Category: Uncategorized

L-infinit

Huwa f’ċertu ħars li jintlemaħ jew jinħeba l-infinit. Hekk ikantaw Battiato u Consoli. Jistaqsu kif tista’ ma twerżaqx dak li l-univers jorbot ma’ rwieħna f’għaqda minsuġa bil-ktajjen?


Fil-forma ta’ kliem u l-kumbinazzjonijiet ta’ bejniethom, fid-daqqiet tal-pinzell diġitali, jien inwerżaq. Inwerżaq. Inwerżaq bħall-karozza arroganti li taħsad is-skiet ta’ triq siekta. X’ħin tarani sieket, jien qed inwerżaq. Fid-dlam, qabel il-lejl jifrex liżar fuqi, iftaħ widnejk u tismagħni nwerżaq. Meta mal-ħobż tal-kexxun fit-towster titla’ xemx ġdida, ieqaf, neħħi minn idek u ismagħni nwerżaq.

Il-ħsieb u l-kliem joħorġu jilgħabu mal-lejl. Jiġru u jitkaxkru mal-art, qalb trabijiet, għadajjar t’ilma u karozzi pparkjati. Bħal missjunari jew forsi lagħaba bla fejqan jibqgħu isostnu l-fidi tagħhom b’ostinazzjoni. Jittajru kliem u ħsibijiet fi bżieżaq, fl-arja tiegħek u jiżżeffnu mar-ruħ bil-moħbi. Dak il-moħbi li ftit jażżardaw jitkixxku fih… ħlief int. Int taqbeż f’dak il-moħbi mimli tempesti, bluha u ħoss l-orkestri.

Nidħak waħdi b’għajnejja b’nitfa dmugħ, meta ma nifhimx għalfejn inwerżaq. Jekk l-univers jarmi l-ktajjen, jien niżloq, jien immut. Jekk l-univers ma jsallabnix, jien ma nerġax inqum wara tlett ijiem. Għalhekk kull lejl jiftaħ separju fuq destin diżorganizzat; imċajpar; u bir-ritmu tal-lastiku fuq il-wiċċ tal-karozza, jaħsel ħuġbejja b’emozzjoni biex l-infinit jerġa’ jagħmel sens. Biex meta tpoġġi fjura fuq qabri, tismagħni nwerżaq.

Ispirata minn din. Miktuba għal dik.

Teresa

Ferraħni għal mument wieħed
għax għandi bżonn ħolma
biex ngħix għada.

Rawwimli t-tama sabiex nistrieħ
u norqod bi tbissima.
Anki jekk l’għada inti tgħib.

L-Għarbiel

Ħsibijiet eluf
u kliem biss ftit.
L-għarbiel mhux ilaħħaq.

Ħarsa ġenwina, kultant titkellem.
Kliem maħtuf, mhux maħsub,
jimmuta.

Jien, jien u jien

L-individwaliżmu huwa l-kawża qerrieda ta’ tant firdiet u tant solitudni fil-kultura essenzjalment konsumerista tal-Punent. Jien, jien umbagħad jien. Illum nitgħallmu u nippriedkaw kif infendu waħedna, kif nesprimu dak li naħsbu b’assertività u kif inħossuna kapaċi mingħajr wisq bżonn ta’ ħaddieħor.

Illum nitgħallmu kif nistħu nammettu li nħobbu bil-għama. Illum nitgħallmu nippuppaw sidirna meta ma niddependu minn ħadd. Illum nitgħallmu ngħoxew fin-narċisiżmu meta nikru post għal rasna. Illum nitgħallmu li aħna b’saħħitna jekk ma nibkux. Illum nitgħallmu li aħjar tiskot milli tafda, li aħjar titmermer milli twarrad ma’ ħaddieħor. Illum nitgħallmu nitkellmu dwarna nfusna; il-jien, jien u l-jien.

Jien kburi li nħobb bla wisq raġuni. Li ngħix f’familja u jien parti minn komunità. Illum jien kburi li kapaċi nibki. Kburi li nafda anki meta nweġġa; basta mhux imsikket. Fl-aħħar mill-aħħar, kburi li nħobb, u forsi bħal iblah nibqa’, kuljum, nissogra ċ-ċans wisq ħlejju li wara l-iljieli, nerġa’ nwarrad.

