh imma hekk kif indaqq l-innu tal-Valletta FC, bħal qisni erġajt ilmaħt lil Clive bilqiegħda, hemm quddiem il-Qorti, mhedi jikkonċentra jnaqqax xi disinn fuq dirgħajn xi klijent. Stħajjiltni ħiereġ mid-dar u nsibu quddiem il-bieb u nisimgħu jgħidli “aw Pawl!”, b’dik it-tbissima mpekkabbli sinonima miegħu… u forsi naqbdu xi diskursata qasira dwar l-Inter u l-Milan. Illum sellimtlu għall-aħħar darba u tpaxxejt bil-komunità magħquda ta’ ħbieb u kollegi li Clive ġab flimkien.

Hekk kif issa kont qed naqra artiklu li jitħadded dwar il-kultura, irrealiżżajt kif karattru bħal Clive, bis-sempliċità kollha tiegħu, iżda b’passjoni lejn kull ħaġa li kien iħobb, rawwem kultura li laħqet u nvolviet ħafna u ħafna u ħafna nies f’ħajtu u issa, anki wara. Bi ftit kliem u ġesti sempliċi dan ir-raġel, li kiber ftit metri ‘l bogħod minni, mess lil ħafna u wassal messaġġ ċar. Dan kien l-aħħar kumment tiegħu fuq facebook:

“Bongu , nixtieq lil familja u il hbieb il milied u is sena it tajba mimlija saha u paci u jekk em xahat miggiled jirangaw u jattu il festi it tajba il xulxijn”

Hemm xi żżid? Madre Teresa kienet esprimiet xewqa li tkun qatra f’oċean li tqajjem xi mewġa ħafifa. Mhux b’omeliji tedjanti jew xi akkademja diffiċli imma b’ġesti sempliċi, bi tbissima sinċiera u appuntu b’ġojja lejn kull persuna li tmiss magħna rridu ngħixu din il-ħajja. Hekk, bħal Clive.

Tgħalima f’waqtha. Grazzi Clive – u prosit tas-suċċess li wettaqt minn ħajtek. Tazza li mhu ser tiswied qatt fil-vetrini tal-Beltin! Strieħ fis-sliem ħabib u Forza City dejjem!

Ambaxxatur tal-Belt Valletta

Jogħġobni facebook. Nhar l-Erbgħa iltqajt ma’ sett ritratti ta’ Peter Andre fuq il-paġna facebook tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta. Kien jidher li rebaħ xi titlu iżda ma stajtx nifhem xiex. Għażilt li nikkummenta b’xi mistoqsija jew tnejn għax xtaqt niskopri aktar iżda sal-Ġimgħa, 8 ta’ Frar, kont għadni mhux nifhem. Fittixt fuq l-Internet u kulma sibt, kien artiklu fuq Reveal.co.uk li ta ndikazzjoni li Andre kien ġie mogħti t-titlu “Ambaxxatur Kulturali tal-Belt Valletta” mill-Kunsill Lokali tal-Belt tiegħi.

Ħadt il-ħin tiegħi sabiex nirkupra mix-xokk u fil-17:00 ħsibt li naqsam ritratt tal-istess paġna fuq facebook filwaqt li staqsejt dwar il-kriterji ta’ din l-għażla. Iva, jogħġobni facebook. F’temp ta’ ftit siegħat, dan l-imbierek ritratt kien qed jiġri fuq il-profili ta’ ħafna u jikkrea d-dibattitu, dejjem mistħoqq, dwar x’inhi kultura u kif u ma xiex għandu jiġi assoċċjat l-isem tal-Belt tant għażiża għalina l-Beltin u Maltin.

Nammetti li kont sorpriż bir-reazzjoni tal-poplu nġenerali għal din l-aħbar. Apprezzajt li mhux biss il-Beltin iżda kull min huwa viċin tal-Kultura, għaraf japprezza l-osservazzjoni tiegħi. Sieħbi Teodor Reljic, ġurnalist ma’ MaltaToday, għaraf jindirizza l-mistoqsija billi ġabar informazzjoni diretta mingħand is-Sindku f’artiklu nteressanti. Aktar kmieni lbieraħ l-istess Reljic ħarbex silta t’opinjoni personali dwar l-istess punt. Ramona Depares, mara kkulturata daqs mija, ukoll kitbet dwar dan kollu fuq il-blog tagħha ta’ Times of Malta. Sieħbi l-‘Boat’ ħa wkoll l-inizzjattiva li jiġbor petizzjoni sabiex dan it-titlu jiġi rtirat.

