Tag: malta

Mill-Luxol sa Firenze

Fi triqti mill-istazzjoni lejn iċ-ċentru ta’ Firenze kelli kunflitt ta’ ħsibijiet: bejn l-eċitament li daqstant tard f’ħajti ser immiss ir-realtà ta’ din il-belt tant maħbuba fost dawk li jħobbu l-arti iżda wkoll kemmxejn ta’ biżà mill-fatt li fi ftit ħin dik l-immaġini idealiżżata ta’ belt meraviljuża setgħat tisfaxxa fix-xejn. Għal mument l-immaġinazzjoni u r-realtà lletikaw b’qilla sħiħa ġewwa fija.

F’dawk il-passi bdejt nirrealiżża kemm għalkemm mingħalija “naf ħafna” dwar l-arti, biss ma kontx naf x’qed jistennieni wara dawk l-ewwel ħitan. Lura xi snin ilu diġà kelli nkun hemm biss għal xi raġuni jew oħra, jien u Stephanie konna għamilna bookings ħżiena! Oħti bdiet tirrakkuntali x’kien ġej għalija imma jien, dieħel ġo dik il-ħolma li ħlomt spiss u li issa kont ser nikxifha, bħal qishom ingħalquli widnejja.

Bħalissa ninsab hawn lura f’kamarti ġewwa, jew aħjar, fuq l-għatba tal-isbaħ belt fid-dinja iżda l-memorja ta’ Firenze għadha tberren bi ħlewwa waqt li nisma l-melodija ħelwa, b’xi kliem kemmxejn patetiċi, ta’ ‘Firenze Santa Maria Novella’ ta’ Pupo. Laqtuni numru ta’ affarijiet minn din il-belt.

Il-kelma ideali hija ‘sakra’. Tgħoġobni l-kelma ‘sakra’. F’Firenze trid tkun lest tisker bl-arti sakemm anki tasal tmur f’rokna tirremetti u terġa tmur tisker… L-ewwel sakra lili ġietni hekk kif wara l-mixja mill-istazzjon għal Via dei Calzaiuoli, sibt il-Katidral ta’ Santa Maria del Fiore hemm, quddiemi, ġigantesk, goff, kważi kważi jmur lil hinn minn kull proporzjon li l-uman jista’ jitħadded dwaru. Spiċċajt b’ħalqi miftuħ, forsi bħal meta kien skorja Totti kontra s-Sampdoria snin ilu. Bqajt b’ħalqi miftuħ ukoll quddiem il-Bisteccha Fiorentina tat-‘Trattoria Angiolino’, irrakkomandata b’saħħa minn sieħbi Gabriel. L-istess effett kellu l-ġelat tal-ġelaterija GROM kif irrakkomandat minn sieħbi Simon.

Bħal dejjem, fittixt li nsib lill-poplin fil-belt iżda nammetti li ma kinetx xi ħaġa faċli hawnhekk. Għalhekk ukoll, il-kunċert spettakolari ta’ Lorenzo Cherubini, a.k.a. Jovanotti fl-istadjum tal-Franchi, tani nifs. Hemm stajt induq togħma tajba tal-poplu Fiorentin. Nammetti li qam ġismi xewk xewk nismahom ikantaw il-kanzunetta ta’ Pupo b’vuċi waħda qabel ftuħ il-kunċert.

Jovanotti? L-aħħar li kont rajtu kien fil-Luxol wara Limestone Kick. Illum immatura aktar. Joffri spettaklu komplut. Jovanotti jirnexxielu jgħaqqad l-arti tal-mużika ma’ dik kontemporanja viżiva kif ukoll element qawwi ta’ teatru u film. Il-mużika u speċjalment il-kitba ta’ Cherubini tgħaddili ħafna enerġija u nħoss li dan il-mument għeni nerġa nispira ruħi sabiex inġib lura dak li ħaddieħor qatel fija.

“Abbiamo confidenza con i demoni interiori
sappiamo che al momento giusto poi saltano fuori
ci sono delle macchine che sembrano un miracolo
sappiamo come muoverci nel mondo dello spettacolo
eppure ho questo vuoto tra lo stomaco e la gola
voragine incolmabile
tensione evolutiva
nessuno si disseta ingoiando la saliva
Ci vuole pioggia, vento
e sangue nelle vene
pioggia, vento
e sangue nelle vene
e una ragione per vivere
per sollevare le palpebre
e non restare a compiangermi
e innamorarmi ogni giorno ogni ora ogni giorno ogni ora di più”