L-ewwel karozza mberfla

Kienet ilha snin tberren f’rasi. Illum il-ħolma ċkejkna saret realtà. Kulħadd konxju li s-sengħa tat-tberfil qegħda, kulma jmur, tisparixxi u allura xtaqt li jien ukoll ngħin biex dan ma jseħħx. Lura fl-2003 kont tgħallimt napprezza dan ix-xogħol meta ġie f’idi l-album mużikali “Żifna” ta’ Etnika. L-idea ta’ Andrew Alamango u sħabu, li jintroduċu t-tberfil fl-aspetti mużikali, kienet laqtitni mmens, tant li fl-ewwel esibizzjoni artistika tiegħi fl-2008, kont inkludejt elementi tat-tberfil anki fil-kunest tal-arti viżiva.

Dalgħodu qbadt il-karozza u fid-9am kont San Ġiljan. L-artist Joe Farrugia mill-Qrendi, spjegali kif qagħad jispjega lill-mara li għall-ewwel darba, kien ser iberfel karozza privata. Forsi jien miġnun. Imma kultant sabiħ tkun miġnun. Kellha tkun karozza Beltija, kulur safrani tax-xarabanks l-antiki!

Joe esprima kemm -il darba li ma xtaqtx li juża l-istil l-iktar dekorattiv tat-tberfil għax ħaseb li dan jaf ma jikkumplimentax id-disinn modern tal-karozza, allura, fuq parir tiegħu, għażilna li nkunu ftit kawti u nibdew dan l-esperiment b’interventi sempliċi iżda eleganti. Apprezzajt ħafna l-ħsieb ta’ Joe sabiex jgħażel kuluri li jirrispettaw l-isfar oriġinali tal-karozza. Ma nistax ma nsemmix ukoll dik id-‘daqqa’ partikolari li juża sabiex iberfel linja jew ittra u l-mod kif b’idejh u bis-swaba iżomm il-kontroll tal-linja! Gost kbir tara l-proċess iseħħ quddiem għajnejn. Filfatt ikolli nammetti li l-ħajra li mmidd idejja, tfaċċat…

Inħeġġeġ aktar nies jikkunsidraw din id-dekorazzjoni tradizzjonali fuq il-karozzi personali tagħhom. Għal aktar dettalji, tistgħu tibgħatuli email fuq tascity@gmail.com

Ατέλειωτα Χρυσάνθεμα – Għelieqi bla tmiem ta’ kriżantemi. It-titlu ta’ kanzunetta Griega li tassew tispirani, http://tinyurl.com/ovzleca – Grazzi lill-artista Maria Pantelidou għall-kitba!
Joe Farrugia spiċċa jberfel bil-Grieg ukoll!
Ejjew tascity!
tberfil… fil-veru sens tal-kelma
Linji perfetti mpenġija bl-idejn – xogħol ta’ Joe Farrugia

Remurdered. Maqtul mill-ġdid.

Remurdered. Maqtul mill-ġdid.

Biċċa mużika ideali għall-ġurnata tal-llum fejn ħafna nies madwari narhom mitlufa wara tifkiriet ta’ żagħżugħ tal-età preċiża tiegħi li spiċċa msallab wara li ngħata bewsa.

Illum ma tantx għandi ħin nikteb minħabba mpenji oħra, biss kelli dan il-ħsieb iberren hekk kif dalgħodu faqqgħu dawk it-tlett sajjetti meraviljużi bejn is-sur ta’ quddiem kamarti u qalbi. U meta jberren, ikun irid jinkiteb!

Lil min qed insallab illum?

‘L bogħod minn kull diskors reliġjuż, ikolli ngħid li l-iktar sitwazzjoni li spiss ninjora hija meta nispiċċa nsallab lili nnifsi. Għandi x-xorti li f’ħajti tfaċċaw nies li b’xi lingwa jew oħra, ifakkruni meta jarawni b’xi kaxxa msiemer f’idi u martell fl-oħra. Kultant l-imsiemer tal-biżgħat, l-imsiemer tat-tfulija, taż-żogħżija, l-imsiemer ta’ mħabbiet passati, l-imsiemer ta’ futur ‘bir-ross’ bħal f’televiżjoni antik jew l-imsiemer ta’ xewqat li jaqtgħuk mill-preżent. Minn issa.