Imma għalfejn il-poplu ħadha tant bi kbira? Varji l-interpretazzjonijiet li ħarġu. Min jgħid li aħna laqa tal-barrani u min jgħid li jekk dawn huma l-assoċċjazzjonijiet li nafu ngħamlu mal-Kultura, allura missejna l-qiegħ. L-inkwiet tieghi huma iktar profondi.

Wisq nibża li sforz in-nuqqas ta’ investiment f’kultura għolja, dan il-pajjiż jinsab maħkum f’orgażmu dwar dak kollu li huwa kummerċjali. Sirna nsarrfu kollox f’numri u niġġustifikaw kollox b’numri. Kwotat minn MaltaToday, is-Sindku qal li permezz ta’ dan it-titlu lill-Andre, “Valletta will feature prominently in his show on iTV which has an average viewership of 1.7 million viewers and a peak viewership of 1.9 million viewers. An additional 300,000 viewers watch reruns of his show.”

B’ħafna sarkażmu ikkummentajt li meta tikkunsidra l-istudji tal-2001 fejn il-flus ġġenerati mill-pornografija kienu jammuntaw għal madwar $2.6 u $3.9 biljun. (Ackman, Dan (2001-05-25). “How Big Is Porn?”. Forbes.com.) wasalna fi stat li nikkunsidraw anki xi stilla f’dan il-qasam bħala ambaxxatur tagħna.

Illejla, sħabi, is-sindku Alexiei Dingli u ‘il-Boat’ kienu mistednin sabiex jiddiskutu dan il-punt fuq TVHemm. B’xi mod il-ħin intilef u lanqas kellhom ċans jitkellmu u d-diskussjoni sfat posposta biss qabel ma l-mistiedna fetħu ħalqhom, intalbet l-opinjoni ta’ Peppi Azzopardi. Bla ebda sorpriża smajna lil Peppi jitkellem dwar kif ma jifhimx li hawn min qed jgħaġġibha tant, meta tikkunsidra li Peter Andre ser jgħamel riklam lill-Belt Valletta għax “…waqt il-Malta Music Awards rajnieh bil-crew tiegħu jiġru warajh”. Dan l-argument imur id f’id mal-kumment tas-Sindku, meħud minn artiklu fuq  timesofmalta.com “The title can be misleading perhaps. He does not represent the culture of Valletta, we’re just seeing it from a promotion point of view.”

Filwaqt li nittama li m’aħniex ser nieħdu lezzjonijiet dwar Kultura (k kapitali ntenzjonata) minn fuq TVHemm, nistqarr il-konvinzjoni tiegħi li Peter Andre qatt ma kkontribwixxa għal kultura dinjija. M’għandux kredenzjali kulturali validi. Għandu biss kredenzjali kummerċjali limitati sforz is-suċċess li kiseb fl-1996 b’kanzunetta li laħqet it-tieni post tal-klassifika Ingliża u varji stejjer ta’ gossip ma’ Katie Price. Ikun tajjeb jekk qabel xi ħadd jitkellem dwar kultura u suċċess, jispjega x’jifhem biż-żewġ kelmiet!

Nirrepeti li il-kwistjoni madwar Peter Andre ma hix wisq in-nuqqas ta’ komunikazzjoni minn naħa tal-Kunsill f’din id-deċiżjoni – għalkemm iva, anki dik hija xi ħaġa nkwetanti. Huwa argument fejn bħala ċittadin Malti u fuq kollox, bħala artist Belti, nistaqsi u niċħad l-eliġibiltà ta’ Andre għal dan it-titlu relatat mal-Belt tant għażiża għalina. 