Fl-aħħar jiem ġewwa Firenze, laqtuni żewġ graffiti li kienu jgħidu xi ħaġa tipo “Fermate la città vetrina” u “Occupa le case”. Messaġġi li bħal qisu kkonfermawli li dak li ħassejt tul dawn il-ħamest ijiem kien minnu: filwaqt li Firenze hija belt li ma tħallilekx għażla ħlief li tisker fl-arti, fil-perfezzjoni arkitettonika, skultura u maestrija, ma tgħamililekx faċli ssib lir-ruħ tal-Fiorentini tal-llum. Bil-flus xtrajt il-biljetti biex stajt nidħol l-Uffizi u anki l-Galleria dell’Accademia. Bil-flus u bi stennija fi kjuwijiet twal tista’ tgawdi l-arti klassika, dik istituzzjonaliżżata imma lill-poplu Fiorentin trid tistinka biex issibu. Skantajt kemm nies lesti jqattgħu siegħat twal fil-qilla tax-xemx sabiex jidħlu jieħdu selfie ma’ David jew jqattgħu ħames minuti quddiem it-‘Twelid ta’ Venere’ ta’ Botticelli. Mumenti sbieħ tara dawn il-klassiċi quddiem għajnejk u tiskopri oħrajn li forsi qatt ma tkun smajt bihom iżda nasal naqbel li Firenze hija kemmxejn ta’ vetrina fejn l-istituzzjoni tal-arti tinħass aktar mill-espressjoni libera tal-poplu. Nistħajjel li huwa diffiċli għal artist kontemporanju li ma jħossux fgat minn tant tjubija tar-Rinaxximent. Ħadt gost ninduna li kien hemm l-proġett ‘Human’ ta’ Gormley għalkemm ma sibniex ħin immorru narawh. In-nuqqas tal-kontemporanju lokali f’belt daqstant kbira jinħass u nħoss li huwa argument importanti f’kuntest ta’ belt tant sinjura b’arti li għamlet x-xorti tal-Ewropa u anki tar-razza umana. Nittama li għandi żball, filwaqt li nestendi l-argument għal fuq il-Belt tiegħi.

Ħadt gost inżur xi bottegi u nibda’ diskursati ma’ ħaddiema jew imprendituri ta’ ħwienet. L-arti hija dik li sseħħ ta’ kuljum minn dawn in-nies. Fost dawn insemmi lil Michele ta’ Move On | Finest Beer Best Vinyl, lit-tlett tfajliet ġewwa Quelo Bar, lill-Contempo Records, lill-bottegi tal-ġilda ġewwa l-Bażilika ta’ Santa Croce, lix-xufiera tal-varji ‘buses’ u lill-ħaddiema fit-Trattoria Gustoleo. Il-graffiti, fil-maġġoranza artistiċi, li jitħallew tul it-toroq ukoll huma sinjal tal-poplu tal-llum.

Forsi huwa mpossibbli ssir taf belt b’daqstant storja f’ħamest ijiem aħseb u ara lil niesha imma ma nistax niċħad li sirt inħobb lil Firenze xorta waħda. Belt miżgħuda bi sbuħija li ironikament għandha bżonn rinaxximent; twelid ġdid f’dak li huwa llum biex hekk kif diskuss f’dan l-artiklu, ma tkunx belt mużew imma belt ħajja bit-Toscani u t-talenti kontemporanji tagħhom.

Ngħidu Iva

Nibqa’ ngħid li dik l-imbierka mistoqsija tar-referendum hija kruċjali fid-dinamika psikoloġika tal-vot. Fiha nfisha, timbuttak tivvota favurha. “Taqbel li nixtrilek ġelat?” bla ma trid tħajjrek tgħid iva… iżda “Taqbel li nevitaw ġelat illum?” tindikalek li min qed isaqsik għandu ntenzjoni jurik li dak il-ġelat jaf ma jkunx ta’ ġid għalik fl-okkażjoni. L-istess dawn l-imbierka referendi.

Huwa appuntu għalhekk fejn dejjem emmint, u għadni nemmen li, ‘l bogħod minn dak li tgħid il-liġi bażwija, quddiem mistoqsija hekk, dawk li jastjenu għandhom jiġu msarrfa f’vot li żgur mhux jgħid “iva”. Meta fl-uffiċju xi ħadd jistaqsi “min irid café?”, dawk li jibqgħu siekta, xorta jibqgħu bla café! Sempliċi le? Imma sfortunatement, il-liġi tmur oltre is-sens komun u sempliċi.