Lil min qed insallab illum?

Nemmen fil-qawmien. Nemmen fi proċess li ħafna jitkellmu dwaru. L-istess proċess imma mhux l-istess nies, jew aħjar, mhux l-istess kostum. Min liebes ta’ qassis, min ta’ għalliem imżewwaq bl-akkademja, min bil-beġġ tal-mużew, min bid-dreadlocks, min miksi make up, min b’xagħru mqaxxra, min b’kitarra jew pinzell, min f’qiegħ ta’ sodda qabel telaq u min f’nofs bikja ta’ ferħ. Ħafna kostumi u gwerer iżda l-istess messaġġ.

Nemmen fil-qawmien ta’ min weħel mal-passat, ta’ dik it-tfajla mill-isbaħ li nqabdet il-Gżira tiġġenera l-flus b’ġisimha, ta’ dak l-attivist li spiċċa mjassar mill-ħsieb tal-vjolenza. Nemmen fil-qawmien ta’ dak il-missier li ngħalaq f’kamartu jaqra kotba inutli li wikkielu l-kappillan biex mingħalih isalva ruħu billi jixtarr mewtu. Nemmen fuq kollox fil-qawmien tiegħi lejn ħajja profonda bħall-għawma f’baħar blu u r-riħa ġenwina, għalkemm mielħa, tiegħu. Fuq kollox nemmen fil-bewsa; fl-imħabba.

Kien ikun fierah dan it-twemmin, mingħajr il-qawmien.

Le żgħażugħ, mhux kollox hu mitmum. Le ma rridx inkun ħati ta’ qtil ieħor.

Remurdered.

Il-bewsa hija qawmien u qatt tradiment.

Kesħa

Ilbes għax tiksaħ
jew tibla xi riħ.
Mhux żmien li tinkixef,
tiġġerra fil-ksieħ.

X’qed tagħmel hawn barra?
Ingħalaq fis-skiet.
Taf sew li dan moħħi,
ma jrid l-ebda nkwiet.

Fuq ġewwa l-kuluri!
X’ħriġt tagħmel fid-dlam?
Int tad-demm u l-laħam,
jew qalb tal-injam?

Biki u theżżiż tas-snien

Ninsab imbikkem u rrabjat fl-istess ħin. Nixtieq nibki u nixtieq inwerżaq. Nitwerwer u nħoss dardir fl-istonku meta nirrealizza li ninsabu ċirkundati b’tant nies imliebsa għamad li lanqas jafu japprezzaw fejn qed jgħixu u x’inhu l-preġju ta’ dak li għandhom.

Iktar kmieni dalgħodu xi ħadd tarrafli li wieħed mill-famużi ħwienet fit-Triq il-Lvant ġewwa Belti, dak li fi ċkuniti niftakru armat sa ruħ ommu b’ġarar tal-ħġieġ oħxon u kemmxejn ħadrani, wieħed minn dawk li minjaf kemm attira produtturi ta’ films għal din it-triq, illum spiċċa mingħajr il-bieb antik u tant sabiħ tiegħu. Miegħu sparixxiet ukoll il-landa li fuqha kien hemm xi darba l-isem tal-ħanut u li issa spiċċat miksija moffa u sadid. Għaddejt ftit siegħat wara u nilmaħ dan il-bieb fi skipp. Kelli mmur xogħol u ma stajtx nieħu wisq azzjoni bil-mobajl tiegħi, li lanqas kuluri fl-iskrin ma fih. Xi siegħat wara sirt naf li l-iskipp kienet inġabret u allura qabadni niket kbir, speċjalment meta ħabib tiegħi għaddieli ritratt ta’ dak li hemm issa, żewġ purtelli tal-ħadid!