Andre kellu jkun mistieden iħalli l-impronta ta’ idejh fil-Bay Street Walk of Fame jew xi titlu relatat mal-aspetti kummerċjali f’pajjiżna iżda mhux Ambaxxatur tal-Belt Kapitali. Għal kuntrarju tal-istqarrija tas-Sindku li dwar min jista’ jkun eliġibbli għal dan it-titlu qal: ““It can be given to someone of certain fame, be fond of Valletta and is willing to help in the promotion of our city abroad”, nemmen li hemm bżonn li dan it-titlu jingħata lil min jissodisfa ċerti kredenzjali kulturali u artistiċi u min għall-istess kredenzjali stinka fuq ambitu nternazzjonali u li għal dan huwa rikonoxxut.

Żgur li l-mibki Lucio Dalla kien ikun ambaxxatur denju; xempju brillanti għal titlu tant prestiġġjuż.

Konverżjoni f’Jum in-Nawfraġju

Kemm rifsu nies fuq dawn il-Gżejjer? Kemm mexxejja terrqu fostna? Kemm? Politiċi, reliġjużi, artisti. Semmihom. F’xi mument ilkoll ġew iduqu ż-żîna ta’ din l-Art.

Filwaqt li b’emozzjoni nirrepeti n-noti ħelwin għasel tal-Innu lil San Pawl Nawfragu, miktub minn Dun Frans Camilleri lura fl-1945, ma nistax ma nerġax inġedded l-idea f’moħħi ta’ dan il-persunaġġ storiku li frott esperjenza ta’ konverżjoni, kien ispirat jinbidel u kien ta’ ispirazzjoni għal ħafna sabiex jinbidlu.

Niftakar f’Sawlu, qaddej fidil tal-Imperu Ruman li għadda minn esperjenza qawwija li biddlitlu ħajtu. Esperjenza li kontra kull mistenni ġegħlitu jitlef il-kontroll taż-żiemel, jaqa’ minn fuqu u saħansitra jitlef id-dawl t’għajnejh.

Esperjenza li anki jekk mhux deskritta b’mod tekniku, iżda deskritta fuq stil metaforiku, letterarju u artistiku, twasslilna messaġġ ċar:

Sawlu mibdul quddiem għarfien ta’ verità ma ddejjaqx imur kontra l-kurrent kulturali tiegħu u jindirizza ħajtu lejn missjoni eżawrenti – bl-iskop li jinstiga konverżjoni universali. Konverżjoni li ma tarafx konfini, razez, sessi jew ġnus. Konverżjoni li lanqas quddiem il-mewt ma tibża’ titbaqbaq. Konverżjoni epokali li ħasdet imperi politiċi iżda anki popli kemmxejn innokwi fuq gżejjer f’nofs l-ibħra. Konverżjoni rrakkuntata fi vjaġġ, mitmum b’nawfraġju kiefer li farrak bastiment sabiex jinbeda vjaġġ li jtul sa żminijietna fuq art f’nofs il-Mediterran.

Illum, filwaqt li nitpaxxa bir-riħa tal-Festa Pawlina fi Triq San Pawl, fl-uċuh kuluriti ta’ sħabi ħabrieka Pawlini, fit-togħma ħelwa tal-qubbajt, fix-xita ta’ karti tan-niżla tal-Mażri, fil-mota ferrieħa u mexxejja tal-qniepen tal-Kolleġġjata, niftakar f’Pawlu, fih u fija, u għat-tlieta u tletin darba f’ħajti,  f’daż-żmien tas-sena, nitolbu jispira fija konverżjoni. Konverżjoni li ma tbeżżgħanix minn qilla ta’ mewġ qalil imma li tkissirli l-bastiment u twassalni fi xtajtiet, li għalkemm ma ngħarafx, jilqgħuni.

Għax kburi li jien Malti. Għax kburi li jien Pawlin. Viva l-Għaxqa ta’ Malta!

Valletta 2018 – Belt Kapitali tal-Kultura

Wayne Marshall ġie maħtur bħala Direttur artistiku għall-proġett tal-Valletta 2018. Filwaqt li sieħbi l-iSpanjol ikkritika l-għażla burokratika, jien nawgura lis-Sur Marshall sabiex fi żmien qasir jifhem is-sistemi Maltin li spiss jikkuntradixxu lil xulxin.