Imsomma, quddiem din l-ambigwità, reġa rebaħ l-IVA, rebħet l-injoranza ta’ poplu mhux edukat (ministru please note) u l-biżà tal-għeżież politikanti ggranfati ma’ kull vot! Rebaħ ukoll sieħbi Wayne li ftit ġranet ilu nebbaħna bil-profezija traġika ta’ Fantozzi fuq din Malta:

Rebaħ ukoll il-faqar ta’ kampanja xotta kontra dan il-vot. Kampanja bl-ingliż li klassifikat lilha nfisha l’bogħod mill-Malti tipiku. Waqt li kellha timbotta il-“LE’, din il-kampanja mbuttat “SHout”. Napprezza jekk Anġelik inebbaħni biex nifhem x’kienet l-istrateġija.

Rebaħ ukoll il-faqar tal-artist Malti li jisparixxi meta jkun hemm bżonn vuċi kreattiva u friska li twassal messaġġ politiku. Kien biss Trevor Borg bi ‘Crossfire’ li ssogra jitniffes u jinstiga mistoqsijiet. Nittama li għandi żball hawn!

U issa qegħdin hawn, illum 12 t’April 2015, jum għażiż għal żewġ persuni mportantissimi f’ħajti u li naf li jinsabu mbikkma b’dan ir-riżultat. Ħasra. Xtaqt, anki għalihom li jkun jum differenti!

Ngħalaq billi ngħid “grazzi Joseph” u “grazzi Simon” għal dan ir-rigal nazzjonali. Nittama li fil-monument figurattiv li għad jghamlulkom mas-sett meraviljuż quddiem Kastilja, il-ħamiem Belti jsib fejn jistrieħ u jserrraħ biżgħatu mit-tiri tal-kaċċa fir-Rebbiegħa.

Ħa nikkonsla billi nara lill-Fantozzi ta’ Malta (għax hekk jismu l-video fuq YouTube!).

Napoli, rakkont dwar Napoli

Napli, Napli, Napli. Dik il-kelma bħal pendlu, jitbandal fl-infinit, joqrob, umbagħad jitbiegħed; bla heda; għal dejjem. U hekk reġgħet ġiet u telqet esperjenza oħra fil-belt il-maħbuba. B’ħafna xebħ ma’ belti, Napli serqitli qalbi u kif dejjem kont avżat, tatni iktar milli kemm kien mingħalija sejjer ngħati.

Illum, wara s-sitt mawra f’din il-belt u il-kaos ħlejju tagħha, nistaqsi x’inhu dak li jimla’ ‘l qalbi meta nirfes dik l-art. Issuspettajt li forsi kien kollu sforz nostalġija tal-esperjenzi passati ta’ volontarjat ma’ tfal u żgħażagħ Naplitani. Iżda le. Issa naf li m’huwiex hekk.

Napli hija l-personifikazzjoni tal-arti fejn fil-forom sbieħ u koroh ta’ dak li l-bniedem jaf joħloq, tieħu forma l-ħajja. L-ifjen senswalità u sbuħija jgħixu id f’id ma’ kruha eżasperanti. Il-melodija tmelles widnejk u tiżfen mal-ħsejjes iżarrtu tal-muturi ġerrejja jħokku ma’ sormok. Il-ġenn fit-toroq tistħajjlu f’konverżazzjoni kontinwa mas-sliem fis-sotterran modern. F’Napli jiltaqgħu l-baxx u anki l-għoli tal-bniedem. L-injoranza mgħannqa mal-ġenju; il-faqar mal-ifjen ġojjell; il-vjolenza ta’ qalb silġ issibha għaġna waħda mal-imħabba espressa fuq kull ħajt, u kull skoll li jmiss mal-ibħra f’Mergellina.

Napli. L-ewwel belt stranġiera li laqgħetni fiha bit-tgħajjir, daqqiet ta’ sieq u l-isfida tal-mibki, ċkejken, Luigi, iżda li kuljum tpattili b’emozzjoni kbira u taħlita ta’ dmugħ u ferħ. Napli tfakkarni li l-ħajja fiha sens li tgħixha, hekk kif inhi; qalb in-nies, bl-arti tfewwaħ imżewwqa minn idejn pizzar u bit-theddida kontinwa ta’ vulkan.

Konverżjoni

‘Konverżjoni’

Intriganti din il-kelma. Speċjalment għal Pawlin, illum fil-25 ta’ Jannar. Skond id-dizzjunarju ta’ Aquilina, din il-kelma tirreferi wkoll għal bidla, eżempju, ta’ flus jew direzzjoni fiżika.

Sforz ir-reliġjon u l-kultura artistika li kbirna fiha, ix-xena tal-konverżjoni ta’ Sawlu dejjem rajniha bħala mument kważi kważi eleganti jew l’iktar l’iktar drammatiku. Biss, ftit minuti ilu wara li qrajt l-istatus ta’ Facebook ta’ sieħbi Stephen Baldacchino li ftit jiem ilu kien involut f’inċident tat-traffiku ikrah ħafna, ħsibt ftit dwar xi jkun mument li tassew jibdillek ħajtek ta’ taħt fuq.