B’liema arroganza, xi ħadd għandu dritt iħassar memorja ta’ din il-Belt tant għażiża? B’liema livell ta’ injoranza (f’sens ta’, aljenazzjoni) kapaċi nkunu daqstant birdin quddiem dan it-teżor uniku fid-Dinja? U hawn, l-argument li l-propjetarju għandu dritt jgħamel li jrid f’daru, ma jsegwix. Propjetà fil-Belt Valletta, ċkejkna kemm hi ċkejkna, tgħamel parti minn tessut sħiħ ta’ kultura, disinn, ħsieb u lingwaġġ, li vjaġġa tul iż-żminijiet f’ilsien il-ġenerazzjonijiet Maltin, sakemm wasal s’għandna. U llum, f’dinja fejn nistgħu nreġġgħu għal ħajja kull oġġett miblul, naqbdu u nkeffnu kollox biex ngħamlu spazju għal xi lqugħ tal-metall! X’ma jitgħeżżux is-snien!

Għada, (litteralment) jaf ikun imiss lill-ħanut ta’ faċċata – tat-tabakk – ħanut tal-1868. Minjaf? Sakemm kulħadd jibqa’ sieket, u sakemm id-dipartiment tal-infurzar tal-MEPA jibqa’ ma jaħdimx matul tmiem il-ġimgħa, dawn it-tip ta’ sfreġji ser jibqgħu isibu l-kumdità kollha. Biss biss minn dan tal-aħħar, ma nafx kemm -il oġġett ta’ żminijiet antiki ntrema’ fl-aħħar jiem!

Triq San Pawl… qabel u wara t-tkissir 

Il-ġimgħa l-oħra ġara l-istess lil ħanut fi Triq San Pawl u ftit xhur qabel, ix-xorti misset lill-ħanut tat-té ta’ Frans fit-taraġ ta’ Triq Santa Luċija. B’urġenza kbira hemm bżonn li l-Gvern u l-awtoritajiet interessati, jadottaw sistema, ilbieraħ qabel illum, fejn dawn il-ħwienet, filwaqt li jerġgħu jingħataw il-ħajja, jiġu preservati fil-glorja oriġinali tagħhom.

Jeħtieġ ukoll li l-Beltin u anki l-Maltin li għandhom għal qalbhom il-wirt kulturali, jqumu mir-raqda u jsemmgħu leħinhom. Inutli niċċelebraw titli u festi kulturali jekk fil-qalba tal-mentalità kulturali għandna darsa mħassra li tnemnem daqs xokk elettriku taħt l-ilma.

Tgħid hawn widnejn mhux torox u għajnejn mhux mgħottija?

It-tazza tal-Ġojja

Fl-ewwel kitba tiegħi din is-sena, ktibt dwar Jannar, ix-xahar li tant inħobb. Din id-darba, iżda, għoġbu jkun kattiv u jaħsad il-ħajja ta’ wieħed mill-ġirien; Clive Brincat, mgħaruf bħala ‘il-Ġojja’.

Mhux ta’ b’xejn dak il-laqam meta tara, tisma u taqra l-imħabba li ħalla warajh. Illum fi Knisja ta’ San Duminku ppakkjata, ċapċapnilu u bkejnieh imma hekk kif indaqq l-innu tal-Valletta FC, bħal qisni erġajt ilmaħt lil Clive bilqiegħda, hemm quddiem il-Qorti, mhedi jikkonċentra jnaqqax xi disinn fuq dirgħajn xi klijent. Stħajjiltni ħiereġ mid-dar u nsibu quddiem il-bieb u nisimgħu jgħidli “aw Pawl!”, b’dik it-tbissima mpekkabbli sinonima miegħu… u forsi naqbdu xi diskursata qasira dwar l-Inter u l-Milan. Illum sellimtlu għall-aħħar darba u tpaxxejt bil-komunità magħquda ta’ ħbieb u kollegi li Clive ġab flimkien.

Hekk kif issa kont qed naqra artiklu li jitħadded dwar il-kultura, irrealiżżajt kif karattru bħal Clive, bis-sempliċità kollha tiegħu, iżda b’passjoni lejn kull ħaġa li kien iħobb, rawwem kultura li laħqet u nvolviet ħafna u ħafna u ħafna nies f’ħajtu u issa, anki wara. Bi ftit kliem u ġesti sempliċi dan ir-raġel, li kiber ftit metri ‘l bogħod minni, mess lil ħafna u wassal messaġġ ċar. Dan kien l-aħħar kumment tiegħu fuq facebook:

“Bongu , nixtieq lil familja u il hbieb il milied u is sena it tajba mimlija saha u paci u jekk em xahat miggiled jirangaw u jattu il festi it tajba il xulxijn”

Hemm xi żżid? Madre Teresa kienet esprimiet xewqa li tkun qatra f’oċean li tqajjem xi mewġa ħafifa. Mhux b’omeliji tedjanti jew xi akkademja diffiċli imma b’ġesti sempliċi, bi tbissima sinċiera u appuntu b’ġojja lejn kull persuna li tmiss magħna rridu ngħixu din il-ħajja. Hekk, bħal Clive.