Xhur ilu identifikajt propjetà ġewwa Belti li kienet f’kundizzjoni tajba u tħajjart ninvesti fiha. Tkixxift u skoprejt li hija propjetà li kienet tinkera mill-Gvern. Komplejt ir-riċerka u tal-Lands Department għamlu l-parti tagħhom. F’ġieh ir-riġenerazzjoni tal-Belt Kapitali Ewropea, qaluli li “propjetà tal-Gvern f’kundizzjoni tajba ġewwa l-kapitali taqa’ awtomatikament għal skemi ta’ ‘social housing’.” Tefgħawli wkoll naqra melħ, minn dak l-aħrax tal-Qbajjar fuq il-ferita meta qaluli “identifika propjetà dilapidata u hemm inkunu nistgħu ngħinuk”

Kellimt ukoll lill-Ministru li ftit qabel kien għadu kif qata’ żigarella fuq proġett ta’ inċentivi għal propjetà mitluqa ġewwa l-Belt. Nammetti li kien ġentili u rrispondieni minnufih. Bil-kliem “Jekk taqa’ taħt il Housing bilfors trid tiġi allokata fuq bażi soċjali sakemm ma tiġix rilaxxata mill-istess Housing Authority” ħawwadni ftit aktar u ħallieni nistaqsi jekk jien, ħaddiem u student ta’ 31 sena inix ikkunsidrat fuq l-istess “bażi soċjali”.

Tlabt aktar dettalji u uffiċjal mill-istess Ministeru ċemplitli biex tikkjarifika, biss, reġgħat tennietli l-istess kliem li kienu qaluli mid-Dipartiment tal-Lands. Kif jgħidu l-Ingliżi – dawk li diġa’ inqalgħu mill-Euro 2012 – “back to square 1”. U llum nidħak naqra dan l-artiklu.

Bl-ingliż ukoll ngħid “Welcome Mr Marshall”.

L-onorevoli José Herrera u Austin Gatt – xi ħadd darba ddeskrivhomli bħala “il-feriti tal-Belt”. U bir-raġun. Belt ġojjell mifnija burokrazija. Mifnija blu u aħmar – fejn persunaġġi ta’ rieda tajba wkoll jiċċapsu ma’ aġenda partiġġjana u allura jgħażlu li jikkompetu, minflok jikkollaboraw.

  • Merħba Sur Marshall f’Belt fejn filwaqt li l-Beltin jistaqsu fejn telqu l-bandli tat-tfal fil-Mandraġġ, il-Prim Ministru jirċievi l-applaws kommoss (jew le?) waqt l-inawgurazzjoni.
  • Merħba Sur Marshall f’Belt fejn l-iskola Primarja tibqa’ ġġorr stigma u hija meqjusa bħala ‘tat-tielet klassi’ fil-pajjiż.
  • Merħba Sur Marshall f’Belt fejn dak li jiġi minn barra biex idabbar lira jsib bibien miftuħa beraħ filwaqt li min rawwem ruħu b’demm l-iljun, qajla jinstema.
  • Merħba Sur Marshall f’Belt fejn meta jisparixxu (jinsterqu?) dettalji storiċi minn Sada Stretta, tispikka l-bruda.
  • Merħba Sur Marshall f’Belt fejn sa sena ilu konna nospitaw kultura kulurita ta’ Karnival – iżda li ġiet misruqa lilna bi proġett li jesalta lill-ġojjell partiġġjani – le mhux saffir u rubin.

  • Merħba Sur Marshall f’Belt fejn kull resident huwa mimli passjoni.
  • Merħba Sur Marshall f’Belt fejn kull resident jaf jgħatik qalbu jekk tirrispettah, iżda jiksirlek tiegħek jekk le.
  • Merħba Sur Marshall f’Belt fejn il-kultura hija fid-demm ta’ min tassew ħabbha u mhux fil-kummerċjant li jixtieq jorqod lejl magħha.
  • Merħba Sur Marshall f’Belt fejn resident sieket jaf jitkellem aktar mill-aqwa preżentatur li qatt ser jissuġġerulek fil-kumitati.

Merħba Sur Marshall f’Belt li, sa minn meta nibtet il-ħolma f’moħħ il-Parisot, dejjem kienet belt Kapitali Ewropea – bit-titlu u mingħajru!