L-ewwel ħsieb imur fuq dawk il-kompożizzjonijiet artistiċi li ninduna kemm huma wisq ‘l bogħod minn realtà. Anki riċerka sempliċi fuq Google, ressqitli riżultati li ġabuli tbissima, iżda fl-istess ħin aktar spunti ta’ riflessjoni… Hawn huwa eżempju:

Żgur li waqgħa minn fuq żiemel mhix daqshekk komposta kif irrakkuntaha Caravaggio. Nixtieq nimmaġina lis-suldat Ruman Sawlu jittajjar minn fuq żiemel (jew żieme ?) sfrattat u jinstabat għal wiċċu mal-art bla ebda grazzja. Minjaf forsi kiser kisra idu, tilef xi sinna jew spiċċa b’xi daqqa f’għonqu jew dahru li baqa’ jħossha fix-xhur ta’ wara. Naħseb xenarju iktar realistiku żgur. Xenarju ta’ iktar ‘impatt’ fil-veru sens tal-kelma. U appuntu hemm fejn inqabbel l-inċident ta’ Stephen ma’ episodju goff u li jaħsad.

Stephen kiteb:

“Il-Mulej jinqeda b’ħafna okkażjonijiet u ċirkustanzi biex jerġa’ jgħaqqadna miegħu. Uħud minnhom anka kemm xejn skomdi u forsi wkoll xi ftit diffiċli. Ħassra li mhux dejjem nindunaw li Hu jkun daqstant viċin tagħna! …meta nindunaw, m’hemm xejn isbaħ li niftħulu l-bibien ta’ qalbna u nħalluh jimlina bl-ispirtu divin tiegħu…”

Issa lil hinn mill-kuntest reliġjuż, li bħalissa mhux li huwa tant preżenti f’ħajti minħabba l-wisq firdiet li jġib miegħu, inħoss illi konverżjoni hija, appuntu, dik li tiftaħlek għajnejk biex tibda tifhem dak li kont għadek ma fhimtx għalkemm kollox kien ċar u tond quddiemek. Konverżjoni hija meta tiddeċiedi li għalkemm pruvajt kollox, iċċedi, tgħannaq emozzjoni diffiċli u b’imħabba tlebbet lejn triq ġdida. Konverżjoni ġġib magħha ħafna feriti, uħud gravi, uħud ma jfiqux… fiżiċi, mentali jew emozzjonali… imma ġġib ukoll nifs ta’ ħajja ġdida. F’mumenti ġġib sodisfazzjon u paċi. Ġġib opportunità ġdida…

Dal jum f’hekk qed niftakar u naħseb. Il-bżonn li ngħixu l-waqgħa b’mod komplut, kważi kważi daqs li kieku hija rigal. Imma forsi jien iblah… ma nafx. Forsi nifhem aħjar fis-siegħat u ġranet li ġejjin. Intom x’taħsbu?

L-2014 f’mużika

Ħajti dejjem kienet ittimbrata mill-mużika. B’xi mod jew ieħor, sors jew ieħor, ħajti nista nirrakkuntaha f’diski li akkumpanjawni. M’inix dilettant tal-films u l-kotba, bi sfortuna kbira, iraqqduni. Nista’ ngħid li f’ħajti ‘qrajt’ infinità ta’ stejjer miktuba għall-finijiet mużikali. Meta kont qed nitfarfar kont fortunat li ltqajt ma’ ħafna mużika b’messaġġi pożittivi u li għallmuni nibni fiduċja fija nnifsi u nħobb kemm niflaħ. Aktar ‘l quddiem sibt awturi li rrakkuntaw ħajjithom b’enerġija u profondità liema bħalha – fejn ma sibtx kliem jien, dawn kważi kważi rnexxielhom jiktbu stejjer li bħal donnhom irrakkuntaw ħajti u s-sentimenti tiegħi. Kull kanzunetta ngħoddha daqs ktieb. Kull album, librerija.

Fir-realtà tal-llum l-inkontru mal-mużika huwa fuq livell emozzjonali. Illum naf li anki l-mużika nnifisha hija ‘kitba’ li tirrakkonta sensazzjjoni. L-“uġiegħ” li kien isemmi l-Gaġġu lura fl-2002 illum hija lingwa li nsib aktar komda minn dik tal-ilsien nazzjonali. Lura fl-istess żminijiet, is-Sur Alfred Camilleri kien qalilna “tibżgħux tammettu li intom artisti”. U hekk hu. Illum kburi li fhimt u snin ilu aċċettajt din il-‘kundizzjoni’. Kemm hi sabiħa din il-lingwa! U kemm hu sabiħ meta ssib mumenti fejn din il-lingwa hi mitkellma.