Tgħalima f’waqtha. Grazzi Clive – u prosit tas-suċċess li wettaqt minn ħajtek. Tazza li mhu ser tiswied qatt fil-vetrini tal-Beltin! Strieħ fis-sliem ħabib u Forza City dejjem!

Merħba Jannar

Merħba Jannar. Ix-xahar tant maħbub. Ix-xahar li fih tfaċċajt f’din id-dinja u li kull sena jfakkarni li qed nikber. Ix-xahar li kull darba jżewwaqli eċitament kbir bi stennija lejn il-Festa tant għażiża tan-Nawfraġju tal-Appostlu San Pawl f’Malta. Jannar, ix-xahar li fih, għall-aħħar snin, titfaċċa s-sogħba u t-tifkira ta’ żewġ irġiel li għalkemm ftit kont naf, ħallewli impatt ħlejju u n-nuqqas tagħhom għaddieni minn żminijiet xejn sbieħ.

Hekk kif ilbieraħ għal ħabta ta’ 23:50 intfajt taħt il-friex sabiex nipprova niċċelebra raqda komda flimkien ma’ din l-infezzjoni li ġiet tgħix miegħi f’għeluq is-sena, ħsibijieti ttajru lejn dawk l-anzjani Beltin li jgħixu waħedhom. Dak li bil-krozza u b’wiċċ ta’ uġiegħ imur jgħamel ix-xirja kuljum u dik li ilbieraħ stess ilmaħtha tiġbed carrier tul it-turġien ta’ Triq San Pawl, sabiex tmur lejn il-kwiet u s-solitudni tad-dar.

Dlonk daqqew it-tokki mponenti tal-qanpiena tal-Monument tal-Gwerra u ftit mumenti wara d-daqq, mhux aktar sottili tal-ħornijiet tal-vapuri li kiser is-silenzju fil-Port il-Kbir. Meta l-Belt kienet meqjusa ‘mejta’, dawn il-mumenti fil-familja kienu speċjali għax kont tilmah iċ-ċelebrazzjonijiet mill-bogħod, fuq xi każin fil-Kottonera jew it-tokki tal-qniepen tul il-kwantità ta’ knejjes li jidhru minn hawn. Illum l-għajjat tan-nies kemmxejn xurbana fuq xi sur, il-ħornijiet goffi tal-cruiseliners u l-ħoss tal-murtali kummerċjali, ifakkruni, bħal Jannar, li ż-żmien għadda u n-nostalġija jaf tkun kattiva – imsomma dik ma tafx mod ieħor.

Minjaf ma min fetħu x-xampanja dawk l-anzjani! Minjaf xtaqux jixtru kartuna ħalib dalgħodu imma ma ftakrux li llum kulħadd jibqa’ rieqed wara serata mal-ħbieb? U tgħid l-uġiegħ naqsilhom? Tgħid dik l-anzjana għollietha rasha biex tara wiċċ xi qarib li mar iżurha? Jew inħakmet minn aktar solitudni meta fit-toroq ta’ madwarha semgħet nies jiċċelebraw dan il-lejl differenti u lilha nesewha bħal dejjem?

L-ewwel jum ta’ Jannar. Jum ieħor li jgħaddi u jintesa mal-bqija – jekk mhux aktar – għax lanqas kalendarju għad m’għandi! Merħba Jannar. Din id-darba nlesti t-tlieta u tletin xemgħa u hekk kif neħles minn dan l-uġiegħ, ser inħares ‘l quddiem sabiex nerġgħu nkomplu fejn ħallejna bil-ħidma u bl-ideat kreattivi li jiġġeneraw il-ħajja.