Ċar u Skur

Il-flashbacks idejquni.

“Qatt xtaqt terġa tibda ġurnata mill-bidu?
Għid il-verità?”

Iva, kien hemm ġranet li xtaqt nerġa ngħix, mhux biex nibdilhom iżda sabiex, appuntu, nerġa ngħix kelma b’kelma, pass b’pass, ħarsa b’ħarsa, bikja wara bikja.

Kjaroskur, id-dramm tal-grupp teatrali Dù li kelli l-pjaċir nattendi għalih illejla, huwa miżgħud bis-sempliċità ta’ ħajja, kultant imżejna bl-apatija, ta’ erba’ karattri, sfaċċatament opposti jew kumplimentari – saħansitra fil-kulur u stil tal-ħwejjeġ.

Id-dramm tal-mirja. Il-mirja fejn in-nisa rqaq jaraw lilhom infushom ħoxnin, fejn ir-raġel jilmah f’martu lill-falliment emozzjonali ta’ snin ilu, fejn il-mara tara refuġju f’art barranija u fil-logħba tas-sess liebes qrun. Mirja li juru opposti f’ġudizzji, f’karattri, f’tattiċi ta’ ċrieki soċjali.

Il-flashbacks jgħejjuni.

Linji diġitali u vertikali ta’ qtar ix-xita jiltaqgħu ma linji naturali u oriżontali tal-ħasira filwaqt li jitħalltu ma’ mumenti umani ta’ kuljum, li jafu jevolvu f’traġedji. Saqajn twal, ġenbejn kbar, xagħar folt mgħaqqad u l-udjenza spiss tidħak minn wara l-ħasira.

Nintefa quddiem il-mera. Minjaf? Forsi l-aħħar sena kaxkartha f’ħoġri ġewwa t-teatru ta’ San Ġakbu u lmaħt l-opposti: iċ-ċar u s-skur fi traġedji tant familjari taħt sfond mużikali iterter mill-Islanda.

Tfaċċaw xi flashbacks.

Nota: Minn qalbi ngħid prosit lil Simone tal-ħsieb wara dan id-dramm dettaljat dwar sempliċità kwotidjana. Grazzi lill-erbgħa atturi tal-karattri li fasslu, grazzi lil Pierre Portelli tas-sett kurjuż u grazzi lil Dù għall-prodott li preżentaw.

Kjaroskur jerġa jinżamm illejla s-Sibt 31 ta’ Marzu u għada l-Ħadd, l-1 t’April fit-8pm ġewwa l-Kavalier ta’ San Ġakbu fil-Belt Valletta.

Il-binja fil-Belt ser titkabbar

Mixħut kif jien ġo sodda fost imkatar bojod u lożor u kutra vjola, fettilli nara l-intervista li ġurnalista ta’ Times of Malta għamlet mal-Onorevoli Chris Said, Ministru frisk frisk fuq il-Ġustizzja.

Wara li erġajt tajt titwila lil facebook sakemm jgħaddi r-riklam tal-bidu, li qatt ma nara, bdejt nisma u nistgħaġeb. Hawn huma xi annotazzjonijiet:

Reazzjoni mmedjata lejn dan l-artiklu huwa t-titlu li għal darb’oħra huwa qarrieqi – biss illum nafu biżżejjed kif ġurnalisti u edituri varji qed jieħdu vantaġġ mis-sensazzjonaliżmu li ċertu titli jqajjmu, speċjalment fuq facebook shares u allura, anki jekk il-kontenut tal-istorja jgħid affarijiet oħra, it-titlu magħżul għandu skop uniku: sensazzjonaliżmu fuq in-netwerks soċjali. Tant sirt nammira dawn it-tattiċi li tħajjart ngħamel hekk jien ukoll f’dan l-artiklu – bit-tama li jkolli iktar hits minn blogs oħra.

It-tieni reazzjoni ta’ frustrazzjoni li tiġini hija meta nisma lil dan il-Ministru – li ħafna nies ifaħħru għal kapaċitajiet tiegħu – jgħid illi l-bini kontroversjali ġewwa l-kapitali ser jinħatt parzjalment biex jirrispetta l-“iskyline” tal-Belt.