Is-sena 2014 nista’ nirrakkuntaha f’numru ta’ kanzunetti:

Ateliota Hrisanthema ta’ K.BHATA
Diska li kienet ixxerjata fuq Facebook mill-kollega Griega, Maria. Meta smajtha, xi ħaġa fija ġara. Bħal ħassejt li sibt ħoss u rakkont li jitbandal bl-istess ritmu ta’ qalbi. Għalkemm il-lingwa mitkellma ma stajtx nifimha, dik tar-ruħ u tal-qalb, fehmet kollox. Filfatt, tlabt lil Maria tieħu paċenzja bija u tgħamilli nterpretazzjoni għall-Ingliż. Bqajt sorpriż mhux ftit meta rrealiżżajt x’kien ir-rakkont f’din id-diska u ma stajtx inżomm id-dmugħ. Saħansitra ddeċidejt li ngħamel interpretazzjoni għall-Malti, li sabet ruħha, mill-ġdid, fuq Facebook.
It-titlu ta’ din id-diska għażiża issa jinsab imberfel ukoll fuq il-karozza tiegħi, bit-tama li xi darba anki jien ngħix f’għelieqi bla tmiem ta’ kriżantemi.

Heard About You Last Night ta’ Mogwai
Il-ħolm huwa dak li jżomm lill-bniedem ħaj. U appuntu din id-diska li tiftaħ l-aħħar album tal-band tant għal qalbi, Mogwai, apparti li tinstema bħal soundtrack ta’ ħolma, kienet akkumpanjament għall-ħolm ta’ din is-sena. Mill-karozza għal fuq Spotify; mill-earphones fuq ix-xogħol sal-headphones f’nofs ta’ lejl, mill-laptop għal fuq il-mobajl. F’din il-mużika sibt rilassament fi żmien il-kitba tat-teżi u sibt ukoll mezz kif nifhem lili nnifsi fil-paċi u mhux fil-konfużjoni. F’dil-mużika ħlomt bil-maġija u emmint li nista’ ngħix l-impossibbli. Hekk kif beda l-kunċert ta’ Mogwai f’Ruma u nisma dawk l-ewwel ftit noti, ma stajtx ma nħossx dexha tiela ma’ ġismi kollhu. Mument maġiku tassew!
Użajt it-titlu ta’ din id-diska bħala titlu għal rakkont qasir minn tiegħi li jinstab hawn.

Formidable ta’ Stromae
Matul din is-sena ġraw affarijiet tassew formidabbli u li sa dan il-ħin li qed nikteb, ma nistax nispjega, għalkemm pruvajt. Il-kliem qatgħu qalbhom u anki l-arti. Baqa’ biss qalbi tħabbat u tixxennaq li għadha tista’ tgħum f’tant lussu. Sa minn meta smajtha l-ewwel darba waqt Sanremo din id-diska fissret wisq!

Sete ta’ Saluti da Saturno
Kien album li rċivejt bħala rigal mingħand il-kantant Mirco Mariani. Album li akkumpanja l-ewwel xhur tas-sena b’ħafna tjubija u kebbes fija enerġija li kont tlift fis-sena ta’ qabel. Sete filfatt titkellem dwar tfittxija u stennija nfinita għal dik li tixgħel il-ħajja. Album li wasal b’sorpriża u li niżel għasel bħal tazza ilma frisk f’nofs deżert.

L’Abitudine di Tornare ta’ Carmen Consoli
Ir-ritorn tal-kantantessa ma nistax ma niċċelebrahx wara stennija ta’ ħames snin. Carmen dejjem kitbet rakkonti li għallmuni ngħix u nifhem kif għandi nħares lejn il-ħajja… b’imħabba imma b’rispett lejja u lejn il-prinċipji fundamentali tiegħi.

Out of the Black ta’ Royal Blood
L-iskoperta ta’ qabel tal-aħħar. Fiż-żmien meta ridt insib ftit saħħa, sibt din, grazzi għal share li għamel sieħbi Davide mill-istess album. Jien bħas-soltu, ridt nisma l-album kollu u din, l-ewwel track, rebħitli qalbi.

I Lived on the Moon ta’ Kwoon
L-aħħar skoperta dis-sena. Imma x’effett! X’paċi ġabitli! Bħal qisu xi ħadd ġie jwennisni f’mument fejn intfajt nibki taħt siġra f’nofs foresta kiesħa.

Diski oħrajn li ħaqqhom grazzi:

Shine ta’ Madrugada
Rapsodia Satanica ta’ Giardini di Mirò
Lover, You Should’ve Come Over ta’ Jeff Buckley
Luna ta’ Verdena

Żieme

Bħal fi Trojja, tfaċċa żiemel f’Belti u ġab miegħu nvażjoni. Bħal fi Trojja, l-installazzjoni “Żieme” inħbiet wara l-idea ta’ monument, biss l-essenza ħarġet inkiss inkiss, infiltrat fid-djar u fl-imħuħ u nażżarda ngħid li anki din id-darba, il-gwerra ntrebħet.

Xi gwerra hi li ntrebħet?

Gwerra hija magħmula minn battalji u appuntu l-lista ta’ battalji li ġew miġġielda kienu numerużi. Battalja kontra l-injoranza. Battalja kontra l-aljenazzjoni. Battalja kontra l-kunċetti estremi Nazzjonalisti u Soċjalisti. Battalja kontra l-għażż. Battalja kontra s-soffokazzjoni artistika u kulturali. Battalja kontra l-formalità politika. Battalja kontra l-ipokrezija reliġjuża. Battalja kontra l-ġaħan. Battalja kontra l-aristokratiku kollu pompa.

B’Żieme, l-artist u ħabib tiegħi, Austin Camilleri, irnexxielu jaħsadna u jekk lis-suġġett tiegħu ħallieh fuq tlett saqajn, żgur li lilna qabadna fuq sieq waħda. Kemm l-iktar mistoqsija sempliċi iżda anki dik l-aktar akkademika, tistħarreġ is-saħħa u l-istabbiltà ta’ dik il-kreatura familjari, mhux aktar rikonoxxuta, u b’identità maħsuda sforz nuqqas evidenti u forsi makabru.

miktuba lura għal ġranet tal-inawgurazzjoni

L-infinit

Huwa f’ċertu ħars li jintlemaħ jew jinħeba l-infinit. Hekk ikantaw Battiato u Consoli. Jistaqsu kif tista’ ma twerżaqx dak li l-univers jorbot ma’ rwieħna f’għaqda minsuġa bil-ktajjen?


Fil-forma ta’ kliem u l-kumbinazzjonijiet ta’ bejniethom, fid-daqqiet tal-pinzell diġitali, jien inwerżaq. Inwerżaq. Inwerżaq bħall-karozza arroganti li taħsad is-skiet ta’ triq siekta. X’ħin tarani sieket, jien qed inwerżaq. Fid-dlam, qabel il-lejl jifrex liżar fuqi, iftaħ widnejk u tismagħni nwerżaq. Meta mal-ħobż tal-kexxun fit-towster titla’ xemx ġdida, ieqaf, neħħi minn idek u ismagħni nwerżaq.

Il-ħsieb u l-kliem joħorġu jilgħabu mal-lejl. Jiġru u jitkaxkru mal-art, qalb trabijiet, għadajjar t’ilma u karozzi pparkjati. Bħal missjunari jew forsi lagħaba bla fejqan jibqgħu isostnu l-fidi tagħhom b’ostinazzjoni. Jittajru kliem u ħsibijiet fi bżieżaq, fl-arja tiegħek u jiżżeffnu mar-ruħ bil-moħbi. Dak il-moħbi li ftit jażżardaw jitkixxku fih… ħlief int. Int taqbeż f’dak il-moħbi mimli tempesti, bluha u ħoss l-orkestri.

Nidħak waħdi b’għajnejja b’nitfa dmugħ, meta ma nifhimx għalfejn inwerżaq. Jekk l-univers jarmi l-ktajjen, jien niżloq, jien immut. Jekk l-univers ma jsallabnix, jien ma nerġax inqum wara tlett ijiem. Għalhekk kull lejl jiftaħ separju fuq destin diżorganizzat; imċajpar; u bir-ritmu tal-lastiku fuq il-wiċċ tal-karozza, jaħsel ħuġbejja b’emozzjoni biex l-infinit jerġa’ jagħmel sens. Biex meta tpoġġi fjura fuq qabri, tismagħni nwerżaq.

Ispirata minn din. Miktuba għal dik.

Remurdered. Maqtul mill-ġdid.

Remurdered. Maqtul mill-ġdid.

Biċċa mużika ideali għall-ġurnata tal-llum fejn ħafna nies madwari narhom mitlufa wara tifkiriet ta’ żagħżugħ tal-età preċiża tiegħi li spiċċa msallab wara li ngħata bewsa.

Illum ma tantx għandi ħin nikteb minħabba mpenji oħra, biss kelli dan il-ħsieb iberren hekk kif dalgħodu faqqgħu dawk it-tlett sajjetti meraviljużi bejn is-sur ta’ quddiem kamarti u qalbi. U meta jberren, ikun irid jinkiteb!