M’inix intiż fuq arkitettura biss konvint li l-argumenti li jduru madwar din il-binja selvaġġa huma ħafna iktar minn din il-waħda partikolari li għoġbu jindirizza l-onorevoli.

  • Dan il-bini l-ewwel u qabel kollox sar b’ġebla li mhix dik li b’mod tant ovvju tgħati kulur lill-ġojjell tagħna.
  • Il binja għadha disinn li jikkomprometti l-istil brillanti li jżejjen kull toqba u kantuniera tal-Belt Umilissima.
  • Fuq kollox il-binja hija ta’ inutilità liema bħalha speċjalment meta niftakru li l-istess Belt hija miżgħuda bi propjetà li tokrob sabiex tiġi rinovata u mogħtija lura l-ħajja li jistħoqqilha.

Biss il-Ministru qal li konxju mis-sensittività tal-Belt Valletta, allura, wara li din il-binja nbniet, issa qed niftħu applikazzjoni ġdida mal-MEPA sabiex inkunu nistgħu nbiddluha – ikun interessanti nkunu nafu xi flus jinvolvi dan kollu. Huwa grottesk il-fatt li filwaqt li l-Ministru Said qed jgħid li ntefgħat applikazzjoni sabiex jinħatt parti mill bini, jistqarr ukoll li hemm applikazzjonijiet fuq tender għat-tisbieħ intern tal-post! Tgħid la jinħatt parti mill-bini, min jerbaħ it-tender jitlob xi rimbors mill-Gvern għax it-tender ikun inbidel?

Grazzi tas-sensittività tiegħek Minstru. Kważi kważi ħa naqbad maktur, li issa m’għadux tant abjad u nixxotta d-demgħa li ħierġa minn għajnejja.

Il-Valletta u l-abbatini

F’dawn l-aħħar jiem staqsejt lili nnifsi x’seta’ jerġgħa jgħatini l-ħeġġa li nikteb. Kien żmien antipatku fejn tħossok niexef minn kull opinjoni. Biss illum xi persuni qrib tiegħi reġgħu laqtuli l-kordi tant sensittivi għalija li jmissu lil Belti u lil niesha.

Kollox beda mill-famuż rekord kalcistiku li mill-1983 sa ġimgħa ilu, Hibernians FC kienu jħaddnu. Rekord li fl-għola livell tal-futbol Malti, rajnihom ma jitilfux 37 loghba konsekuttiva. Ġara, iżda li l-Ħadd, 18 ta’ Settembru, Valletta FC irnexxielhom jilħqu l-istess rekord u allura l-konfront tal-bieraħ li nzerta kontra l-istess Hibernians, kien ifisser li Valletta FC setgħu laħqu rekord ieħor.

Kulħadd jaf x’ġara kemm fil-logħba u anki barra. Kulħadd jaf li l-capitano għamel foul ikrah, tkeccew 3 plejers beltin u Hibs rebħu din il-partita. Il-kelma ġriet ukoll li kien hemm xi partitarji Beltin li attakkaw partitarji Pawlisti. Bħalma jiġri dejjem, ilbieraħ kulħadd sar jifhem fil-futbol Malti.

Kif diġa semmejt, kien hemm min bgħat jgħidli li wara il-loghba kien hemm xi partitarji li aggredew lil Pawlisti bla ma ntervjenew il-Pulizija u f’mument ieħor, xi partitarji nfexxu jgħajjruh hekk kif rawh jiccelebra r-rebħa fi triqtu lura. Xi ħadd ieħor filwaqt li ammetta li tal-Belt jafu jghamlu l-ahjar support, tenna li tal-Belt m’huma sports xejn għax fil-final tat-trophy, ġara li ġara.

Niskanta kif nies ta’ certu ntelliġenza, nies li għandhom ir-rispett komplut tiegħi jafu jkunu kapaci jgħaddu kummenti li jiġġeneraliżżaw u jitfgħu dell ikrah fuqi u beltin bħali li għalkemm ħadd u xejn ma jmissilna l-imħabba lejn Beltna u dak kollu li hu Belti, nafu nirraġunaw b’moħħ u qalb sportivi, b’moħħ u qalb intelliġenti, b’kuxjenza matura.

Nistaqsi jekk hux f’kull grupp ta’ partitarji mad-dinja kollha ssibx min jitlef rasu, issib min jinfexx joffendik bil-familja u ssib min m’għandux idea ta’ spirtu sportiv. Possibbli ma jimmaġinaw lil ebda partitarju Belti għaddej għall-affari tiegħu li jaqla tajjira minn partitarji opposti? Possibbli? Jew tassew minnu li l-partitarji mhux Beltin huma kollha full-time abbatini jew arkanġli?

Uħud jgħiduli “iktar int teħodhom bi kbar Pawl!”. X’inhu l-punt li tant iweġġgħani?

Il-punt li jweġġa huwa li dan it-tip ta’ kummenti ħorox joħorġu biss meta fin-nofs ikun hemm il-Beltin. Wisq nibża li fil-ġewwieni, il-kummenti m’humiex indirizzati lejn il-klabb imma lejn il-Beltin bħala komunità. Komunità, li għal kuntrarju ta’ dak li sostna ufficcjal li kellimt ftit tal-ġimgħat ilu flimkien mas-Sindku tal-Belt, Alexiei Dingli, għadha tkaxkar stigma. Stigma li nibtet snin ilu meta l-Belt, riżultat tar-riġenerazzjoni ta’ wara il-gwerer, rat fiha kull tip ta’ nies, bħal f’kull belt imġarrba oħra. Stigma li llum għadha tiġi rreklamata minn ħafna, hekk kif jisimgħu li Belti wettaq xi att kriminali.

Inzerta wkoll li sforz l-appartenenza li għandha din il-komunità lejn il-klabb tal-futbol li jirrappreżentaha, l-attendenza fl-istadium spiss tkun imdaqqsa u aktar minn dik avversarja b’possibiltà akbar li jattendu wkoll persuni li l-interess tagħhom mhux ġenwinament l-isport.

Il-klabb belti spiss ikun fil-quccati, jitħabat għat-titli u jilgħab logħbiet finali, waħda wara oħra. Partiti jaħarqu, li fihom tikber it-tensjoni u fejn facli xi hadd jitlef rasu u jidher fil-gażżetti. Facli tgħid li l-partitarji ta’ Bubaqra huma pacifici ngħidu aħna!

Bħalma dejjem għamilt, bl-ebda mod ma nifraħ lil partitarju jew plejer tal-Valletta FC u/jew Belti li jaggredixxi jew iġib ruħu b’mod mhux sportiv. Ma naqbilx lanqas ma min jifraħ quddiem atteġġjamenti hekk.

Il-kummenti retorici ta’ nies li jaslu għal konklużjonijiet mhux infurmati, jirritawni mmens. Iktar u iktar meta certu nies inqishom mal-intelliġenti, nies li jmorru jgħamlu xogħol volontarju ma’ tfal li ġejjin minn ambjenti difficli, ħabsin jew familji mkissrin.

  • Minjaf kemm tfal Maltin jgħaddu minn problemi għax iġorru l-istigma li ħaddieħor sostna fuq il-komunità tagħhom?
  • Smajna bi stejjer ta’ żgħażagħ li sabuha difficli jsibu xogħol għax “mill-Belt” jew “minn Bormla”… anki dawk b’kondotta nadifa. Għalfejn?
  • Smajna b’għalliema li ma jmorrux jgħallmu fi skejjel f’lokalitajiet simili… Għalfejn? Int għandek sehem?

Forsi ma tifhimnix. Forsi inti medhi tixgħel ix-xemgħat jew tittallab għall-karità,  mal-abbatini sħabek.

Issa li dalwaqt naraw il-brand ufficcjali għal Belt Valletta hekk kif maħduma mill-Kunsill Lokali, (ara hawn) nerġa nħeġġeġ lil sieħbi, is-Sindku Alexiei Dingli sabiex tassew jieħu bis-serjetà l-element tal-istigma li ġġorr fuqha din Beltna tant għażiża. Ikun inutli nsebbħu l-qoxra ta’ barra mingħajr ma nfejjqu l-uġiegħ intern. Nittama li din il-kitba ma taqax f’widnejn torox.