Lil min qed insallab illum?

‘L bogħod minn kull diskors reliġjuż, ikolli ngħid li l-iktar sitwazzjoni li spiss ninjora hija meta nispiċċa nsallab lili nnifsi. Għandi x-xorti li f’ħajti tfaċċaw nies li b’xi lingwa jew oħra, ifakkruni meta jarawni b’xi kaxxa msiemer f’idi u martell fl-oħra. Kultant l-imsiemer tal-biżgħat, l-imsiemer tat-tfulija, taż-żogħżija, l-imsiemer ta’ mħabbiet passati, l-imsiemer ta’ futur ‘bir-ross’ bħal f’televiżjoni antik jew l-imsiemer ta’ xewqat li jaqtgħuk mill-preżent. Minn issa.

Lil min qed insallab illum?

Nemmen fil-qawmien. Nemmen fi proċess li ħafna jitkellmu dwaru. L-istess proċess imma mhux l-istess nies, jew aħjar, mhux l-istess kostum. Min liebes ta’ qassis, min ta’ għalliem imżewwaq bl-akkademja, min bil-beġġ tal-mużew, min bid-dreadlocks, min miksi make up, min b’xagħru mqaxxra, min b’kitarra jew pinzell, min f’qiegħ ta’ sodda qabel telaq u min f’nofs bikja ta’ ferħ. Ħafna kostumi u gwerer iżda l-istess messaġġ.

Nemmen fil-qawmien ta’ min weħel mal-passat, ta’ dik it-tfajla mill-isbaħ li nqabdet il-Gżira tiġġenera l-flus b’ġisimha, ta’ dak l-attivist li spiċċa mjassar mill-ħsieb tal-vjolenza. Nemmen fil-qawmien ta’ dak il-missier li ngħalaq f’kamartu jaqra kotba inutli li wikkielu l-kappillan biex mingħalih isalva ruħu billi jixtarr mewtu. Nemmen fuq kollox fil-qawmien tiegħi lejn ħajja profonda bħall-għawma f’baħar blu u r-riħa ġenwina, għalkemm mielħa, tiegħu. Fuq kollox nemmen fil-bewsa; fl-imħabba.

Kien ikun fierah dan it-twemmin, mingħajr il-qawmien.

Le żgħażugħ, mhux kollox hu mitmum. Le ma rridx inkun ħati ta’ qtil ieħor.

Remurdered.

Il-bewsa hija qawmien u qatt tradiment.

Biki u theżżiż tas-snien

Ninsab imbikkem u rrabjat fl-istess ħin. Nixtieq nibki u nixtieq inwerżaq. Nitwerwer u nħoss dardir fl-istonku meta nirrealizza li ninsabu ċirkundati b’tant nies imliebsa għamad li lanqas jafu japprezzaw fejn qed jgħixu u x’inhu l-preġju ta’ dak li għandhom.

Iktar kmieni dalgħodu xi ħadd tarrafli li wieħed mill-famużi ħwienet fit-Triq il-Lvant ġewwa Belti, dak li fi ċkuniti niftakru armat sa ruħ ommu b’ġarar tal-ħġieġ oħxon u kemmxejn ħadrani, wieħed minn dawk li minjaf kemm attira produtturi ta’ films għal din it-triq, illum spiċċa mingħajr il-bieb antik u tant sabiħ tiegħu. Miegħu sparixxiet ukoll il-landa li fuqha kien hemm xi darba l-isem tal-ħanut u li issa spiċċat miksija moffa u sadid. Għaddejt ftit siegħat wara u nilmaħ dan il-bieb fi skipp. Kelli mmur xogħol u ma stajtx nieħu wisq azzjoni bil-mobajl tiegħi, li lanqas kuluri fl-iskrin ma fih. Xi siegħat wara sirt naf li l-iskipp kienet inġabret u allura qabadni niket kbir, speċjalment meta ħabib tiegħi għaddieli ritratt ta’ dak li hemm issa, żewġ purtelli tal-ħadid!

B’liema arroganza, xi ħadd għandu dritt iħassar memorja ta’ din il-Belt tant għażiża? B’liema livell ta’ injoranza (f’sens ta’, aljenazzjoni) kapaċi nkunu daqstant birdin quddiem dan it-teżor uniku fid-Dinja? U hawn, l-argument li l-propjetarju għandu dritt jgħamel li jrid f’daru, ma jsegwix. Propjetà fil-Belt Valletta, ċkejkna kemm hi ċkejkna, tgħamel parti minn tessut sħiħ ta’ kultura, disinn, ħsieb u lingwaġġ, li vjaġġa tul iż-żminijiet f’ilsien il-ġenerazzjonijiet Maltin, sakemm wasal s’għandna. U llum, f’dinja fejn nistgħu nreġġgħu għal ħajja kull oġġett miblul, naqbdu u nkeffnu kollox biex ngħamlu spazju għal xi lqugħ tal-metall! X’ma jitgħeżżux is-snien!

Għada, (litteralment) jaf ikun imiss lill-ħanut ta’ faċċata – tat-tabakk – ħanut tal-1868. Minjaf? Sakemm kulħadd jibqa’ sieket, u sakemm id-dipartiment tal-infurzar tal-MEPA jibqa’ ma jaħdimx matul tmiem il-ġimgħa, dawn it-tip ta’ sfreġji ser jibqgħu isibu l-kumdità kollha. Biss biss minn dan tal-aħħar, ma nafx kemm -il oġġett ta’ żminijiet antiki ntrema’ fl-aħħar jiem!

Triq San Pawl… qabel u wara t-tkissir 

Il-ġimgħa l-oħra ġara l-istess lil ħanut fi Triq San Pawl u ftit xhur qabel, ix-xorti misset lill-ħanut tat-té ta’ Frans fit-taraġ ta’ Triq Santa Luċija. B’urġenza kbira hemm bżonn li l-Gvern u l-awtoritajiet interessati, jadottaw sistema, ilbieraħ qabel illum, fejn dawn il-ħwienet, filwaqt li jerġgħu jingħataw il-ħajja, jiġu preservati fil-glorja oriġinali tagħhom.

Jeħtieġ ukoll li l-Beltin u anki l-Maltin li għandhom għal qalbhom il-wirt kulturali, jqumu mir-raqda u jsemmgħu leħinhom. Inutli niċċelebraw titli u festi kulturali jekk fil-qalba tal-mentalità kulturali għandna darsa mħassra li tnemnem daqs xokk elettriku taħt l-ilma.

Tgħid hawn widnejn mhux torox u għajnejn mhux mgħottija?

It-tazza tal-Ġojja

Fl-ewwel kitba tiegħi din is-sena, ktibt dwar Jannar, ix-xahar li tant inħobb. Din id-darba, iżda, għoġbu jkun kattiv u jaħsad il-ħajja ta’ wieħed mill-ġirien; Clive Brincat, mgħaruf bħala ‘il-Ġojja’.

Mhux ta’ b’xejn dak il-laqam meta tara, tisma u taqra l-imħabba li ħalla warajh. Illum fi Knisja ta’ San Duminku ppakkjata, ċapċapnilu u bkejnieh imma hekk kif indaqq l-innu tal-Valletta FC, bħal qisni erġajt ilmaħt lil Clive bilqiegħda, hemm quddiem il-Qorti, mhedi jikkonċentra jnaqqax xi disinn fuq dirgħajn xi klijent. Stħajjiltni ħiereġ mid-dar u nsibu quddiem il-bieb u nisimgħu jgħidli “aw Pawl!”, b’dik it-tbissima mpekkabbli sinonima miegħu… u forsi naqbdu xi diskursata qasira dwar l-Inter u l-Milan. Illum sellimtlu għall-aħħar darba u tpaxxejt bil-komunità magħquda ta’ ħbieb u kollegi li Clive ġab flimkien.

Hekk kif issa kont qed naqra artiklu li jitħadded dwar il-kultura, irrealiżżajt kif karattru bħal Clive, bis-sempliċità kollha tiegħu, iżda b’passjoni lejn kull ħaġa li kien iħobb, rawwem kultura li laħqet u nvolviet ħafna u ħafna u ħafna nies f’ħajtu u issa, anki wara. Bi ftit kliem u ġesti sempliċi dan ir-raġel, li kiber ftit metri ‘l bogħod minni, mess lil ħafna u wassal messaġġ ċar. Dan kien l-aħħar kumment tiegħu fuq facebook:

“Bongu , nixtieq lil familja u il hbieb il milied u is sena it tajba mimlija saha u paci u jekk em xahat miggiled jirangaw u jattu il festi it tajba il xulxijn”

Hemm xi żżid? Madre Teresa kienet esprimiet xewqa li tkun qatra f’oċean li tqajjem xi mewġa ħafifa. Mhux b’omeliji tedjanti jew xi akkademja diffiċli imma b’ġesti sempliċi, bi tbissima sinċiera u appuntu b’ġojja lejn kull persuna li tmiss magħna rridu ngħixu din il-ħajja. Hekk, bħal Clive.

Tgħalima f’waqtha. Grazzi Clive – u prosit tas-suċċess li wettaqt minn ħajtek. Tazza li mhu ser tiswied qatt fil-vetrini tal-Beltin! Strieħ fis-sliem ħabib u Forza City dejjem!